12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1247

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, għajr għad-dispożizzjonijiet relatati mat-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-parti l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Jannar 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal- Ukraina għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina biex jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (2).

(2)

Dawn in-negozjati kienu finalizzati b'suċċess u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) ġie inizjalat fl-2012.

(3)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE (3), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/670/Euratom (5), il-Ftehim ġie iffirmat fi Brussell fil-21 ta' Marzu 2014 u fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna d-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim għajr id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tiegħu, li fih obbligi speċifiċi li jirrelataw mat-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra, u liema dispożizzjonijiet jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-mira u l-kontenut ta' dawk id-dispożizzjonijiet huma distinti minn u indipendenti mill-mira u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjonijiet bejn il-Partijiet. Ser tiġi adottata deċiżjoni separata relatata mal-Artikolu 17 tal-Ftehim b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova l-modifiki fil-Ftehim li jridu jiġu adottati mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni Kummerċjali tiegħu taħt l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, kif propost mis-sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi taħt l-Artikolu 211 tal-Ftehim.

(6)

Huwa opportun li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li jingħataw ħarsien skont il-Ftehim.

(7)

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

(8)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, flimkien mal-Annessi u l-Protokolli għalih (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, għajr l-Artikolu 17 tiegħu (6).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 486(2) tal-Ftehim, sabiex ikun espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim (7).

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-Artikolu 211 tal-Ftehim, il-modifiki li jsiru fil-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tas-sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara oġġezzjonijiet marbuta mal-indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

Artikolu 4

1.   Isem protett taħt is-subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitolu 9 tat-Titolu IV tal-Ftehim jista' jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

2.   Skont l-Artikolu 207 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 204 sa 206 tal-Ftehim, anke fuq it-talba ta' parti interessata.

Artikolu 5

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  Il-Kunsens tas-16 ta' Settembru 2014 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Ukraina (ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE tas-17 ta' Marzu 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Preambolu, Artikolu 1, u Titoli I, II u VII tiegħu (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/670/Euratom tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 8).

(6)  It-test tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra ġie ppubblikat fil-ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(7)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).