5.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1191

tas-16 ta' Ġunju 2017

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2014/56/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Jannar 2014, wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni 2014/56/UE (1), f'konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Kroazja. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat għall-2014 kien ta' 5,5 %, li kien iktar mill-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 3 % tal-PDG. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien imbassar li jilħaq it-62 % tal-PDG fl-2014, li kien ogħla mill-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 60 % tal-PDG.

(2)

Fit-28 ta' Jannar 2014, f'konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizza Rakkomandazzjoni lill-Kroazja bl-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2016.

(3)

Fit-2 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Kroazja kienet ħadet azzjoni effettiva f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014 taħt l-Artikolu 126(7) tat-Trattat.

(4)

Taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta statistika għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dejta statistika dwar defiċit u dejn tal-gvern kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (3).

(5)

Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex jirrevoka deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-dejta statistika notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv jinħtieġ li tiġi revokata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu tal-previżjoni u l-proporzjon tad-dejn jissodisfa l-element li jħares 'il quddiem tal-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn (4).

(6)

Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika ta' April 2016 mill-Kroazja, il-Programm ta' Konverġenza għall-perjodu 2017-2020 u t-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2017, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Fl-2016, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq 0,8 % tal-PDG, minn 3,4 % fl-2015. Dak it-titjib kien dovut l-aktar għal: (i) żieda fl-introjtu minħabba tkabbir b'saħħtu tal-PGD u (ii) trażżin min-naħa tal-infiq. B'hekk, id-defiċit inġieb taħt il-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 3 % tal-PDG sal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill.

Il-Programm ta' Konverġenza għall-perjodu 2017-2020, ippreżentat mill-gvern Kroat fis-27 ta' April 2017, qed jippjana li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jitla' għal 1,3 % tal-PDG fl-2017, u jinżel lura għal 0,8 % tal-PDG fl-2018. It-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2017 jipproġetta defiċit ta' 1,1 % tal-PDG fl-2017 u ta' 0,9 % tal-PDG fl-2018. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' tbassir.

Il-bilanċ strutturali, li huwa l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, ittejjeb bi 3.0 % tal-PDG fil-perjodu 2014-2016.

Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern mal-GDP laħaq il-quċċata ta' 86,7 % fl-2015 u niżel għal 84,2 % fl-2016, minħabba tisħiħ tal-PDG u aġġustamenti ta' stock-flow lejn it-tnaqqis tad-dejn. It-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2017 jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn se jonqos aktar għal 79,4 % fl-2018, sostnut minn tkabbir b'saħħtu tal-PDG nominali. Fuq dik il-bażi, l-proporzjon tad-dejn tal-2016 jissodisfa l-element li jħares 'il quddiem tal-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn.

(7)

Taħt l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

(8)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Kroazja ġie kkoreġut u jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2014/56/UE tiġi revokata.

(9)

Mill-2017, li hija s-sena sussegwenti għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Kroazja hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Billi diġà fl-2016 laħqet l-objettiv tagħha fuq terminu medju, jenħtieġ li l-Kroazja tevita li tiddevja minnu u li tikkonforma mal-kriterju tad-dejn, skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Kroazja ġiet ikkoreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2014/56/UE hija b'dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/56/UE tat-28 ta' Jannar 2014 dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Kroazja (ĠU L 36, 6.2.2014, p. 13).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(4)  B'konformità mal-Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza, disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf