|
28.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2017/1395
tas-26 ta' Lulju 2017
li taħtar żewġ membri fil-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti stabbilit permezz tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jipprevedi li ż-żewġ tipi ta' entità, bħala kundizzjoni tar-reġistrazzjoni tagħhom, iridu josservaw, kemm fil-programmi kif ukoll fl-attivitajiet tagħhom, il-valuri li fuqhom hija ffondata l-Unjoni, kif espressi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; |
|
(2) |
Meta jqumu dubji dwar jekk partit jew fondazzjoni humiex qed josservaw dan ir-rekwiżit fil-prattika, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw talba lill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej biex tivverifika s-sitwazzjoni; |
|
(3) |
Qabel jaslu għal deċiżjoni dwar jekk il-partit jew il-fondazzjoni jinqatgħux mir-reġistru, l-Awtorità għandha tikkonsulta l-Kumitat ta' persuni eminenti indipendenti, li għandu jagħti opinjoni fi żmien xahrejn; |
|
(4) |
Il-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 1141/2014; |
|
(5) |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 1141/2014 jipprevedi li dan il-Kumitat għandu jkun magħmul minn sitt membri, fejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru żewġ membri kull wieħed. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Is-segwenti huma b'dan maħturin membri tal-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti għat-tul tal-mandat tal-kumitat:
|
— |
Meglena KUNEVA |
|
— |
António VITORINO. |
2. Il-ħatra hija soġġetta għall-iffirmar, minn kull membru nnominat, tad-dikjarazzjoni ta' indipendenza u n-nuqqas ta' konflitt ta' interessi li hija annessa ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
ANNESS
DIKJARAZZJONI TA' INDIPENDENZA U NUQQAS TA' KONFLITT TA' INTERESSI
Jiena, is-sottoskritt, …, niddikjara li ħadt nota tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u se neżerċita dmirijieti bħala membru tal-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti b'mod kompletament indipendenti u f'konformità totali mar-regoli ta' dak ir-Regolament. La se nitlob u lanqas se nieħu struzzjonijiet minn xi istituzzjoni jew gvern, jew minn xi entità, uffiċċju jew aġenzija oħra. Jien se nastjeni minn kwalunkwe att li huwa inkompatibbli man-natura ta' dmirijieti. Niddikjara li, sa fejn naf jien, ma ninsabx f'sitwazzjoni ta' konflitt ta' interessi. Jeżisti konflitt ta' interessi fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv ta' dmirijieti bħala membru tal-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti jkun kompromess minħabba raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja personali, l-affinità politika, nazzjonali, filosofika jew reliġjuża, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess ieħor kondiviż ma' riċevitur potenzjali. B'mod partikolari, niddikjara li m'iniex membru tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Ma għandi l-ebda mandat elettorali. M'iniex uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni Ewropea. M'iniex, u qatt ma kont, impjegat ta' xi partit politiku Ewropew jew ta' xi fondazzjoni politika Ewropea.
Magħmul fi …,
[DATA + FIRMA tal-membru nominat għall-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti]