8.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 421/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Diċembru 2017

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Graves (DOP)]

(2017/C 421/07)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Franza ressqet applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Graves”, skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Il-Kummissjoni eżaminat din l-applikazzjoni u sabet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1), kif ukoll fl-Artikoli 100, 101 u 102 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huma ssodisfati.

(3)

Sabiex id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni jkunu jistgħu jsiru skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Graves” jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Graves” (DOP) skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dritt ta’ oppożizzjoni għall-emenda fl-ispeċifikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jingħata għal xahrejn li jibdew jiskorru mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ANNESS

GRAVES

AOP-FR-A1012-AM01

Data tat-tressiq tal-applikazzjoni: 7.3.2016

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI

1.   Regoli applikabbli għall-emenda

L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 - Emenda mhux minuri

2.   Deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-emenda

2.1.   Żona ġeografika

Il-punt IV(1) tal-Kapitolu 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa emendat kif ġej:

Wara l-kelma: “Virelade”, jiddaħħlu l-kliem: “u f’parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Coimères li tikkorrispondi għat-Taqsima A msejħa Herrères l-ewwel pjanta tal-irqajja’ tar-reġistru tal-artijiet (pjan rivedut ghall-1934) iċċertifikat konformi mal-iskeċċ ta’ pjanta ta’ konservazzjoni fil-5 ta’ Novembru 2010”. Din l-emenda għandha l-għan li tinkludi fiż-żona ġeografika parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Coimères li tintuża b’mod kontinwu għall-vitikultura, li għandha modi ta’ ġestjoni tad-dwieli simili u kultivazzjoni simili ħafna kemm mill-aspetti ta’ pajsaġġ kif ukoll mill-aspett topografiku, idroloġiku, ġeoloġiku u pedoloġiku ma’ dawk tal-vinji tad-denominazzjoni “Graves” fil-viċin. Din il-parti tal-muniċipalità ta’ Coimères ġeografikament tinsab fil-kontinwità diretta taż-żona ġeografika tad-DOP “Graves”.

L-applikazzjoni biex tiġi introdotta l-muniċipalità ta’ Coimères nbdiet fl-1938 eżatt wara r-rikonoxximent nazzjonali tad-denominazzjoni minħabba ommissjoni rrappurtata minn operatur dak iż-żmien. Sussegwentement, minkejja d-deċiżjonijiet pożittivi tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ din il-muniċipalità fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni, id-deċiżjoni qatt ma ġiet irreġistrata fit-testi uffiċjali. Iż-żieda ta’ din il-muniċipalità llum sempliċement tikkumpensa ommissjoni li saret żmien twil ilu.

il-kliem “Martignas-sur-Jalle” u “Saint-Jean-d’Illac” jitħassru. Din l-emenda għandha l-għan li teskludi l-muniċipalitajiet ta’ Martignas-sur-Jalle u Saint-Jean-d’Illac miż-żona ġeografika minħabba li tilfu l-użu tagħhom għall-vitikultura u ma għandhom l-ebda dielja u l-ebda roqgħa art demarkata għad-DOP.

Għalhekk il-punt 6 tad-Dokument Uniku huwa emendat.

2.2.   Ir-roqgħa tar-raba’ demarkata

Fil-punt IV(2) tal-Kapitolu 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott, wara l-kliem: “mill-10 ta’ Frar 2011”, jiddaħħlu l-kliem: “u tal-kumitat permanenti tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2013 b’delega tal-kumitat nazzjonali”. Din l-emenda għandha l-għan li żżid id-data ta’ approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ emenda tar-roqgħa tar-raba’ demarkata fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Id-demarkazzjoni tar-roqgħa tar-raba’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni, tal-irqajja’ tar-raba’ tajbin għall-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta li qed tiġi kkunsidrata.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din il-bidla.

2.3.   Rabta mal-oriġini

Fit-tielet subparagrafu tal-punt X(1)(a) tal-Kapitolu I tal-istess Speċifikazzjoni tal-prodott, in-numru “43” huwa sostiwit bin-numru “42”. Din l-emenda tikkorrispondi għar-rettifika tal-għadd ta’ muniċipalitajiet taż-żona ġeografika wara t-tneħħija taż-żewġ muniċipalitajiet ta’ Martignas-sur-Jalle u Saint-Jean-d’Illac u ż-żieda ta’ parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Coimères.

Għalhekk il-punt 8 tad-Dokument Uniku huwa emendat.

Is-sommarju tar-rabta, li jinsab fil-punt 8 tad-Dokument Uniku, ġie rivedut kif xieraq, u skont l-għadd massimu ta’ karattri imposti minn e-ambrosia.

2.4.   Emendi oħrajn

Fid-dawl ta’ din l-applikazzjoni ġdida għal emenda, id-Dokument Uniku ġie aġġornat skont ir-regoli l-ġodda tar-reġistrazzjoni tad-dejta fis-softwer e-ambrosia.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem

Graves

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed

Inbid aħmar mhux frizzanti

L-inbejjed ħomor ġejjin minn varjetajiet ta’ dwieli bilanċjati, fejn il-varjetà cabernet sauvignon N tipprovdi aromi u struttura u l-varjetà merlot N tipprovdi aroma u togħma delikata. Flimkien ma’ dawn hemm il-varjetajiet carbernet franc N, petit-verdot N, malbec N u Carménère N. Meta d-dwieli jkunu għadhom żgħar, ta’ spiss jiżviluppaw aromi ta’ frott aħmar b’lemħiet ta’ aromi ta’ ħwawar u ta’ inkaljar. Dawn l-inbejjed huma eleganti u strutturati, fini u aromatiċi u jiżviluppaw b’armonija, u għalhekk fwieħet l-inbid jieħu lemħiet affumikati delikati. Jilħqu l-aqwa tagħhom bejn 5 u 10 snin wara, skont il-vendemmji u l-oriġini tagħhom.

Qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 11 %.

Qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment.

Il-fermentazzjoni malolattika hija obbligatorja għall-inbejjed ħomor.

Il-kontenut ta’ aċidu maliku huwa ta’ 0,30 gramma għal kull litru jew inqas;

Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli huwa ta’ 3 grammi għal kull litru jew inqas.

Inbid abjad xott mhux frizzanti

L-inbejjed bojod huma eleganti u rikki. Dawn l-inbejjed isiru mill-varjetà Sémillon B u ġeneralment jiżviluppaw lemħiet florali u jsiru wkoll naturalment kremużi, iżda xorta jibqgħu jkollhom togħma friska. Meta jitħalltu mal-varjetà sauvignon B, li tipprovdi vivaċità u espressjoni, u mal-varjetà muscadelle B li toffri lemħiet ħfief tal-misk, dawn l-inbejjed ta’ spiss ikollhom aromi ta’ fjuri u tal-frott taċ-ċitru xi kultant b’lemħiet eżotiċi jew tal-mentol. Il-maturazzjoni fi btieti, li tintuża xi kultant, tippermetti li l-inbid isir aktar rikk u kumpless wara ftit snin.

Qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 10,5 %.

Qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13 % wara l-arrikkiment.

Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli huwa ta’ 4 grammi għal kull litru jew inqas.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

F’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

13,27

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Il-parametri mhux irreġistrati dwar il-karatteristiċi analitiċi huma dawk stabbiliti bir-regolamentazzjoni fis-seħħ.

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.    Prattiki enoloġiċi essenzjali

Densità u wisa’ bejn id-dwieli

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru. Id-distanza bejn ir-ringieli ma tistax tkun akbar minn 2 metri, u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess ringiela ma tistax tkun inqas minn 0,8 metri.

Regoli dwar iż-żbir tad-dwieli

Prattika tal-kultivazzjoni

Iż-żbir isir l-aktar tard fl-istadju meta l-weraq ikunu mifruxa (l-istadju 9 ta’ Lorenz). Id-dwieli jinżabru skont it-tekniki li ġejjin b’massimu ta’ 12-il għajn fuq kull dielja:

żabra qasira (bid-difer) jew żabra twila (biż-żargun);

żabra qasira fuq spalliera doppja jew forma ta’ mrewħa b’erba’ dirgħajn

Tisqija

Prattika tal-kultivazzjoni

It-tisqija matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni tad-dielja tista’ tiġi awtorizzata biss fil-każ ta’ nixfa persistenti u meta din tfixkel l-iżvilupp fiżjoloġiku tajjeb tad-dwieli u l-maturazzjoni tajba tal-għeneb.

Arrikkiment

Prattika enoloġika speċifika

It-tekniki sottrattivi tal-arrikkiment (“techniques soustractives d’enrichissement”, TSE) huma awtorizzati għall-inbejjed ħomor bil-limitu ta’ rata ta’ konċentrazzjoni ta’ 15 %.

L-inbejjed ħomor ma għandhomx jaqbżu il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment.

L-inbejjed bojod ma għandhomx jaqbżu il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13 % wara l-arrikkiment.

b.    Rendimenti massimi

Inbid aħmar

65 ettolitru għal kull ettaru

Inbid abjad

68 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika ddefinita

Il-ħsad tal-għeneb, il-produzzjoni, il-maturazzjoni u l-iżvilupp tal-inbejjed isiru kollha fil-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département tal-Gironde: Arbanats, Ayguemorte-les-Graves, Beautiran, Bègles, La Brède, Budos, Cabanac-et-Villagrains, Cadaujac, Canéjan, Castres-Gironde, Cérons, Cestas, Eysines, Gradignan, Guillos, Le Haillan, Illats, Isle-Saint-Georges, Landiras, Langon, Léogeats, Léognan, Martillac, Mazères, Mérignac, Pessac, Podensac, Portets, Pujols-sur-Ciron, Roaillan, Saint-Médard-d’Eyrans, Saint-Michel-de-Rieufret, Saint-Morillon, Saint-Pardon-de-Conques, Saint-Pierre-de-Mons, Saint-Selve, Saucats, Talence, Toulenne, Villenave-d’Ornon, Virelade, u f’parti tat-territorju tal-muniċipalità ta’ Coimières li tikkorrispondi għat-Taqsima A msejħa Herrères l-ewwel pjanta tal-irqajja’ tar-reġistru tal-artijiet (pjan rivedut ghall-1934) iċċertifikat konformi mal-iskeċċ ta’ pjanta ta’ konservazzjoni fil-5 ta’ Novembru 2010.

7.   Varjetajiet ewlenin

 

Cabernet-Sauvignon N

 

Cabernet franc N

 

Cot N

 

Carménère N

 

Muscadelle B

 

Merlot N

 

Sémillon B

 

Sauvignon gris G

 

Sauvignon B

 

Petit Verdot N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Graves” tifforma strixxa ta’ wisa’ ta’ madwar għaxar kilometri fuq in-naħa tax-xellug tal-Garonne mit-Tramuntana ta’ Bordeaux għax-Xlokk ta’ Langon.

Kif jindika l-isem tad-denominazzjoni, it-territorju ta’ “Graves” huwa magħmul minn ċagħaq, ġebel, żrar ftit jew wisq oħxon, ramel imħallat max-xaħx u mat-tafal, li f’xi postijiet jinsab fuq ġebel tal-ġir iżda ġeneralment fuq ir-ramel pur jew l-alios (ramel miġbur li jkun fih partikoli tal-ħadid) jew fuq it-tafal. Huwa magħmul minn 42 muniċipalità tad-département tal-Gironde.

L-artijiet għandhom storja ġeoloġika twila u kumplessa, marbuta mill-qrib mal-oriġini tal-Garonne, mat-tibdiliet fl-iżvilupp tiegħu u mal-episodji glaċjali suċċessivi tal-era Kwaternarja. Matul dawn il-perjodi, il-glaċieri tal-Pirenej ħaffru l-widien tagħhom u ħejjew il-blat li fuqu jiskulaw ix-xmajjar sar-reġjun ta’ Bordeaux. Minn dawn id-depożiti suċċessivi baqgħu biss relikwi fil-forma ta’ għoljiet ta’ graves ta’ kull dimensjoni u ta’ kull tip.

L-artijiet li ffurmaw minn dak iż-żmien ’l hawn għandhom ħamrija permeabbli ħafna minħabba li fiha ħafna żrar u ċagħaq. Dawn mhumiex l-uniċi artijiet kwalitattivi ħafna tal-“Graves”, iżda jikkostitwixxu s-sinsla u l-immaġni tal-eċċellenza tiegħu. L-inklinazzjonijiet tagħhom jiffavorixxu l-fluss tal-ilma u għalhekk jiggarantixxu drenaġġ superfiċjali perfett tal-ilma. Dan id-drenaġġ huwa msaħħaħ permezz ta’ netwerk idrografiku kbir ta’ xmajriet żgħar tal-ilma li huma t-tributarji tal-Garonne. Huma artijiet li għandhom alimentazzjoni idrika tad-dwieli regolata ħafna.

Huma protetti mit-temp fil-Punent permezz tal-foresta tal-arżnu li għandha rwol importanti fir-regolazzjoni tat-temperatura, mis-sħana u l-umdità eċċessivi permezz ta’ ventilazzjoni naturali minħabba li jinsabu ħdejn il-Garonne, u jibbenefikaw mill-influwenzi oċeaniċi li jimmoderaw il-ġlata tar-rebbiegħa. B’hekk il-vinja għandha l-vantaġġ ta’ klima partikolari u favorevoli. Il-pajsaġġi vitikoli ta’ dan is-settur, magħmula minn inklinazzjonijiet mhux weqfin ħafna fejn il-ġebel ċar u jleqq jirrifletti d-dawl fuq l-għeneb, jinsabu bejn ix-xmara u l-foresti tal-arżnu.

L-artijiet tar-reġjun tal-Graves huma artijiet fejn oriġinaw l-aħjar inbejjed ħomor u bojod tar-reġjun ta’ Bordeaux, u f’dan ir-reġjun ġew żviluppati prattiki li għadhom jintużaw sal-lum. Mis-sekli sbatax u tmintax il-varjetajiet li kienu jitkabbru fi klima oċeanika kienu jeħtieġu arbli ta’ appoġġ u suċċessivament użu mifrux ta’ rbit u metodu rigoruż ta’ żbir biex jiġi żgurat tqassim tajjeb tal-għeneb li jrid jinħasad u wiċċ tal-werqa kbir biżżejjed għall-fotosinteżi biex tiġi żgurata maturità ottimali.

B’rispett tad-drawwiet diġà traskritti fid-Digriet tal-4 ta’ Marzu 1937 li jiddefinixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Graves”, ir-roqgħa tar-raba’ demarkata għall-ħsad tal-għeneb tikklassifika l-irqajja’ li għandhom il-karatteristika ta’ drenaġġ naturali bil-kwalità ta’ drenaġġ tagħhom jew bil-pożizzjoni tagħhom fuq għolja jew inklinazzjoni. Huma esklużi s-sitwazzjonijiet ġeografiċi u topografiċi li huma soġġetti għall-ġlata fir-rebbiegħa minħabba li jinsabu ’l bogħod mill-Garonne jew magħluqin fil-foresta (għaliex iċ-ċirkolazzjoni tal-mases ta’ arja kiesħa tiġi ostakolata).

L-irqajja’ demarkati b’mod preċiż jippermettu espressjonijiet ottimali tal-varjetajiet lokali, magħżula tul l-istorja għall-kapaċitajiet ta’ konservazzjoni u maturazzjoni tagħhom, marbuta mal-ħtieġa li dawn il-prodotti jiġu trasportati ’l bogħod.

L-artijiet b’ħafna ġebel, sħan u mhux fertili wisq tad-denominazzjoni jillimitaw b’mod naturali l-produzzjoni tal-inbejjed ħomor, iżda jippermettu maturità ottimali tal-varjetajiet cabernet-sauvignon N u merlot, appoġġati wkoll mir-regolazzjoni termika li hija żgurata permezz tal-viċinanza max-xmara tal-Garonne. L-inbejjed li jinkisbu hekk għandhom struttura tajba u għalhekk huma soġġetti għal żvilupp li huwa meħtieġ għall-maturazzjoni tagħhom u għall-aqwa espressjoni tagħhom qabel ma jitqiegħdu fis-suq għall-konsumaturi.

L-artijiet li fihom l-aktar ramel jew b’matriċi taflija huma aktar xierqa għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod tad-denominazzjoni li toriġina l-aktar mill-varjetajiet ta’ Sauvignon B u Sémillon B. Dawn l-artijiet jagħmlu nbid frisk u fin b’espressjonijiet tal-fjuri u tal-frott.

Sabiex jiġi żgurat ħsad suffiċjenti, mingħajr ma jittaqqlu żżejjed id-dwieli (garanzija ta’ maturità u ta’ konċentrazzjoni ottimali tal-frott), id-densità minima tat-tħawwil hija għolja.

Il-prossimità mal-port ta’ Bordeaux, fejn storikament kien hemm kummerċ qawwi tal-inbejjed mad-dinja kollha, u s-sitwazzjoni ġeopedoloġika speċifika ppermettew lid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Graves” tikseb fama internazzjonali.

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħrajn

Żona fi prossimità immedjata

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari

Deroga li tikkonċerna l-produzzjoni fiż-żona ġeografika ddefinita

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni

Iż-żona fi prossimità immedjata, iddefinita b’deroga għall-produzzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp tal-inbejjed, tikkonsisti mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département tal-Gironde: Barsac, Béguey, Bieujac, Bommes, Cadillac, Castets-en-Dorthe, Fargues, Langoiran, Loupiac, Le Pian-sur-Garonne, Preignac, Rions, Saint-Loubert, Saint-Maixant, Saint-Pierre-d’Aurillac, Sainte-Croix-du-Mont u Sauternes.

Unità ġeografika usa’

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ ta’ “Vin de Graves”. Id-daqs tal-ittri għal din l-unità ġeografika usa’ ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

10.   Link għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-d60d4526-0d0e-4eec-811f-73176ca92985