28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1396

tas-26 ta' Lulju 2017

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tal-Polonja u ta' ċerti reġjuni tar-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2017) 5140)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċerta enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom (“il-pajjiżi jew ir-reġjuni”) għandhom jiġu kklassifikati skont l-istatus tagħhom tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f'waħda minn tliet kategoriji: riskju negliġibbli tal-BSE, riskju kkontrollat tal-BSE, u riskju indeterminat tal-BSE.

(2)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprovdi li jekk l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tqiegħed il-pajjiż applikant f'waħda mit-tliet kategoriji tal-BSE, jista' jiġi deċiż li ssir valutazzjoni mill-ġdid tal-kategorizzazzjoni tal-Unjoni.

(3)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) jelenka l-istatus tal-BSE ta' pajjiżi jew ta' reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom. Bħalissa l-Polonja u r-Renju Unit huma elenkati fil-punt B tal-lista taħt il-pajjiżi jew ir-reġjuni b'riskju kkontrollat tal-BSE.

(4)

L-OIE għandha rwol ewlieni fil-kategorizzazzjoni ta' Pajjiżi Membri u żoni tal-OIE skont ir-riskju tal-BSE tagħhom, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri (il-Kodiċi Terrestri (3)).

(5)

Fit-23 ta' Mejju 2017, l-Assemblea Dinjija tal-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 26 dwar ir-Rikonoxximent tal-Istatus ta' Riskju tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina tal-Pajjiżi Membri (4), fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tas-26 ta' Mejju 2017. Dik ir-Riżoluzzjoni rrikonoxxiet lill-Polonja, kif ukoll żewġ żoni tar-Renju Unit, jiġifieri, l-Irlanda ta' Fuq u l-Iskozja, bħala li għandhom riskju negliġibbli tal-BSE.

(6)

Għaldaqstant il-lista tal-pajjiżi jew ir-reġjuni fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE għandha tiġi emendata b'tali mod li l-Polonja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Iskozja jiġu elenkati fil-punt A taħt il-pajjiżi jew ir-reġjuni b'riskju negliġibbli tal-BSE.

(7)

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172 30.6.2007, p. 84).

(3)  http://www.oie.int/international-standard-setting/terrestrial-code/access-online/

(4)  http://www.oie.int/fileadmin/Home/eng/Animal_Health_in_the_World/docs/pdf/Resolutions/2017/A26_RESO_2017_BSE.pdf


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS

LISTA TA' PAJJIŻI JEW REĠJUNI

A.   Il-pajjiżi jew ir-reġjuni b'riskju negliġibbli tal-BSE

L-Istati Membri

Il-Belġju

Il-Bulgarija

Ir-Repubblika Ċeka

Id-Danimarka

Il-Ġermanja

L-Estonja

Il-Kroazja

L-Italja

Ċipru

Il-Latvja

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

L-Ungerija

Malta

In-Netherlands

L-Awstrija

Il-Polonja

Il-Portugall

Ir-Rumanija

Is-Slovenja

Is-Slovakkja

Spanja

Il-Finlandja

L-Iżvezja

Ir-reġjuni ta' Stati Membri

L-Irlanda ta' Fuq

L-Iskozja

Il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

L-Iżlanda

Il-Liechtenstein

In-Norveġja

l-Iżvizzera

Il-pajjiżi terzi

L-Arġentina

L-Awstralja

Il-Brażil

Iċ-Ċilì

Il-Kolombja

Il-Costa Rica

L-Indja

L-Iżrael

Il-Ġappun

In-Namibja

In-New Zealand

Il-Panama

Il-Paragwaj

Il-Perù

Singapor

L-Istati Uniti

L-Urugwaj

B.   Il-pajjiżi jew ir-reġjuni b'riskju kkontrollat tal-BSE

L-Istati Membri

L-Irlanda

Il-Ġreċja

Franza

Ir-Renju Unit bl-eċċezzjoni tar-reġjuni tal-Irlanda ta' Fuq u l-Iskozja

Pajjiżi terzi

Il-Kanada

Il-Messiku

In-Nikaragwa

Il-Korea t'Isfel

It-Tajwan

C.   Il-pajjiżi jew ir-reġjuni b'riskju indeterminat tal-BSE

Il-pajjiżi jew ir-reġjuni li mhumiex elenkati fil-punti A jew B.