|
18.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 185/37 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1332
tal-11 ta' Lulju 2017
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tal-Unjoni tal-Comoros
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
1. INTRODUZZJONI U PROĊEDURA
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (ir-“Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“IUU”). |
|
(2) |
Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx u kull miżura ta' emerġenza. |
|
(3) |
Fl-24 ta' Marzu 2014 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE (2) li stabbilixxiet lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament IUU. |
|
(4) |
F'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, permezz tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 (“id-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015”) (3), il-Kummissjoni nnotifikat lill-Unjoni ta' Comoros (“il-Comoros”) dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. |
|
(5) |
Fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata din l-identifikazzjoni possibbli. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 ġiet notifikata lill-Comoros flimkien ma' ittra bl-istess data li fiha huwa ssuġġerit li l-Comoros timplimenta, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta' azzjoni biex in-nuqqasijiet identifikati jiġu rettifikati. |
|
(7) |
B'mod partikolari l-Kummissjoni stiednet lill-Comoros biex: (i) tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni; (ii) tivvaluta l-implimentazzjoni ta' dawk l-azzjonijiet; u (iii) kull sitt xhur tibgħat rapport dettaljat lill-Kummissjoni li jivvaluta l-implimentazzjoni ta' kull waħda minn dawk l-azzjonijiet fir-rigward, inter alia, tal-effettività individwali u/jew kumplessiva tagħha sabiex tiġi żgurata sistema ta' kontroll tas-sajd li hija konformi b'mod sħiħ. |
|
(8) |
Il-Comoros ngħatat l-opportunità li twieġeb bil-miktub u bil-fomm għad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, kif ukoll għal informazzjoni oħra rilevanti komunikata mill-Kummissjoni, li jippermettilha tippreżenta evidenza li tiċħad jew li tikkompleta l-fatti indikati fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015. Il-Comoros ġiet żgurata dwar id-dritt tagħha li titlob, jew li tipprovdi, informazzjoni addizzjonali. |
|
(9) |
Bid-Deċiżjoni tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015 u bl-ittra tagħha, il-Kummissjoni fetħet proċess ta' djalogu mal-Comoros u enfażizzat li kienet tqis li fil-prinċipju perjodu ta' sitt xhur huwa suffiċjenti biex jintlaħaq ftehim. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu mill-Comoros wara d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 ġew ikkunsidrati u meqjusa. Il-Comoros inżammet infurmata, bil-fomm jew bil-miktub, dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
|
(11) |
Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-oqsma ta' tħassib u ta' nuqqasijiet kif deskritt fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 ma ġewx indirizzati b'mod suffiċjenti mill-Comoros. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-pjan ta' azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ. B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni adotatt idd-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/889 (4), li tidentifika lill-Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. |
|
(12) |
Abbażi tal-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' djalogu mwettqa mill-Kummissjoni, inkluża l-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/889, huwa xieraq li l-Comoros titqiegħed fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. |
|
(13) |
Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi pajjiż terz mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jekk dak il-pajjiż terz juri li s-sitwazzjoni li wasslet biex jiġi inkluż fil-lista tkun ġiet rettifikata. Deċiżjoni ta' tneħħija għandha tikkunsidra wkoll jekk il-pajjiż terzi kkonċernat identifikat ħax miżuri konkreti li jistgħu jiksbu titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul. |
2. L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-COMOROS BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX
|
(14) |
Fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Comoros u evalwat il-konformità tagħha mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta' dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni rrevediet il-konformità tal-Comoros b'mod allinjatà mal-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, u wara li kkunsidrat l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn hemm 'il quddiem mill-Comoros, il-pjan ta' azzjoni ssuġġerit, u l-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata. |
|
(16) |
In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit kienu relatati ma' diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi taħt id-dritt internazzjonali marbuta b'mod partikolari: mal-adozzjoni ta' qafas legali u ta' proċeduri ta' reġistrazzjoni u ta' liċenzjar adegwati; man-nuqqas ta' kooperazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Comoros u ma' pajjiżi terzi fejn joperaw il-bastimenti tal-Comoros; man-nuqqas adegwata u effiċjenti ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza; u man-nuqqas ta' sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent. Nuqqasijiet oħra identifikati huma relatati, b'mod aktar ġenerali, mal-konformità mal-obbligi internazzjonali inklużi r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni Kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat u mal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera, it-tnejn tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, in-nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta' sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni. |
|
(17) |
Fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/889, il-Kummissjoni identifikat lill-Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU. |
|
(18) |
Fir-rigward tar-restrizzjonijiet possibbli fuq il-Comoros bħala pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp għandu jiġi nnutat li l-istatus tal-iżvilupp u l-prestazzjoni globali tal-Comoros rigward il-ġestjoni tas-sajd jistgħu jkunu mdgħajfin minħabba l-livell ta' żvilupp tiegħu. Madankollu, wara li ttieħed kont tan-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti mill-Comoros, il-livell ta' żvilupp tal-Comoros ma jistax jiskuża għalkollox jew inkella jiġġustifika l-prestazzjoni globali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq fir-rigward tas-sajd u l-insuffiċjenza tal-azzjonijiet tagħha biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. |
|
(19) |
Wara li ġew ikkunsidrati d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/889, u l-proċess ta' djalogu mal-Comoros li sar mal-Kummissjoni u l-eżitu ta' dak il-proċess, jista' jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda mill-Comoros fid-dawl tal-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 63, 64, 91, 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar. |
|
(20) |
B'hekk, il-Comoros naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex tieħu azzjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. |
3. STABBILIMENT TA' LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX
|
(21) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward tal-Comoros, dak il-pajjiż għandu jiġi inkluż, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE. Għalhekk, dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(22) |
L-inklużjoni tal-Comoros fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament IUU jipprevedi l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Fil-każ tal-Comoros, dik il-projbizzjoni għandha tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha, jiġifieri l-prodotti tas-sajd kollha kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament IUU, billi n-nuqqas ta' miżuri xierqa adottati fir-rigward tas-sajd IUU li jwasslu għall-identifikazzjoni tal-Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax mhuwiex limitat għal stokk jew għal speċi partikolari. |
|
(23) |
Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, għandu effetti negattivi fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, huwa meqjus bħala neċessarju li l-Unjoni timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward tal-Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Bħala konsegwenza, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(24) |
Jekk il-Comoros turi li s-sitwazzjoni li tat lok għall-inklużjoni tagħha fil-lista tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi lill-Comoros mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU. Kwalunkwe tali deċiżjoni ta' tneħħija għandha tqis ukoll jekk il-Comoros ħaditx miżuri konkreti biex ikun jista' jinkiseb titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
“L-Unjoni tal-Comoros” hija b'dan miżjuda fl-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TÕNISTE
(1) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(2) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43)
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 324, 2.10.2015, p. 6).
(4) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/889 tat-23 ta' Mejju 2017 li tidentifika lill-Unjoni ta' Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 135, 24.5.2017, p. 35).