8.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/43


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1239

tas-6 ta' Lulju 2017

dwar ir-rikonoxximent tal-Etjopja skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument C(2017) 4555)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu b'approvazzjoni ċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, tal-1978 (il-Konvenzjoni STCW).

(2)

Permezz ta' ittri datati d-9 ta' Jannar 2014 u l-5 ta' Novembru 2014, il-Lussemburgu u Ċipru rispettivament talbu r-rikonoxximent tal-Etjopja. Wara dawk it-talbiet, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet tal-Etjopja bil-għan li twettaq valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tagħhom biex tivverifika jekk l-Etjopja tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati. Kien spjegat li l-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni għall-ġbir ta' informazzjoni li għandha titwettaq mill-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-Aġenzija) fl-Etjopja.

(3)

Abbażi tar-riżultati ta' spezzjoni li saret f'Ottubru 2015, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni fl-Etjopja. F'dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni identifikat għadd ta' oqsma li kellhom bżonn jiġu indirizzati sewwa mill-awtoritajiet Etjopjani, inklużi n-nuqqasijiet relatati mal-approvazzjoni tal-programm u tal-kors, dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni abbord u l-approvazzjoni.

(4)

F'Mejju 2016, l-awtoritajiet Etjopjani ressqu pjan volontarju ta' azzjoni korrettiva u komplew jissupplimentawh f'Lulju, f'Ottubru u f'Diċembru 2016.

(5)

B'mod partikolari, l-Etjopja adottat leġiżlazzjoni ġdida li tindirizza n-nuqqasijiet b'rabta mad-dispożizzjonijiet nazzjonali kif identifikat fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni, aġġornat il-proċeduri tal-kwalità tal-amministrazzjoni u tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni marittima, u l-kurrikula u l-programmi ta' taħriġ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni marittima tagħha.

(6)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet Etjopjani ħadu miżuri biex jagħmlu s-sistema Etjopjana ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, inkluż l-għoti ta' evidenza dokumentata xierqa.

(7)

F'April 2017, il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet Etjopjani b'rapport ta' valutazzjoni li kien ibbażat fuq ir-riżultati tal-ispezzjoni ta' Ottubru 2016 u qieset il-pjan ta' azzjoni korrettiva aġġornat.

(8)

Ir-riżultat finali tal-valutazzjoni juri li l-Etjopja hija konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW u li indirizzat in-nuqqasijiet identifikati kollha, filwaqt li dan il-pajjiż ħa l-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati.

(9)

L-Istati Membri ngħataw rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, l-Etjopja hija rikonoxxuta fir-rigward tas-sistemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.