|
15.9.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 237/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1546
tad-29 ta' Settembru 2016
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 207 u l-Artikolu 212(1) flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jiftħu negozjati mal-Awstralja dwar Ftehim Qafas biex jieħu post il-Qafas ta' Sħubija bejn l-UE u l-Awstralja tal-2008. |
|
(2) |
In-negozjati dwar Ftehim Qafas (“il-Ftehim”) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) ġew konklużi b'suċċess fil-5 ta' Marzu 2015. Il-Ftehim jirrifletti kemm ir-relazzjoni storikament viċina u r-rabtiet dejjem iktar b'saħħithom li qegħdin jiżviluppaw bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jestendu iktar r-relazzjonijiet tagħhom b'mod ambizzjuż u innovattiv. |
|
(3) |
L-Artikolu 61 tal-Ftehim jipprevedi li l-Unjoni u l-Awstralja jistgħu japplikaw b'mod proviżorju ċerti dispożizzjoniijet tal-Ftehim, determinati reċiprokament miż-żewġ Partijiet, sakemm dan jidħol fis-seħħ. |
|
(4) |
Il-Ftehim għandu għalhekk jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u xi wħud mid-dispożizzjonijiet tieghu għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Sakemm jidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 61 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Awstralja, iżda biss sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluż materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni għad-definizjoni u l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni (1):
|
— |
Artikolu 3: (Djalogu politiku), |
|
— |
Artikolu 10: (Kooperazzjoni f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali), |
|
— |
Artikolu 56 (“Kumitat Konġunt”), bl-eċċezzjoni tal-punti (g) u (h) tal-paragrafu 3 tiegħu, |
|
— |
Titolu X (Dispożizzjonijiet finali), bl-eċċezzjoni tal- Artikolu 61(1) u (3), sa fejn hu neċessarju biex tiġi żgurata l-applikazzjoni proviżorja tal-partijiet tal-Artikoli 3,10 u 56 tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim imsemmija fl-ewwel tliet inċiżi. |
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. ŽIGA
(1) Id-data li minnha jiġu applikati b'mod proviżorju d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim imsemmija fl-Artikolu 2 ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.