18.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/60


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1342

tas-17 ta' Lulju 2017

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/233/PESK (1) li tistabbilixxi l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).

(2)

Fid-19 ta' Jannar 2016, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) qabel li juża l-qafas eżistenti ta' EUBAM Libya biex jiġi ppjanat impenn ċivili possibbli mil-lat tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà mal-Gvern Libjan ta' Kunsens Nazzjonali fuq it-talba tiegħu, b'kontribut għall-isforzi tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL), u abbażi ta' dak qabel li jestendi l-mandat ta' EUBAM Libya għal sitt xhur. Sussegwentement, fil-15 ta' Frar 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/207 (2) li estendiet EUBAM Libya sal-21 ta' Awwissu 2016.

(3)

Fl-4 ta' Awwissu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1339 (3) li emendat id-Deċiżjoni 2013/233/PESK u estendietha sal-21 ta' Awwissu 2017.

(4)

Id-Dikjarazzjoni ta' Malta mill-membri tal-Kunsill Ewropew dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni tat-3 ta' Frar 2017 enfasizzat b'mod partikolari li l-isforzi biex tiġi stabbilizzata l-Libja issa huma aktar importanti minn qatt qabel u li l-Unjoni ser tagħmel l-almu tagħha biex tikkontribwixxi għal dak l-objettiv. Fil-Libja, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet huwa essenzjali biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiksbu kontroll fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar u biex ikunu jistgħu jikkumbattu l-attivitajiet ta' tranżitu u ta' faċilitazzjoni tad-dħul klandestin.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Libja tas-6 ta' Frar 2017, il-Kunsill reġa' kkonferma b'mod partikolari, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-UNSMIL u kkonkluda li l-EUBAM Libya ser tkompli tinvolvi u tassisti lill-awtoritajiet Libjani bil-ħsieb tal-possibbiltà ta' missjoni ċivili futura, meta l-kundizzjonijiet jippermettu, fil-qasam tal-pulizija, l-istat tad-dritt u l-ġestjoni tal-fruntieri.

(6)

Fl-4 ta' Lulju 2017, il-KPS qabel, abbażi tar-rieżami strateġiku tal-missjoni, li jestendi l-mandat ta' EUBAM Libya sal-31 ta' Diċembru 2018.

(7)

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, (“RGħ”) għandu jitħalla jirrilaxxa lill-Europol, il-Frontex, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Interpol informazzjoni klassifikata ġġenerata għall-finijiet ta' EUBAM Libya, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (4).

(8)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2013/233/PESK tiġi emendata skont dan.

(9)

EUBAM Libya ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif indikat fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Objettivi

L-EUBAM Libya ser tassisti fi proċess komprensiv ta' ppjanar għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, bil-ħsieb li ssir tħejjija għal missjoni possibbli tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK).

L-objettivi ta' EUBAM Libya huma li l-awtoritajiet Libjani jiġu involuti u assistiti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u s-sistema aktar ġenerali tal-ġustizzja kriminali.”.

(2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi indikati fl-Artikolu 2, l-EUBAM Libya għandha:

(a)

tinforma l-ippjanar tal-UE għal missjoni possibbli tal-PDSK fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, filwaqt li tikkoopera mill-qrib fl-isforzi tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u tikkontribwixxi għal dawk l-isforzi, b'koordinazzjoni mal-awtoritajiet Libjani leġittimi u ma' interlokuturi rilevanti oħrajn fir-rigward tas-sigurtà;

(b)

tappoġġa l-iżvilupp tal-qafas aktar ġenerali ta' ġestjoni tal-fruntieri, inkluż il-forniment ta' kapaċità lill-pulizija kostali tal-Ministeru għall-Intern (Amministrazzjoni Ġenerali tas-Sigurtà Kostali), l-involviment tal-Gwardja tal-Kosta Libjana u t-tisħiħ tal-kuntatti mal-awtoritajiet leġittimi Libjani fuq il-fruntieri tan-Nofsinhar;

(c)

tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-ippjanar strateġiku fil-Ministeru għall-Intern fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fi Tripli u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' koordinazzjoni fost l-awtoritajiet Libjani rilevanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

(d)

tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-assistenza għall-ippjanar strateġiku lill-Ministeru għall-Ġustizzja, inkluż l-istabbiliment ta' Grupp ta' Ħidma dwar ir-Riforma tal-Ġustizzja Kriminali u sottogruppi potenzjali.”.

(3)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Libja u l-Kap tal-Missjoni ta' EUBAM Libya għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ. Il-Konsulent Prinċipali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu wkoll jiġi kkonsultat, fejn xieraq.”.

(4)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, ma' atturi oħra tal-Unjoni fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja tal-kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Libja.”.

(5)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUBAM Libya. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dak il-għan f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat għall-ħatra ta' Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u għall-emendar tad-dokumenti ta' ppjanar. Is-setgħat ta' deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u tat-terminazzjoni ta' EUBAM Libya għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.”.

(6)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-persunal ta' EUBAM Libya għandu jingħata taħriġ mandatorju dwar is-sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f'konformità mad-dokumenti ta' pjanar. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni.”.

(7)

Fl-Artikolu 13(1), l-aħħar paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata ma' EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Awwissu 2016 sat-30 ta' Novembru 2017 għandu jkun ta' EUR 17 000 000.”.

(8)

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Europol u l-Frontex informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet ta' EUBAM Libya, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.”.

(9)

Fl-Artikolu 15, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NU informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ iġġenerata għall-finijiet ta' EUBAM Libya, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

6.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-INTERPOL informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet ta' EUBAM Libya, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Sakemm jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-INTERPOL, EUBAM Libya tista' tirrilaxxa tali informazzjoni lill-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali tal-INTERPOL tal-Istati Membri, f'konformità mal-arranġamenti li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali rilevanti.

7.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jikkonkludi l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-iskambju tal-informazzjoni f'dan l-Artikolu.

8.   Ir-RGħ jista' jiddelega l-awtorizzazzjonijiet għar-rilaxx tal-informazzjoni kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija f'dan l-Artikolu lil persuni li jinsabu taħt l-awtorità tar-RGħ, lill-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.”.

(10)

Fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Hija għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/207 tal-15 ta' Frar 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 39, 16.2.2016, p. 45).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1339 tal-4 ta' Awwissu 2016 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 212, 5.8.2016, p. 111).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).