4.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 203/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1418
tal-4 ta' Awwissu 2017
li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK. |
(2) |
Bħala parti mill-politika tal-Unjoni ta' non-rikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol, il-provvista ta' tagħmir kruċjali għall-ħolqien, l-akkwist jew l-iżvilupp ta' proġetti tal-infrastruttura fil-Krimea u Sevastopol f'setturi importanti, li jinkludu l-enerġija, ġiet ipprojbita mill-Kunsill. |
(3) |
Ġew fornuti mir-Russja turbini tal-gass, li huma element sostanzjali fl-iżvilupp ta' impjanti ġodda tal-enerġija fil-Krimea, bi ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali għall-bejgħ oriġinali tat-turbini minn kumpannija stabbilita fl-Unjoni lir-Russja. |
(4) |
L-iskop ta' dawk l-impjanti tal-enerġija huwa li tiġi stabbilita provvista tal-elettriku indipendenti għall-Krimea u Sevastopol, biex b'hekk tkun appoġġata s-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna u jiġu pperikolati l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Barra minn hekk, din l-azzjoni ddgħajjef il-politika tal-Unjoni ta' non-rikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol |
(5) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jenħtieġ li persuni, entitajiet u korpi addizzjonali jiżdiedu mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kif tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK. |
(6) |
Jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MAASIKAS
(1) ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.
ANNESS
Lista ta' persuni u entitajiet msemmijin fl-Artikolu 1
I. Persuni
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet |
Data tal-Elenkar |
158. |
Andrey Vladimirovich CHEREZOV (TSCHERESOW) Черезов, Андрей Владимирович |
Viċi Ministru għall-Enerġija tal-Federazzjoni Russa. Data tat-twelid: 12.10.1967 Post tat-twelid: Salair, Oblast ta' Kemerovskaya |
Iġorr parti mir-responsabbiltà għad-deċiżjoni li jiġu ttrasferiti turbini tal-gass li ġew ikkonsenjati minn Siemens Gas Turbine Technologies OOO lil OAO VO Technopromexport, għall-installazzjoni fil-Krimea. Din id-deċiżjoni tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u tipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna. |
4.8.2017 |
159. |
Evgeniy Petrovich GRABCHAK Грабчак, Евгений Петрович |
Kap tad-Dipartiment fil-Ministeru għall-Enerġija tal-Federazzjoni Russa. Data tat-twelid: 18.7.1981 Post tat-twelid: Ust-Labinsk, Reġjun ta' Krasnodar |
Responsabbli fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija tal-Federazzjoni Russa għall-iżvilupp ta' proġetti elettro-enerġetiċi fil-Krimea. Dawn il-proġetti jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u tipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna. |
4.8.2017 |
160. |
Sergey Anatolevich TOPOR-GILKA Топор-Гилка, Сергей Анатольевич |
Direttur Ġenerali ta' OAO “VO TPE” sal-insolvenza tagħha, Direttur Ġenerali ta' OOO “VO TPE”. Data tat-twelid: 17.2.1970 |
Fil-kapaċità tiegħu bħala Direttur Ġenerali ta' OOO “VO TPE”, huwa mexxa n-negozjati ma' Siemens Gas Turbine Technologies OOO dwar ix-xiri u l-konsenja tat-turbini tal-gass għal impjant tal-elettriku f'Taman, ir-reġjun ta' Krasnodar, Federazzjoni Russa. Kien responsabbli għat-trasferiment tat-turbini tal-gass lill-Krimea. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna. |
4.8.2017 |
II. Entitajiet
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet |
Data tal-Elenkar |
38. |
OAO “VO Technopromexport” (OAO “VO TPE”) Magħrufa wkoll bħala: Open Joint Stock Company “Foreign Economic Association”“Technopromexport” Открытое акционерное общество Внешнеэкономическое объединение Технопромэкспорт |
Indirizz: 119019, Moscow, Novyi Arbat str., 15, building 2 Data ta' reġistrazzjoni: 27.07.1992 Numru ta' Reġistrazzjoni Statali: 1067746244026 Numru ta' Reġistrazzjoni tat-Taxxa: 7705713236 |
Parti kontraenti ma' Siemens Gas Turbine Technologies OOO, OAO “VO TPE”, xtrat turbini tal-gass iddikjarati bħala maħsuba għal impjant tal-elettriku f'Taman, reġjun ta' Krasnodar, Federazzjoni Russa, u bħala l-kuntrattur kienet responsabbli għat-trasferiment tat-turbini tal-gass lill-OOO “VO TPE” li min-naħa tagħha ttrasferixxiethom biex jiġu installati fil-Krimea. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna. |
4.8.2017 |
39. |
OOO “VO Technopromexport” (OOO “VO TPE”) Magħrufa wkoll bħala: Limited Liability Company “Foreign Economic Association”“Technopromexport” Общество с ограниченной ответственностью “Внешнеэкономическое объединение Технопромэкспорт” |
Indirizz: 119019, Moscow, Novyi Arbat str., 15, building 2 Data ta' reġistrazzjoni: 08.05.2014 Numru ta' Reġistrazzjoni Statali: 1147746527279 Numru ta' Reġistrazzjoni tat-Taxxa: 7704863782e |
Sid attwali tat-turbini tal-gass li oriġinarjament ġew fornuti minn Siemens Gas Turbine Technologies OOO lil OAO “VO TPE”. OOO “VO TPE” trasferixxiet it-turbini tal-gass biex jiġu installati fil-Krimea. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna. |
4.8.2017 |
40. |
ZAO Interavtomatika (IA) Magħrufa wkoll bħala: ЗАО “Интеравтоматика”, CJSC “Interavtomatika” |
Indirizz: 115280, Moscow, Avtozavodskaya st., 14, Data ta' Reġistrazzjoni: 31.01.1994 Numru ta' Reġistrazzjoni Statali: 1037739044111 Numru ta' Reġistrazzjoni tat-Taxxa: 7725056162 |
Kumpannija speċjalizzata fis-sistemi ta' kontroll u komunikazzjoni għall-impjanti tal-elettriku, li daħlet f'kuntratti għal proġetti marbuta mal-bini ta' impjanti tal-elettriku u l-installazzjoni ta' turbini tal-gass f'Sevastopol u f'Simferopol. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna. |
4.8.2017 |