29.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1402

tat-28 ta' Lulju 2017

dwar l-approvazzjoni tal-funzjoni tal-BMW AG tal-engine idle coasting bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-manifattur BMW AG (“l-Applikant”) ressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-funzjoni tal-engine idle coasting bħala ekoinnovazzjoni fit-23 ta' Ġunju 2016. Il-kompletezza ta' dik l-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. Instab li l-applikazzjoni kienet sħiħa.

(2)

L-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (3). Minħabba l-kumplessità tat-teknoloġija, il-perjodu ta' valutazzjoni ġie estiż b'ħames xhur b'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, jiġifieri sat-23 ta' Awwissu 2017.

(3)

L-applikazzjoni tirreferi għall-funzjoni tal-BMW AG “engine idle coasting” li tintuża fil-vetturi BMW M1 b'sistema ta' mototrażmissjoni konvenzjonali kif ukoll trażmissjoni awtomatika. Il-prinċipju bażiku ta' din it-teknoloġija innovattiva huwa li magna tal-kombusjoni tiġi skonnessa mis-sistema tal-mototrażmissjoni u b'hekk tiġi evitata d-deċellerazzjoni permezz tal-ibbrejkjar tal-magna. Il-funzjoni għandha tiġi attivata awtomatikament fil-modalità ta' sewqan predominanti, li hija l-modalità magħżula awtomatikament meta tinxtegħel il-vettura. B'hekk il-coasting jintuża biex tiżdied id-distanza li tibqa' miexja l-vettura meta ma jkunx hemm propulsjoni u ma jkunx meħtieġ tnaqqis bil-mod tal-veloċità. Waqt il-“coasting”, l-enerġija kinetika u potenzjali tal-vettura tintuża direttament biex tingħeleb ir-reżistenza tas-sewqan u, bħala konsegwenza, sabiex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil. Biex tinkiseb deċellerazzjoni inqas b'saħħitha, il-magna tiġi skonnessa mis-sistema ta' motopropulsjoni billi jinfetaħ klaċċ. Dan isir b'mod awtomatiku minn unità ta' kontroll tat-trażmissjoni awtomatika. Matul dawn il-fażijiet tal-coasting il-magna tkun qed taħdem fuq idle (“engine idle coasting”).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1132 (4), il-Kummissjoni approvat applikazzjoni minn Porsche AG li tikkonċerna l-funzjoni tal-coasting maħsuba għall-użu f'vetturi Porsche fis-segment S M1 (tat-tip sport coupé) biss. L-applikazzjoni tal-BMW AG li tirrigwarda funzjoni “engine idle coasting” hija maħsuba għall-użu fil-vetturi BMW M1 b'sistema ta' mototrażmissjoni konvenzjonali kif ukoll trażmissjoni awtomatika.

(5)

L-applikant ipprovda metodoloġija għall-ittestjar tat-tnaqqis tas-CO2 mill-użu tal-funzjoni tal-engine idle coasting, inkluż għaċ-ċiklu tat-test NEDC modifikat sabiex il-karozza tkun tista' tibqa' miexja mingħajr ma tkun konnessa mal-magna. Biex tqabbel vettura mgħammra bil-funzjoni tal-engine idle coasting ma' vettura ta' referenza meta l-funzjoni tal-coasting ma tkunx ġiet installata, fejn il-funzjoni ma tkunx disponibbli fil-modalità ta' sewqan predominanti inkella tkun diżattivata għall-finijiet tal-ittestjar, iż-żewġ vetturi għandhom jiġu ttestjati fuq l-istess taċ-ċiklu tat-test NEDC modifikat. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet li kellha l-vettura ta' referenza biex issegwi l-ispeedtrace taċ-ċiklu tat-test NEDC modifikat, it-test tal-vettura ta' referenza isir fuq l-NEDC standard f'kundizzjonijiet standard ta' startjar sħun, filwaqt li l-kondizzjonijiet modifikati jiġu kkunsidrati permezz ta' fattur ta' konverżjoni li jiġi applikat għall-kalkolu tal-iffrankar ta' CO2. Id-determinazzjoni tal-fattur ta' konverżjoni huwa speċifiku għall-vettura u huwa relatat prinċipalment mal-konfigurazzjoni tal-hardware tas-sistema ta' mototrażmissjoni. Abbażi ta' studji preċedenti, il-fattur ta' konverżjoni jidher li jaqa' fil-medda bejn 0,96 u 0,99. L-applikant talab li l-fattur ta' konverżjoni jkun stabbilit fil-livell ta' 0,98. Il-Kummissjoni tqis madankollu li l-applikant ma pprovdiex biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat fattur ta' konverżjoni ogħla minn 0,96. Fid-dawl ta' dan, huwa kkunsidrat xieraq li jinżamm fattur ta' konverżjoni fin-naħa l-baxxa tal-medda identifikata, jiġifieri l-valur ta' 0,96, skont il-fattur ta' konverżjoni definit fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1132.

(6)

Element ewlieni fid-determinazzjoni tal-iffrankar ta' CO2 huwa l-proporzjon tad-distanza li tivvjaġġa vettura li fih tkun attivata l-funzjoni tal-coasting, filwaqt li jitqies li l-funzjoni tal-coasting tista' tiġi diżattivata f'modalitajiet ta' sewqan differenti mill-modalità ta' sewqan dominanti. L-applikant ippropona fattur tal-użu ta' 0,7 li huwa marbut mad-distanza osservata koperta f'kundizzjonijiet ta' coasting f'testijiet tas-sewqan fid-dinja reali meta mqabbla mad-distanza tal-coasting f'kundizzjonijiet modifikati tan-NEDC. Madankollu, il-fattur tal-użu propost irriżulta bħala valur fl-aqwa każ mingħajr analiżi ta' sostenn robusta. Abbażi ta' analiżi addizzjonali u fid-dawl tal-analiżi magħmula għall-finijiet tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1132, huwa xieraq li jitqies fattur tal-użu aktar konservattiv ugwali għal 0,62.

(7)

L-istudju tal-każ imwettaq mill-BMW AG, ikkonċerna żewġ vetturi li kellhom it-teknoloġija tal-engine idle coasting attiva sa 40 km/h. Fi-dawl tal-produzzjoni fil-futur qrib ta' mudelli tal-BMW li kapaċi jużaw il-funzjoni tal-coasting sa 15 km/h, l-applikant ippropona metodu analitiku biex l-ambitu jiġi estiż biex ikopri wkoll dan il-perjodu itwal li fih tkun attivata l-funzjoni. Madankollu, l-influwenza ta' perjodu ta' coasting itwal fuq il-fattur tal-użu ma ġietx analizzata mill-applikant. Għalhekk, huwa xieraq li l-funzjoni tal-coasting titqies bħala attiva għall-inqas sa 40 km/h.

(8)

L-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni turi li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet definiti fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 u li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 ġew issodisfati għal mill-inqas waħda miż-żewġ vetturi ppreżentat fl-istudju tal-każ. Barra minn hekk, l-applikazzjoni għandha l-appoġġ ta' rapport ta' verifika stabbilit minn korp iċċertifikat u indipendenti skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

(9)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta ma' din l-applikazzjoni, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-valutazzjoni tat-talba dwar l-approvazzjoni tal-funzjoni għall-coasting tal-Porsche AG fil-qafas tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1132, intwera b'mod sodisfaċenti li l-funzjoni tal-BMW engine idle coasting tista' tipprovdi tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 ta' mill-inqas 1 g ta' CO2/km skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 725/2011 għal ċerti vetturi BMW. Huwa għalhekk meħtieġ li l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tivverifika li l-limitu massimu ta' 1gCO2/km speċifikat fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 hwua ssodisfat għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2 minn vetturi BMW mgħammra bil-funzjoni engine idle coasting.

(10)

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li ma għandha tagħmel l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tat-teknoloġija innovattiva inkwistjoni.

(11)

Sabiex jiġi ċċertifikat l-iffrankar ta' CO2 mill-funzjoni tal-engine idle coasting tal-BMW AG, il-manifattur BMW AG għandu jipprovdi rapport ta' verifika minn korp ta' verifika indipendenti u ċċertifikat li jikkonferma l-konformità tal-vettura mgħammra bil-funzjoni mal-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni flimkien mal-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip.

(12)

Bil-għan li jiġi stabbilit il-kodiċi ġenerali tal-ekoinnovazzjoni li għandu jintuża fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandu jiġi speċifikat il-kodiċi individwali li għandu jintuża għat-teknoloġija innovattiva,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Approvazzjoni

Il-funzjoni tal-engine idle coasting tal-BMW AG, minn hawn 'il quddiem il-funzjoni tal-engine idle coasting tal-BMW, hija approvata bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-teknoloġija innovattiva tiġi installata f'vetturi BMW M1 b'sistema ta' motopropulsjoni konvenzjonali u bi trażmissjoni awtomatika mgħammra u l-funzjoni tal-BMW engine idle coasting tiġi attivata awtomatikament fil-modalità ta' sewqan predominanti; din hija l-modalità ta' sewqan li tintgħażel dejjem meta tinxtegħel il-vettura indipendentement mil-modalità tat-tħaddim tal-vettura meta din tkun intfiet l-aħħar; il-funzjoni tal-BMW engine idle coasting ma tistax tiġi diżattivata fil-modalità ta' sewqan predominanti mis-sewwieq jew minn interventi esterni;

(b)

il-funzjoni tal-BMW engine idle coasting tkun attiva mill-inqas sa 40 km/h;

(c)

għal vetturi bil-kapaċità li jibqgħu mexjin waħedhom f'deċellerazzjoni sa veloċità ta' inqas minn 40 km/h, il-funzjoni tal-BMW engine idle coasting għandha tiġi diżattivata f'veloċità ta' 40 km/h għall-iskop tat-test imniżżel fl-Anness.

Artikolu 2

Applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2

Il-manifattur BMW AG jista' japplika għal ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2 mill-funzjoni tal-BMW engine idle coasting b'referenza għal din id-Deċiżjoni.

L-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni għandħa tiġi akkumpanjata minn rapport ta' verifika minn korp indipendenti u ċċertifikat li jikkonferma l-konformità tal-vettura mgħammra mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, u li l-limitu tal-iffrankar ta' CO2 ta' 1gCO2/km speċifikat fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 725/2011 hija sodisfatta.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2

It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 mill-użu tal-funzjoni tal-BMW engine idle coasting imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jiġi ddeterminat bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 4

Kodiċi tal-ekoinnovazzjoni

Il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni Nru 23 għandu jiddaħħal fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip meta ssir referenza għal din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19.

(3)  https://circabc.europa.eu/w/browse/f3927eae-29f8-4950-b3b3-d2e700598b52

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1132 tal-10 ta' Lulju 2015 dwar l-approvazzjoni tal-funzjoni tal-coasting tal-Porsche AG bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 184, 11.7.2015, p. 22).

(5)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


ANNESS

Metodoloġija biex jiġi determinat l-iffrankar tas-CO2 bl-użu tal-funzjoni tal-BMW engine idle coasting

1.   DAĦLA

Sabiex jiġi stabbilit l-iffrankar tas-CO2 li jista' jiġi attribwit għall-użu tal-funzjoni tal-BMW tal-engine idle coasting, jeħtieġ li jiġu speċifikati l-affarijiet li ġejjin:

(1)

Il-vetturi tat-test;

(2)

Il-proċedura tal-ittestjar sabiex jiġi determinat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' vettura ekoinnovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati;

(3)

Il-proċedura tal-ittestjar li għandha tiġi segwita sabiex jiġi determinat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet ta' startjar sħun għall-approvazzjoni tat-tip;

(4)

Il-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2;

(5)

Il-kalkolu tal-marġni ta' statistika.

2.   SIMBOLI, PARAMETRI U UNITAJIET

Simboli bil-Latin

Formula

iffrankar ta' CO2 [g CO2/km];

CO2

Diossidu tal-karbonju;

c

Parametru ta' konverżjoni;

BMC

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

EMC

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura b'teknoloġija ekoinnovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

Formula

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-istartjar sħun għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

BTA

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tat-testjar għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

ETA

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura b'teknoloġija ekoinnovattiva taħt kundizzjonijiet tat-testjar għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

RCDRW

Distanza relattiva tal-coasting f'kundizzjonijiet tad-dinja reali [%];

RCDmNEDC

Distanza relattiva tal-coasting f'kundizzjonijiet tat-testjar modifikati [%];

UF

Il-fattur tal-użu tat-teknoloġija tal-coasting, li huwa ta' 0,62 għat-teknoloġija tal-BMW tal-engine idle coasting. Dan il-valur huwa rappreżentattiv biss tal-flotta tal-BMW;

Formula

Il-marġni ta' statistika tal-iffrankar totali ta' CO2 [g CO2/km]

Formula

Id-devjazzjoni standard mill-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-istartjar sħun għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

Formula

Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura eko-innovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

sUF

Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-fattur tal-użu.

Indikazzjonijiet taħt il-vers

RW

Il-kundizzjonijiet tal-ħajja reali

TA

Il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tat-tip

B

Ix-xenarju ta' referenza

3.   IL-VETTURI TAT-TEST

Il-vetturi tat-test għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Vettura eko-innovattiva: Vettura bit-teknoloġija innovattiva installata u attiva fil-modalità ta' sewqan predominanti kif definit fl-Artikolu 1(a);

(b)

Vettura ta' referenza: vettura bit-teknoloġija innovattiva diżattivata jew li fuqha ma tkunx installata inkella mhux disponibbli fil-modalità ta' sewqan predominanti. Jekk ma jkunx possibbli li t-teknoloġija tiġi diżattivata, għandu jkun żgurat li l-funzjoni tal-BMW engine idle coasting ma tkunx attivata matul il-proċedura ta' ttestjar fuq id-dinamometru.

4.   DETERMINAZZJONI TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2 MILL-VETTURA B'TEKNOLOĠIJA EKOINNOVATTIVA TAĦT KUNDIZZJONIJIET TAL-ITTESTJAR MODIFIKATI (EMC)

L-emissjonijiet ta' CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta' vetturi Ekoinnovattivi jridu jkunu mkejla skont l-Anness 6 tar-Regolament NU/KEE Nru 101 (Metodu ta' kejl tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi li jaħdmu b'magna tal-kombustjoni interna biss). Il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-ittestjar li ġejjin għandhom jiġu modifikati:

4.1.   Prekondizzjonament tal-vettura

Sabiex jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-ittestjar sħun tas-sistema tal-motopropulsjoni, għandu jsir test wieħed sħiħ tan-NEDC jew aktar.

4.2.   Determinazzjoni tat-tagħbija tar-rombli dinamometriċi

Id-determinazzjoni tat-tagħbija tar-rombli dinamometriċi għandha ssir fuq dinamometru b'romblu wieħed, kif ġej:

(a)

Ara li l-vettura tilħaq temperatura tat-tħaddim wara l-proċedura ta' prekondizzjonament msemmija fil-punt 4.1;

(b)

Iddetermina t-tagħbija tat-triq tad-dinamometru, skont il-proċeduri operazzjonali standard definiti fir-Regolament NU/KEE Nru 83 (1).

4.3.   Id-definizzjoni tal-Kurva tad-Deċellerazzjoni Libera (coast down);

Id-determinazzjoni ta' kurva tad-deċellerazzjoni libera (coast down) fil-modalità tal-coasting issir fuq dinamometru b'romblu wieħed, kif deskritt fil-passi mandatorji li ġejjin:

(a)

Ara li l-vettura tilħaq temperatura tat-tħaddim wara l-proċedura ta' prekondizzjonament msemmija fil-punt 4.1;

(b)

Esegwixxi d-deċelerazzjoni libera fil-modalità coasting minn veloċità inizjali ta' mhux inqas minn 120 km/h għal waqfa totali jew għall-aktar veloċità baxxa possibbli tal-coasting.

4.4.   Ġenerazzjoni tal-profil tal-veloċità NEDC modifikat (mNEDC);

Il-profil tal-veloċità mNEDC għandu jiġi ġġenerat hekk:

4.4.1.   Suppożizzjonijiet

(a)

Is-sekwenza tat-test hija magħmula minn ċiklu urban magħmul minn erba' ċikli urbani elementari u minn ċiklu ekstraurban;

(b)

Ir-rampi ta' aċċellerazzjoni kollha huma identiċi għal dawk tal-profil NEDC;

(c)

Il-livelli ta' veloċità kostanti kollha huma identiċi għal dawk tal-profil NEDC;

(d)

Il-valuri tad-deċelerazzjoni meta l-funzjoni tal-BMW engine idle coasting tkun diżattivata huma ugwali għal dawk fil-profil NEDC;

(e)

It-tolleranzi tal-veloċità u tal-ħin għandhom ikunu skont il-paragrafu 1.4 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 101 tan-NU/KEE.

4.4.2.   Limitazzjonijiet

(a)

Id-devjazzjoni mill-profil NEDC għandha titnaqqas kemm jista' jkun u d-distanza kumplessiva għandha tikkonforma mat-tolleranzi speċifikati tal-NEDC;

(b)

Id-distanza fi tmiem kull fażi tad-deċellerazzjoni tal-profil mNEDC għandha tkun ugwali għad-distanzi fl-aħħar ta' kull fażi ta' deċellerazzjoni tal-profil NEDC;

(c)

Għall-fażijiet kollha ta' aċċellerazzjoni, veloċità kostanti u deċellerazzjoni għandhom jiġu applikati t-tolleranzi standard tal-NEDC;

(d)

Matul il-fażijiet tal-coasting, il-magna tal-kombustjoni interna tiġi diżakkoppjata u ma hija permessal-ebda attività ta' korrezzjoni tat-trajettorja tal-veloċità.

4.4.3.   Il-limiti tas-sistema

(a)

Limitu ta' veloċità l-aktar baxxa għall-coasting;

Il-modalità tal-coasting għandha tiġi diżattivata f'veloċità tal-coasting ta' 40 km/h permezz tal-attivazzjoni tal-brejk. F'dan il-punt, kurva ta' deċellerazzjoni libera għandha tiġi segwita minn rampa ta' deċellerazzjoni kif deskritt fil-profil NEDC (vmin fil-Grafika 1);

(b)

Ħin minimu għat-twaqqif:

Il-ħin minimu wara kull deċellerazzjoni tal-coasting għal waqfa totali jew fażi ta' veloċità kostanti huwa ta' 2 sekondi (Formula fil-Figure 1);

(c)

Ħin minimu għal fażijiet ta' veloċità kostanti;

Il-ħin minimu għal fażijiet ta' veloċità kostanti wara l-aċċellerazzjoni jew id-deċellerazzjoni tal-coasting huwa ta' 2 sekondi (Formula fil-Grafika 1). Għal raġunijiet ġustifikati teknikament dan il-valur jista' jiżdied.

Figura 1

Profil NEDC b'limiti tas-sistema għall-modalità tal-coasting

Image

4.5.   Għadd ta' testijiet

Il-proċedura kollha tat-test fuq il-bank tat-test għandha tiġi rrepetuta tal-anqas tliet darbiet. Għandhom jiġu kkalkulati l-medja aritmetika tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vettura eko-innovattiva (EMC) u d-devjazzjoni standard rispettiva tal-medja aritmetika (Formula).

5.   DETERMINAZZJONI TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2 TAL-VETTURA TA' REFERENZA TAĦT KUNDIZZJONIJIET TAL-ISTARTJAR SĦUN GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP (

Formula

)

L-emissjonijiet ta' CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta' vetturi ta' referenza jridu jkunu mkejla skont l-Anness 6 tar-Regolament NU/KEE Nru 101 (Metodu ta' kejl tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi li jaħdmu b'magna tal-kombustjoni interna biss). Il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-ittestjar li ġejjin għandhom jiġu modifikati:

5.1.   Prekondizzjonament tal-vettura

Sabiex jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-ittestjar sħun tas-sistema tal-motopropulsjoni, għandu jsir test wieħed sħiħ tan-NEDC jew aktar.

5.2.   Għadd ta' testijiet

Il-proċedura kollha tat-test kundizzjonijiet ta' startjar sħun għall-approvazzjoni tat-tip fuq il-bank tat-test għandha tiġi rrepetuta tal-anqas tliet darbiet. Għandhom jiġu kkalkulati l-medja aritmetika tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vettura ta' referenza (Formula) u d-devjazzjoni standard rispettiva tal-medja aritmetika (Formula).

6.   IL-KALKOLU TAL-IFFRANKAR TAS-CO2

Biex jiġi kkalkulat l-iffrankar tas-CO2 miksub permezz tat-teknoloġija innovattiva, għandha tintuża l-formula li ġejja:

Formula numru 1:

Formula

Meta,

Formula

:

iffrankar ta' CO2 [gCO2/km];

BMC

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

EMC

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura b'teknoloġija ekoinnovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

BTA

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tat-testjar għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

ETA

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura b'teknoloġija ekoinnovattiva taħt kundizzjonijiet tat-testjar għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

UF

:

Il-fattur tal-użu tal-funzjoni tal-BMW engine idle coasting huwa ta' 0,62.

Jekk jintwera li t-teknoloġija innovattiva mhijiex attiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar tal-approvazzjoni tat-tip, il-Formula numru 1 tista' tiġi ssimplifikata kif ġej:

Formula numru 2:

Formula

Sabiex jiġi ddeterminat BMC, l-istess kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati għandhom ikunu segwiti minn vettura li ma jkollhiex il-funzjoni tal-BMW engine idle coasting.

Wieħed għandu jassumi li l-vettura ta' referenza hija kapaċi twettaq sailing curve (il-linja 2 fil-Figura 2) mingħajr skonnettjar tal-magna minn mar-roti, għalkemm b'inqas effiċjenza milli vettura mgħammra bil-funzjoni tal-BMW engine idle coasting (jiġifieri li kapaċi tiskonnettja l-magna minn mar-roti).

Figura 2

Is-sailing curve għall-vettura ta' referenza

Image

Il-Figura 2 turi li matul il-fażijiet ta' deċellerazzjoni il-kundizzjonijiet tal-ittestjar tal-approvazzjoni tat-tip (3) u dawk mmodifikati (2 + 3') l-ebda fjuwil ma jintuża (cut-off) mill-vettura ta' referenza.

Sabiex jiġu determinati l-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet modifikati (BMC), dawk l-emissjonijiet għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vettura ta' referenza determinati skont il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tat-tip bi startjar sħun bl-użu ta' parametru ta' konverżjoni (c-factor) li jqis l-effett tal-kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati skont il-Formula Numru 3 li ġejja:

Formula 3:

Formula

Bħala konsegwenza, Formula 2 issir:

Formula numru 4:

Formula

Meta,

c

:

Parametru ta' konverżjoni ta' 0,960;

Formula

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-istartjar sħun għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

EMC

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ekoinnovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

UF

:

Il-fattur tal-użu tat-teknoloġija tal-coasting għat-teknoloġija tal-BMW li huwa ta' 0,62; dan il-valur huwa rappreżentattiv biss tal-flotta tal-BMW;

7.   IL-KALKOLU TAL-MARĠNI STATISTIKA

Il-marġini ta' statistika fir-riżultati tal-metodoloġija tal-ittestjar għad trid tiġi kkwantifikata. Il-marġni ta' statistika tal-iffrankar totali tas-CO2 m'għandux jaqbeż iż-0,5 g ta' CO2/km kif espress b'dan tal-Formula numru 5 li ġejja:

Formula numru 5:

Formula

Meta,

Formula

:

Il-marġni ta' statistika tal-iffrankar totali ta' CO2 [g CO2/km]

Il-marġni ta' statistika għandha tiġi kkalkulata skont il-Formula 6 li ġejja:

Formula 6

Formula

Meta,

Formula

:

Il-marġni ta' statistika tal-iffrankar totali ta' CO2 [g CO2/km]

c

:

Parametru ta' konverżjoni ta' 0,960;

Formula

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-istartjar sħun għall-approvazzjoni tat-tip [gCO2/km];

Formula

:

Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

EMC

:

Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ekoinnovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

Formula

:

Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura eko-innovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [gCO2/km];

UF

:

Il-fattur tal-użu tal-funzjoni tal-BMW engine idle coasting li huwa ta' 0,62; dan il-valur huwa rappreżentattiv biss tal-flotta tal-BMW;

sUF

:

Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-fattur tal-użu, li huwa 0,019; dan il-valur huwa rappreżentattiv biss tal-flotta tal-BMW;

8.   PROVA LI L-LIMITU MINIMU TA' 1 g CO2/km INQABEŻ B'MOD STATISTIKAMENT SINIFIKANTI

Sabiex jintwera li l-valur ta' limitu 1,0 g CO2/km inqabeż b'mot statistikament rilevanti, għandha tintuża l-Formula li ġejja:

Formola 7

Formula

Meta,

MT

:

Il-livell limitu minimu [g CO2/km];

Formula

:

iffrankar ta' CO2 [g CO2/km];

Formula

:

Il-marġni ta' statistika tal-iffrankar totali ta' CO2 [g CO2/km]

Meta l-iffrankar fl-emissjonijiet tas-CO2, bħala riżultat tal-kalkolu permezz tal-Formula 4, ikun taħt il-livell limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, għandu japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) ta' dak ir-Regolament.


(1)  Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-emissjoni ta' sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU L 42, 15.2.2012, p. 1).