12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/18


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1255

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar mudell għad-deskrizzjoni tas-sistemi u l-proċeduri nazzjonali biex idaħħlu organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(8) tiegħu

Wara li kkonsultat mal-Kumitat tal-EURES,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, il-prinċipji bażiċi u l-kriterji għad-dħul tal-Membri u s-Sħab tal-EURES.

(2)

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2016/589 kull Stat Membru jenħtieġ, mingħajr dewmien żejjed iżda tal-anqas sat-13 ta' Mejju 2018, jistabbilixxi sistema li ddaħħal organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES, biex jissorvelja l-attivitajiet tagħhom u l-konformità tagħhom mal-liġi applikabbli meta jiġi applikat dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, iħassar l-adeżjoni tagħhom.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/589, l-organizzazzjonijiet huma permessi li jieħdu sehem bħala Membri u Sħab tal-EURES, waqt perjodu ta' tranżizzjoni għandhom, sabiex jibqgħu fin-netwerk EURES, wara li jkun skada l-perjodu ta' tranżizzjoni, jagħmlu applikazzjonijiet li jiġu ttrattati f'dawn is-sistemi ta' dħul.

(4)

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi maħturin skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/589 ma jkunux soġġetti għas-sistemi ta' adeżjoni, iżda għandhom jissodisfaw l-obbligi u l-kriterji kif stipulati f'dak l-Artikolu.

(5)

Skont l-Artikolu 11(6) u (7) tar-Regolament (UE) 2016/589, l-Istati Membri, permezz tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni tagħhom, għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni dwar is-sistemi ta' adeżjoni tagħhom, u l-applikazzjonijiet approvati, rifjutati jew revokati u l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jgħaddi din l-informazzjoni lill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni l-oħra.

(6)

Skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni sistematika bejn l-Istati Membri jista' jappoġġja żieda fil-kwalità tat-tfassil tas-sistemi nazzjonali ta' dħul u l-applikazzjoni tagħhom.

(7)

Sabiex jiġi żgurat skambju miftuħ ta' informazzjoni u tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri, huwa neċessarju li jintuża mudell komuni biex jiġu deskritti s-sistemi nazzjonali ta' dħul u jitqiegħed fis-seħħ mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni.

(8)

Il-mudell jista' jkollu bżonn jiġi adattat maż-żmien biex jirrifletti l-bidliet fis-suq għal servizzi ta' reklutaġġ u żviluppi oħra. Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit mudell ta' governanza biex tiġi żgurata konsultazzjoni u involviment xierqa tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni qabel l-adozzjoni ta' emendi fil-mudell.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-mudell li jrid jintuża mill-Istati Membri meta jiġu deskritti s-sistemi tagħhom għad-dħul tal-Membri u s-Sħab tal-EURES stabbilit skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2016/589 (is-sistemi nazzjonali ta' dħul), proċeduri biex jiġi modifikat il-mudell u l-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar is-sistemi tad-dħul ma' Stati Membri oħra.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jaqsmu l-informazzjoni fuq is-sistemi ta' dħul skont mudell komuni msemmi fl-Artikolu 6, u għandhom jaġġornaw din l-informazzjoni kull meta jkun hemm xi tibdil.

2.   Għall-finijiet ta' sistemi ta' dħul, kull Stat Membru għandu jiżgura l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ipproċessar u l-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet biex isiru Membri jew Sħab tal-EURES;

(b)

id-deċiżjonijiet li japprovaw jew jirrifjutaw dawn l-applikazzjonijiet u biex iħassru d-dħul;

(c)

it-trattament u d-deċiżjoni dwar dawn id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt (b) filwaqt li joffru rimedji kontra tali deċiżjonijiet;

(d)

il-monitoraġġ tal-konformità tal-Membri u s-Sħab tal-EURES ma' sistema nazzjonali ta' dħul u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/589.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jiġu infurmati b'mod ċar dwar kif l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu ttrattati, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni ma' Stati Membri oħra dwar id-deċiżjonijiet fuq dħul, il-monitoraġġ u r-revoki.

Artikolu 3

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni

Kif stabbilit fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) 2016/589, l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom, fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, ikunu responsabbli biex iżommu l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni infurmat dwar is-sistema nazzjonali ta' dħul u l-applikazzjoni tagħha, b'mod partikolari billi:

(a)

jipprovdu informazzjoni dwar is-sistema nazzjonali ta' dħul, inkluż il-kriterji u r-rekwiżiti kollha applikati, billi jimtela l-mudell komuni msemmi fl-Artikolu 6, u fejn ikun hemm bżonn, jaġġornawh;

(b)

iżommu infurmat l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni bil-Membri u s-Sħab tal-EURES mdaħħla skont is-sistema nazzjonali ta' dħul;

(c)

iżommu infurmat l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'kull rifjut ta' dħul abbażi ta' nuqqas ta' konformità, b'mod partikolari mal-punt 1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/589;

(d)

iżommu infurmat l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'kull revoka ta' dħul tal-Membri u s-Sħab tal-EURES, u r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 4

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni

1.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli għall-appoġġ u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar is-sistemi nazzjonali ta' dħul u l-operat tagħhom, b'mod partikolari billi:

(a)

joħloq u jżomm taqsima ddedikata fl-Extranet tal-portal EURES biex jagħmel disponibbli għall-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni:

(i)

il-mudell imsemmi fl-Artikolu 6 u kwalunkwe informazzjoni relatata dwar kif għandu jimtela u jiġi ppreżentat;

(ii)

l-informazzjoni kollha pprovduta mill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni dwar is-sistemi tad-dħul u l-applikazzjoni tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2016/589 u din id-Deċiżjoni, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-obbligu tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni li jgħaddi l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni lil Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni oħra skont l-Artikolu 11(6) u (7) tar-Regolament (UE) 2016/589;

(iii)

il-qasam kollaborattiv biex tiġi skambjata l-informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-operat tas-sistemi nazzjonali ta' dħul;

(b)

l-għoti ta' kwalunkwe għodda oħra, taħriġ u appoġġ meħtieġ biex jiġi faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u t-tagħlim reċiproku dwar sistemi ta' ammissjoni;

(c)

il-Grupp ta' Koordinazzjoni jinżamm infurmat b'mod regolari dwar l-iskambju ta' informazzjoni u, fejn meħtieġ, jiġu proposti emendi fil-mudell u fil-proċeduri.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jippubblika l-lista tal-Membri u s-Sħab tal-EURES, fuq il-portal EURES bi ftehim ma' kull Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni.

Artikolu 5

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni

1.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta' dħul u jservi ta' forum għall-iskambju ta' fehmiet u l-aħjar prattika bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tagħhom.

2.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu darba fis-sena jwettaq reviżjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li ser tikkostitwixxi l-kontribut tal-Grupp ta' Koordinazzjoni lir-rapporti dwar l-attività u ta' valutazzjoni ex post mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (UE) 2016/589.

3.   Jekk it-taqsima tal-Extranet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a) jew kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni relatati magħha jeħtieġu li jiġu adattati jew modifikati, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu, qabel ma jadotta l-verżjoni ġdida, jikkonsulta lill-Grupp ta' Koordinazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/589.

Artikolu 6

Mudell

1.   L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jużaw verżjoni elettronika tal-mudell riprodott fl-Anness għad-deskrizzjoni tas-sistemi nazzjonali ta' dħul, il-kriterji u r-rekwiżiti applikati, u l-korpi magħżula għall-operazzjoni tagħhom.

2.   Il-mudell mimli għandu jintbagħat lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni malli s-sistema nazzjonali tad-dħul tiġi stabbilita. Kull meta jkun hemm bidliet fir-rigward tal-informazzjoni li ġiet provduta, l-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandu jimla u jissottometti mudell ġdid b'informazzjoni aġġornata mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jaqsam mal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni l-verżjoni elettronika tal-mudell fl-Anness, kwalunkwe modifika li jkun fiha wara u kull dokumenti ta' gwida oħra rilevanti fuq l-Extranet tal-portal EURES sa mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 2017.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.


ANNESS

Mudell biex jintuża mill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni biex jipprovdu informazzjoni dwar is-sistemi u l-proċeduri nazzjonali biex idaħħlu organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES

Il-verżjoni elettronika ta' dan il-mudell u kwalunkwe verżjoni tad-dokument li tiġi modifikata wara ser tkun disponibbli għall-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni fuq l-Extranet tal-portal EURES.

I.   BAŻI ĠURIDIKA

Referenza għal-liġi(jiet)/regoli/regolamenti nazzjonali.

II.   IL-PROĊESS GĦALL-GĦAŻLA TAL-MEMBRI U S-SĦAB TAL-EURES

1.   Metodu

(a)

Iddeskrivi l-metodu magħżul biex jintgħażlu l-Membri u s-Sħab tal-EURES:

(i)

Sejħa għal espressjoni ta' interess (miftuħa jew immirata lil ċerti organizzazzjonijiet. Jekk iva, liema organizzazzjonijiet u għaliex?)

(ii)

Akkwist Pubbliku

(iii)

Stediniet (jekk iva, liema organizzazzjonijiet u għaliex?)

(iv)

Oħrajn

(b)

Spjega kif tiġi żgurata l-pubbliċità (pereżempju, in-notifiki jiġu ppubblikati elettronikament?)

2.   Prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess

Spjega l-miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess skont l-Artikolu 2(2) ta' din id-Deċiżjoni

3.   Organizzazzjoni tal-proċess ta' dħul sal-għoti

(a)

Il-korp inkarigat mill-ipproċessar u l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet

(b)

Funzjonijiet tal-korp

4.   il-proċess tal-għoti/informazzjoni lil partijiet terzi

(a)

Il-korp inkarigat mid-deċiżjonijiet li japprova/jirrifjuta abbażi tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet

(b)

Funzjonijiet tal-korp

(c)

Iż-żmien li hemm bżonn mill-applikazzjoni sal-komunikazzjoni tal-approvazzjoni/iċ-ċaħda tal-applikanti

(d)

Spjega kif l-applikanti jiġu infurmati dwar l-approvazzjoni/iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħhom

(e)

Spjega kif il-pubblikazzjoni tal-Membri u s-Sħab tal-EURES magħżula tiġi ttrattata biex tiġi żgurata t-trasparenza

5.   Kif jiġi żgurat il-proċess xieraq tal-liġi

(a)

Il-korp responsabbli

(b)

Spjega kif jiġu trattati l-ilmenti marbuta mas-sistema tad-dħul

(c)

Ir-rimedji disponibbli wara ċ-ċaħda

6.   Il-perjodu tad-dħul

Id-dħul huwa limitat fiż-żmien? Jekk iva, għal kemm żmien?

7.   Il-proċess tad-dħul mill-ġdid

Spjega l-proċess u l-iskeda ta' żmien

8.   Miżati marbuta mal-applikazzjoni

Hemm miżati imposti fuq l-applikanti? Jekk iva, kif jiġu stabbiliti?

III.   IL-KRITERJU GĦAD-DĦUL

1.

L-applikazzjoni ta' kriterji minimi tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/589.

2.

Kriterji u raġunijiet nazzjonali possibbli għala dawn huma meħtieġa għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/589.

IV.   MONITORAĠĠ

1.

Korp/korpi responsabbli

2.

Metodu (abbażi ta'dejta, kontroll u awditjar, kontrolli każwali, eċċ.)

3.

Frekwenza tal-verifiki

4.

It-trattament tal-ilmenti marbuta mal-operat tal-Membri u s-Sħab tal-EURES

5.

Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' rispett tar-rekwiżiti tas-sistema tad-dħul u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

V.   IL-PROĊESS TA' REVOKA TA' DĦUL

1.

Il-korp responsabbli

2.

Funzjonijiet tal-korp

3.

Spjega l-proċess u l-iskeda ta' żmien biex jiġu trattati l-każijiet

4.

Ir-rimedji disponibbli wara revoka

VI.   KRITERJI TA' REVOKA TA' DĦUL

Jekk jogħġbok elenka l-kriterji nazzjonali ta' revoka ta' dħul.

VII.   IL-LISTA TAL-MEMBRI U S-SĦAB TAL-EURES

Għandha tinhemeż lista ta' Membri u Sħab tal-EURES mal-mudell meta jiġi ppreżentat lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni u tinżamm aġġornata.