12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/32


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1257

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar l-istandards u l-formati tekniċi meħtieġa għal sistema uniformi li tippermetti t-tqabbil ta' postijiet tax-xogħol battala ma' applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs fuq il-portal EURES

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 jistabbilixxi, inter alia, prinċipji u regoli dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-kondiviżjoni ta' dejta disponibbli rilevanti dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs.

(2)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589 jipprevedi t-twaqqif ta' sistema uniformi li tiġbor flimkien il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs tal-Istati Membri fil-portal EURES.

(3)

Biex tiġi stabbilita sistema uniformi u biex ikun jista' jsir tiftix u tqabbil effiċjenti mad-dejta pprovduta, huwa meħtieġ l-użu ta' standards u formats komuni għad-dejta li trid tiġi skambjata.

(4)

Kemm jista' jkun, dawn l-istandards u l-formats għandhom ikunu bbażati fuq standards stabbiliti sew mill-industrija jew mis-settur governattiv użati mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u operaturi oħra tas-suq tax-xogħol u jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta' konsultazzjonijiet xierqa mal-Istati Membri.

(5)

Jista' jkun meħtieġ li maż-żmien, l-istandards u l-formats jiġu adattati biex jirriflettu t-tibdil teknoloġiku jew funzjonali. Għaldaqstant, huwa importanti li jidħol fis-seħħ mudell ta' governanza li jiżgura l-konsultazzjoni xierqa u l-involviment tal-Istati Membri qabel l-adozzjoni ta' standards u formats.

(6)

Biex jitħaffef ix-xogħol tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni fl-organizzazzjoni tat-trażmissjoni ikkoordinat tal-informazzjoni għall-portal EURES, biex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' skambju ta' dejta tajba u biex tiġi żgurata l-kwalità intrinsika u teknika tal-informazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu identifikati u stabbiliti xi prinċipji ġenerali għat-twaqqif u għat-tħaddim tas-sistema kif ukoll tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-partijiet involuti.

(7)

Dawn il-prinċipji ġenerali jenħtieġ li jispjegaw u jiċċaraw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-oriġinaturi u tad-detenturi ta' dejta u kif jistgħu jiżguraw il-protezzjoni ta' dejta personali matul il-katina tat-trażmissjoni ta' dejta.

(8)

Biex ikun appoġġat it-tqabbil effettiv fuq il-portal EURES bejn il-postijiet tax-xogħol battala, inkluż pożizzjonijiet għal apprendisti u trainees, u l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament (UE) 2016/589, huwa importanti li l-Membri u s-Sħab tal-EURES jagħmlu disponibbli l-akbar numru possibbli ta' postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs xierqa fil-pussess tagħhom b'mod trasparenti.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni b'rabta mal-ipproċessar tad-dejta personali jenħtieġu jitwettqu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif ukoll il-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali relatati magħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-konformità mal-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop, għall-minimizzazzjoni tad-dejta, għal-limitazzjoni tal-ħżin, għall-integrità u għall-kunfidenzjalità.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-EURES,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett, il-kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istandards u l-formats tekniċi li għandhom jintużaw għas-sistema uniformi li tiġbor flimkien il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs tal-membri tal-EURES u, fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, fuq il-portal EURES u l-metodi u l-proċeduri għall-qbil dwar definizzjonijiet tekniċi u funzjonali ulterjuri.

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“applikazzjoni għax-xogħol” tfisser dokument jew sett ta' dokumenti li applikant jittrasferixxi lil impjegatur jew lil servizz tal-impjiegi bħala parti minn proċess biex jgħarraf impjegatur dwar id-disponibbiltà u x-xewqa tal-applikant li jiġi impjegat f'post tax-xogħol jew pożizzjoni partikolari;

(b)

“CV” tfisser dokument li jiddeskrivi l-profil ta' persuna f'termini ta' sommarju tal-esperjenza professjonali u tal-isfond edukattiv, flimkien ma' informazzjoni rilevanti oħra dwar il-kisbiet, il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-interessi tal-persuna;

(c)

“profil ta' persuna li qed tfittex impjieg” tfisser il-format standard tad-dejta għall-approvazzjoni tas-CVs u tal-applikazzjonijiet għax-xogħol tal-ħaddiema kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni;

(d)

“oriġinatur tad-dejta” tfisser il-persuna jew l-entità li oriġinarjament ħolqot sett ta' dejta li hija disponibbli fuq il-portal EURES. Impjegaturi li jkunu ppubblikaw post tax-xogħol battal u ħaddiema li jkunu ħolqu u ddeċidew li jippubblikaw profil ta' persuna li qed tfittex impjieg ma' Membru tal-EURES, jew fejn rilevanti ma' Sieħeb tal-EURES, u jkunu taw il-kunsens meħtieġ biex ikollhom l-informazzjoni ttrasferita fil-portal EURES jiġu kkunsidrati bħala oriġinaturi ta' dejta;

(e)

“detentur tad-dejta tal-EURES” tfisser il-persuna jew l-entità li għandha d-drittijiet legali li tikkontrolla min għandu jkollu aċċess għad-dejta. Id-detentur tad-dejta tal-EURES jista' jkun l-oriġinatur tad-dejta jew xi ħadd li nħatar mill-oriġinatur tad-dejta jew qed jaġixxi f'ismu;

(f)

“utent aħħari” tfisser persuna jew entità li qed tiġbor u tuża dejta dwar postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg miġjuba flimkien fuq il-portal EURES skont din id-Deċiżjoni bl-għan li ssib postijiet tax-xogħol battala biex tapplika għalihom jew biex issib kandidati u toffrilhom opportunitajiet ta' xogħol;

(g)

“sistema uniformi” tfisser id-definizzjonijiet dwar id-dejta u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għat-trażmissjoni u l-ipproċessar tad-dejta stipulati f'din id-Deċiżjoni bl-għan li jkun jista' jsir tqabbil bejn il-postijiet tax-xogħol battala u s-CVs;

(h)

“infrastruttura teknika” tfisser il-kombinament tas-sett ta' ħardwer, softwer, netwerks u faċilitajiet oħra meħtieġa biex jiġu żviluppati, ittestjati, imwettqa, issorveljati, ikkontrollati jew appoġġati s-servizzi tal-IT rilevanti meħtieġa għall-applikazzjoni ta' sistema uniformi;

(i)

“mezz ikkoordinat uniku” tfisser servizz li huwa stabbilit bejn il-punt ta' konnessjoni tal-portal EURES u l-punt ta' konnessjoni fi Stat Membru biex jippermetti t-trażmissjoni ta' dejta bejn il-Membri nazzjonali tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, u l-portal EURES skont is-sistema uniformi u bl-użu tal-infrastruttura teknika xierqa.

Artikolu 2

Il-prinċipji ġenerali għat-trażmissjoni u l-iskambju tad-dejta

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm mezz ikkoordinat uniku għat-trażmissjoni ta' postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg mill-Membri nazzjonali tiegħu tal-EURES, u fejn rilevanti mis-Sħab tal-EURES, għall-portal EURES.

2.   Għal dak l-għan kull Stat Membru għandu jimplimenta infrastruttura teknika, konnessa mal-portal EURES, li l-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, ikunu jistgħu jikkonnettaw magħha u jittrażmettu d-dejta tagħhom.

3.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni jopera l-portal EURES u servizzi relatati tal-IT biex jirċievi u jipproċessa d-dejta trażmessa permezz tal-infrastruttura msemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel id-dejta disponibbli għal tiftix u tqabbil mhux biss minn utenti aħħarin direttament fuq il-portal EURES, iżda wkoll permezz ta' interfaċċji tal-applikazzjoni li jippermettu li l-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, jagħmlu l-informazzjoni disponibbli fis-sistemi rispettivi tagħhom għall-persunal tagħhom u għal utenti tal-portali u s-servizzi tagħhom ta' tiftix għall-impjiegi.

5.   Id-definizzjonijiet, l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċessi kollha meħtieġa għandhom ikunu dettaljati f'dokumenti li għandhom jiġu maqbula bejn l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni permezz tal-istruttura ta' governanza stipulata f'din id-Deċiżjoni u disponibbli għall-partijiet kollha konċernati fit-taqsima ddedikata fl-Extranet tal-portal EURES.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali għall-kontenut u l-kwalità tad-dejta

1.   Id-dejta trażmessa fuq il-portal EURES skont ir-Regolament (UE) 2016/589 u din id-Deċiżjoni hija indiċjata, maħżuna u magħmula disponibbli hemm għal skopijiet ta' tiftix u tqabbil biss, matul il-perjodu ta' validità tad-dejta individwali stabbilit mill-oriġinatur jew mid-detentur tad-dejta tal-EURES. Dejta li tkun ġiet anonimizzata tista' tinħażen u tiġi rilaxxata, anki lil partijiet terzi, għall-finijiet ta' riċerka u statistika, anki wara li jiskadi l-perjodu ta' validità.

2.   It-trażmissjoni ta' dejta għall-portal EURES ma għandhiex taffettwa d-drittijiet għad-dejta li għandhom l-oriġinaturi tad-dejta jew id-detenturi tad-dejta tal-EURES, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet applikabbli permezz tal-katina sħiħa ta' trażmissjoni mill-oriġinatur tad-dejta sal-portal EURES.

3.   Dejta personali trażmessa u maħżuna fuq il-portal EURES tista' tiġi rilaxxata biss sa fejn jippermetti l-kunsens tal-oriġinatur tad-dejta. Tista' tiġi rrilaxxata biss lil Membri u Sħab tal-EURES jew lil utenti aħħarin, li jkunu rreġistraw fuq il-portal EURES jew ma' Membru jew Sieħeb tal-EURES li jkun tahom aċċess għad-dejta permezz ta' interfaċċi tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(4), sakemm dawn l-utenti aħħarin ikunu aċċettaw it-termini u l-kundizzjonijiet li huma konformi bis-sħiħ mal-kunsens u mal-ftehimiet mogħtija mill-oriġinaturi tad-dejta.

4.   L-impjegaturi jistgħu b'mod impliċitu jew espliċitu jċedu jew jirrinunzjaw id-drittijiet għad-dejta li tkun tinsab f'post tax-xogħol battal ħlief kull informazzjoni personali li tkun fihom. Ħaddiem għandu jżomm id-drittijiet għad-dejta personali tiegħu jew tagħha u għandu, f'kull ħin, ikun jista' jirtira l-kunsens tiegħu jew tagħha li jagħmel l-informazzjoni pubblika jew iħassar, jemenda jew jipproċessa partijiet mid-dejta jew id-dejta kollha trażmessa lill-portal EURES. L-istess għandu japplika fir-rigward ta' impjegaturi għal kull dejta personali li tkun tinsab f'post tax-xogħol battal.

5.   Hija r-responsabbiltà tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, li jiżguraw li d-dejta kollha li tgħaddi mingħandhom bl-iskop li titwassal fuq il-portal EURES tkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/589 ma' din id-Deċiżjoni u ma' kull liġi u regolament ieħor applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' dejta personali, li l-oriġinaturi tad-dejta jew id-detenturi tad-dejta tal-EURES ikunu infurmati dwar kif se tintuża u tiġi pproċessata d-dejta tagħhom u li l-kunsensi u l-permessi kollha meħtieġa jkunu nkisbu. L-oriġini tad-dejta u kwalunkwe modifika tagħha kif ukoll il-kunsens mogħti jridu jkunu traċċabbli tul il-katina kollha ta' trażmissjoni mingħand l-oriġinatur sal-portal EURES.

6.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun il-“kontrollur” skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-dejta personali maħżuna fuq il-portal EURES. Għandu jkun responsabbli skont dak ir-Regolament għall-ipproċessar ta' dejta personali, inkluż l-anonimizzazzjoni tal-proċess imsemmi fil-paragrafu 1, u għall-miżuri tekniċi u organizzattivi neċessarji biex jiżgura s-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-dejta kkonċernata.

7.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jelabora u jiftiehem dwar rekwiżiti minimi komuni fir-rigward ta' dikjarazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta personali, it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, il-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/589 bil-kunsens informat mill-oriġinaturi tad-dejta jew mid-detenturi tad-dejta tal-EURES u jiġi żgurat li jkun hemm l-istess termini u kundizzjonijiet għall-aċċess għad-dejta.

Artikolu 4

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom, fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, ikunu responsabbli mill-organizzazzjoni tat-trażmissjoni koordinata u sikura ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għall-portal EURES, b'mod partikolari billi:

(a)

jissorveljaw l-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-infrastruttura teknika meħtieġa biex jiżguraw li d-dejta rilevanti tal-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, tkun tista' tiġi trażmessa lill-portal EURES permezz ta' mezz ikkoordinat uniku;

(b)

jippermettu li l-Membri kollha tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, jikkomunikaw u jittrażmettu d-dejta permezz ta' mezz ikkoordinat uniku;

(c)

Jiżguraw li jimmonitorjaw kontinwament il-konnessjonijiet mal-portal EURES u mal-Membri u s-Sħab parteċipanti tal-EURES u billi jkunu jistgħu jaġixxu malajr biex jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni teknika jew ta' xorta oħra li tista' tinqala' f'dak li għandu x'jaqsam mal-konnessjoni jew mad-dejta li trid tiġi trażmessa;

(d)

jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-iskambju u t-trażmissjoni tad-dejta jsiru f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/589 u l-prinċipji ġenerali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u jintervjenu kull meta dan ma jkunx il-każ;

(e)

jiżguraw li d-dejta kollha trażmessa tirrispetta l-istandards u l-formats maqbula kif previst fir-Regolament (UE) 2016/589 u f'din id-Deċiżjoni;

(f)

jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti li jiżguraw li l-oriġinaturi ta' dejta jkunu informati u konxji dwar kif id-dejta tagħhom se tintuża u tiġi pproċessata;

(g)

jipprovdu u jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri u s-sistemi fis-seħħ biex jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà, l-integrità, il-kunfidenzjalità u t-traċċabilità tad-dejta, inkluż il-protezzjoni tad-dejta personali;

(h)

jipparteċipaw fl-iskambju ta' informazzjoni u fil-kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) 2016/589;

(i)

iżommu lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni infurmat dwar il-politiki fir-rigward tal-esklużjoni tal-postijiet tax-xogħol battala jew il-kategoriji tal-postijiet tax-xogħol battala skont L-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589;

(j)

jinnotifikaw l-appuntament ta' punt ta' kuntatt uniku, kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Artikolu 5

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni

L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli għall-appoġġ tan-netwerk EURES fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward tat-trażmissjoni kkoordinata ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għall-portal EURES, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxu u jmantnu l-infrastruttura teknika meħtieġa biex tirċievi dejta mill-Istati Membri permezz ta' mezz ikkoordinat uniku;

(b)

joperaw u jiżviluppaw aktar il-portal EURES u s-sistemi tal-IT relatati biex jipprovdu servizzi ta' tiftix u tqabbil għan-netwerk EURES u għall-utenti aħħarin permezz ta' self-services fuq il-portal EURES;

(c)

jistabbilixxu u jmantnu l-infrastruttura teknika meħtieġa biex tippermetti lill-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, li jkollhom aċċess għal postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg fuq il-portal EURES biex dawn ikunu disponibbli u aċċessibbli għat-tiftix għall-persunal u l-utenti tagħhom fuq il-portali tagħhom tat-tiftix għall-impjiegi;

(d)

jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-iskambju u t-trażmissjoni tad-dejta jsiru f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/589 u l-prinċipji ġenerali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u billi jintervjenu kull meta dan ma jkunx il-każ;

(e)

jipprovdu u jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri u s-sistemi fis-seħħ biex jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà, l-integrità, il-kunfidenzjalità u t-traċċabilità tad-dejta, inkluż il-protezzjoni ta' dejta personali;

(f)

jipprovdu taqsima ddedikata fuq l-Extranet tal-portal EURES kif ukoll għodod oħrajn u l-appoġġ meħtieġ biex jippermetti li l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Membri u s-Sħab tal-EURES jiskambjaw informazzjoni u biex jittrattaw l-ilmenti b'mod effiċjenti kif stabbilit fir-Regolament u f'din id-Deċiżjoni;

(g)

iħejju, jaġġornaw u jagħmlu disponibbli fuq l-Extranet tal-portal EURES id-dokumentazzjoni teknika kollha meħtieġa u dokumentazzjoni oħra meħtieġa għall-funzjonament tat-trażmissjoni u l-iskambju tad-dejta, b'mod partikolari tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 8.

Artikolu 6

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Membri u s-Sħab tal-EURES

1.   Il-Membri kollha tal-EURES u dawk is-Sħab tal-EURES li impenjaw ruħhom li jwettqu l-kompiti li jikkontribwixxu għall-ġabra ta' postijiet tax-xogħol battala u/jew il-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għandhom, permezz tal-infrastruttura teknika stabbilita skont din id-Deċiżjoni, jipparteċipaw fit-trażmissjoni kkoordinata u sigura ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u l-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għall-portal EURES, kif imsemmi fl-Artikoli 12(3) u 17(1) tar-Regolament (UE) 2016/589, b'mod partikolari billi:

(a)

iwaqqfu l-infrastruttura teknika meħtieġa biex wieħed jikkonnettja mal-mezz ikkoordinat uniku pprovdut fil-pajjiż rispettiv tagħhom;

(b)

jimmonitorjaw kontinwament il-konnessjonijiet u jkunu jistgħu jaġixxu malajr biex jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni teknika jew ta' xorta oħra li tista' tinqala' f'dak li għandu x'jaqsam mal-konnessjoni jew mad-dejta li trid tiġi trażmessa;

(c)

jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-iskambju u t-trażmissjoni tad-dejta jsiru f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/589 u l-prinċipji ġenerali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u billi jintervjenu kull meta dan ma jkunx il-każ;

(d)

jiżguraw li d-dejta kollha trażmessa tirrispetta l-istandards u l-formats maqbula kif previst fir-Regolament (UE) 2016/589 u f'din id-Deċiżjoni;

(e)

jiżguraw li l-oriġinaturi tad-dejta jkunu informati u konxji bis-sħiħ dwar kif id-dejta tagħhom se tintuża u tiġi pproċessata;

(f)

jipprovdu u jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri u s-sistemi fis-seħħ biex jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà, l-integrità, il-kunfidenzjalità u t-traċċabilità tad-dejta, inkluż il-protezzjoni ta' dejta personali;

(g)

iżommu lill-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni infurmat b'mod ċar u trasparenti dwar l-applikazzjoni tal-politiki dwar l-esklużjoni mit-trażmissjoni tal-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli pubblikament bl-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589;

(h)

jipprovdu Kuntatt tas-Servizzi biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni. Il-funzjoni tas-servizz ta' kuntatt tista' titwettaq mill-uffiċċju tal-informazzjoni (helpdesk) jew minn servizz simili.

2.   Biex jiġi żgurat li l-persunal tagħhom involut fin-netwerk EURES u li l-utenti aħħarin tal-portali għat-tfittix ta' impjieg li jimmaneġġjaw ikollhom aċċess faċli, u jkunu jistgħu jagħmlu tiftix u tqabbil ma' postijiet tax-xogħol battala u ma' profili ta' min ikun qed ifittex impjieg disponibbli fuq il-portal EURES, il-Membri u s-Sħab tal-EURES jistgħu jikkonnettjaw is-sistemi tagħhom u jużaw l-infrastruttura teknika pprovduta mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għal dan l-għan.

Artikolu 7

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni

1.   Il-grupp ta' Koordinazzjoni għandu jappoġġa l-funzjonament tajjeb tas-sistema uniformi u l-organizzazzjoni tat-trażmissjoni kkoordinata u sigura tal-informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u l-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg fuq il-portal EURES u kontinwament jikkontribwixxi għat-titjib tagħha. Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-operat u jservi ta' forum għal skambju ta' fehmiet u l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jitjieb il-funzjonament tas-sistema uniformi.

2.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu, darba fis-sena, ikun responsabbli għal reviżjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li se tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-Istati Membri għall-attività u r-rapporti ta' valutazzjoni ex post mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (UE) 2016/589.

3.   L-adozzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES u kull tibdil fihom, kif imsemmi fl-Artikolu 8 iridu jiġu maqbula bejn il-Grupp ta' Koordinazzjoni, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 qabel ma jkunu jistgħu jiġu applikati.

4.   Il-Grupp tal-Koordinazzjoni jista' jwaqqaf gruppi ta' esperti speċifiċi biex jipprovdi appoġġ, għajnuna u pariri dwar il-kompiti tiegħu.

Artikolu 8

Definizzjonijiet tekniċi u funzjonali u l-ispeċifikazzjonijiet għall-iskambju tad-dejta

1.   Skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 9, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jadotta l-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES” li għandhom jikkonsistu minn:

(a)

“Speċifikazzjoni tal-formats u tal-istandards tal-EURES”, li tiddeskrivi l-format tad-dejta, id-definizzjonijiet tad-dejta, l-istandards li għandhom jintużaw u r-regoli ta' validazzjoni li għandhom jiġu rrispettati waqt it-trażmissjoni ta' post tax-xogħol battal jew ta' profil ta' persuna li qed tfittex impjieg għall-portal EURES permezz tas-sistema uniformi;

(b)

“Speċifikazzjonijiet tal-iskambju ta' messaġġi funzjonali tal-EURES” li jiddeskrivu l-infrastruttura teknika li teħtieġ tiġi pprovduta u l-ispeċifikazzjonijiet tal-iskambju li għandhom jiġu implimentati biex jiġi żgurat l-iskambju ta' dejta;

(c)

“Manwal għall-proċess tal-interoperabbiltà tal-EURES”, li jiddeskrivi l-proċessi, l-azzjonijiet u l-interventi biex iħaddmu l-mezz ikkoordinat uniku, biex jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-bidla u jassiguraw il-kwalità, is-sigurtà, it-traċċabilità u l-protezzjoni tad-dejta inkluż il-protezzjoni ta' dejta personali.

2.   L-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES” u kwalunkwe aġġornamenti jew modifiki tagħhom għandhom ikunu disponibbli għan-netwerk EURES fit-taqsima speċifika fuq l-Extranet tal-portal tal-EURES.

Artikolu 9

Il-governanza

1.   L-Istati Membri kollha għandhom, permezz tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni tagħhom, jaħtru u jinnotifikaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, id-dettalji ta' punt uniku ta' kuntatt fejn it-talbiet, il-mistoqsijiet u l-komunikazzjonijiet kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet relatati ma' servizzi tal-IT skont ir-Regolament (UE) 2016/589 u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu indirizzati.

2.   Għall-fini tal-funzjonament bla xkiel tas-sistema uniformi għall-iskambju ta' dejta, tal-portal EURES u tas-servizzi relatati tal-IT, l-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni għandu jorganizza laqgħat regolari u jiżgura mezzi effettivi ta' komunikazzjoni fost il-punti uniċi ta' kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1. Il-grupp ta' punti uniċi ta' kuntatt jistgħu jinħatru mill-Grupp ta' Koordinazzjoni biex iħejji konsultazzjonijiet jew biex jiġu mistiedna jipprovdu gwida jew pariri fir-rigward tal-kwistjonijiet tekniċi u tal-IT skont ir-Regolament (UE) 2016/589.

3.   Qabel l-adozzjoni tal-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES”, u kwalunkwe modifika sussegwenti tagħhom mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, għandha ssir konsultazzjoni formali mal-Grupp ta' Koordinazzjoni, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/589. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, fejn xieraq, ikunu ppreċeduti minn konsultazzjonijiet fuq livell tekniku fi ħdan in-netwerk EURES u ma' esperti rilevanti oħra nazzjonali u internazzjonali, bħall-korpi involuti fl-iżvilupp ta' formats u standards.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jippubblika l-ewwel verżjoni tal-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES” u l-listi rilevanti l-oħra kollha u d-dokumenti ta' gwida fuq l-Extranet tal-portal EURES mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 2017.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) u mill-25 ta' Mejju 2018, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data. (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).