5.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1190

tat-12 ta' Ġunju 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 172 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita (1) (“il-Ftehim”) ilu japplika b'mod provviżorju mill-1 ta' Jannar 2014 fir-rigward ta' elementi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 20 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera (“il-Kumitat Konġunt”) u jipprevedi li dan għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

(3)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera (“il-Kumitat Konġunt”) stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr ebda deċiżjoni oħra tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CAMILLERI


(1)  ĠU L 15, 20.1.2014, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUMITAT TAL-GNSS BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-IŻVIZZERA

ta' …

dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT TAL-GNSS BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-IŻVIZZERA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita (1) (“il-Ftehim”) ilu japplika b'mod provviżorju bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera (“Żvizzera”) u l-Unjoni mill-1 ta' Jannar 2014 fir-rigward ta' elementi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 20(2) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera (“il-Kumitat Konġunt”) għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 20(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi gruppi ta' ħidma jew gruppi ta' esperti sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 27(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Iżvizzera u tal-Unjoni matul l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.

Magħmul bl-Ingliż fi Brussell u f'Berna, […] u […], rispettivament.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

Is-Segretarju għall-Unjoni Ewropea

Is-Segretarju għall-Iżvizzera


(1)  ĠU L 15, 20.1.2014, p. 3.

ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TAL-GNSS BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-IŻVIZZERA (“IL-KUMITAT KONĠUNT”)

Artikolu 1

Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea min-naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Gvern Federali tal-Konfederazzjoni Żvizzera (Żvizzera) min-naħa l-oħra. Iż-żewġ naħat, minn hawn 'il quddiem, għandhom jissejħu b'mod individwali bħala “l-Parti” jew b'mod konġunt bħala “l-Partijiet”.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali oħra li jaġixxu f'isem il-Partijiet.

3.   Matul l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Iżvizzera, min-naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra.

Artikolu 2

Presidenza

1.   Il-presidenza tal-Kumitat Konġunt għandha talterna bejn il-Partijiet kull 12-il xahar.

Il-presidenza għandha tinżamm mill-Iżvizzera matul is-sena li fiħ jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

2.   Il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taħtar il- president tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll is-sostitut tiegħu.

3.   Il-President għandu jmexxi x-xogħol tal-Kumitat Konġunt.

4.   Matul l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 3

Osservaturi

Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi, bi ftehim komuni bejn il-Partijiet, li jistieden esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi. Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li bihom dawn l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat.

Artikolu 4

Segretarjat

1.   Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Iżvizzera għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt.

2.   Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt għandhom ikun responsabbli għall-komunikazzjoni bejn il-Partijiet, inkluża t-trażmissjoni ta' dokumenti.

3.   Il-funzjonijiet tas-segretarjat jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Parti li jkollha l-presidenza.

Artikolu 5

Laqgħat tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' kif u meta meħtieġ, fil-prinċipju darba fis-sena.

Il-President għandu jsejjaħ, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt f'ħin u f'post miftiehma b'mod reċiproku. Jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk jistgħu jsiru wkoll konferenzi telefoniċi u vidjokonferenzi.

Il-President għandu jsejjaħ sessjoni speċjali tal-Kumitat Konġunt kemm fuq talba tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Iżvizzera.

Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi żmien 15-il jum kalendarju minn meta ssir talba skont l-Artikolu 22(2) tal-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi Brussell jew fl-Iżvizzera, skont il-Parti li jkollha l-presidenza, sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor.

3.   Il-President għandu jibgħat l-avviż dwar il-konvokazzjoni tal-laqgħa, flimkien mal-abbozz tal-aġenda u d-dokumenti għal-laqgħa, lir-rappreżentanti tal-Partijiet mill-anqas 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Id-dokumenti għal-laqgħat imsejħa f'konformità mal-Artikolu 22(2) tal-Ftehim, għandhom jintbagħtu mill-anqas sebat ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.

4.   Il-President jista', bi ftehim mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafu 3 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' kwistjoni partikolari.

5.   Mill-inqas sebat ijiem kalendarji qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni ta' kull Parti.

6.   Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.

Artikolu 6

Aġenda

1.   Il-President, assistit mis-Segretarji, għandu jfassal l-aġenda provviżorja għal kull laqgħa.

2.   Kull Parti tista' tipproponi li jiżdiedu elementi addizzjonali fl-aġenda. Kull talba għandha tkun debitament sostanzjata u mibgħuta bil-miktub lill-President mill-anqas sebat ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu japprova l-aġenda fil-bidu tal-laqgħa.

Artikolu 7

Gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti li għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 20(4) tal-Ftehim għandhom jiġu miftiehma abbażi ta' mandat stabbilit mill-Kumitat Konġunt.

2.   Il-gruppi ta' ħidma jew il-gruppi ta' esperti għandhom japplikaw dawn ir-Regoli ta' Proċedura mutatis mutandis.

3.   Il-gruppi ta' ħidma jew il-gruppi ta' esperti għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u jibagħtulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn m'għandhomx ikunu awtorizzati li jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 8 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura li jemenda jew li jtemm il-mandat tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jfassal ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta' ftehim komuni bejn il-Partijiet f'konformità mal-Ftehim. Dawn għandhom ikollhom it-titolu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' sekwenza, id-data tal-adozzjoni u referenza għas-suġġett tagħhom.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji u għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.

3.   Kull Parti tista' tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata mill-Kumitat Konġunt fil-ġurnal uffiċjali rispettiv tagħha. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-intenzjoni tagħhom li jippubblikaw deċiżjoni jew rakkomandazzjoni.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista' jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta' proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-Segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 5 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, f'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih għandha tiġi mgħarrfa kull riżerva jew emenda. Il-President jista' jnaqqas dak il-limitu ta' żmien, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, sabiex jiġu meqjusa ċ-ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji.

5.   Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt li jemendaw l-Anness I tal-Ftehim għandhom ikunu adottati fil-lingwi awtentiċi tal-Ftehim.

Artikolu 9

Minuti

1.   Is-Segretarjat għandu jfassal abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa. L-abbozz għandu jindika d-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet imfassla. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat Konġunt għall-adozzjoni. Ladarba dawn ikunu ġew adottati mill-Kumitat Konġunt, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji.

2.   L-abbozz tal-minuti għandu jitfassal fi żmien 21 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa u jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konġunt jew permezz ta' proċedura bil-miktub jew fil-laqgħa sussegwenti tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

Meta Parti tippreżenta informazzjoni li tkun indikata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat Konġunt, il-Partijiet l-oħra għandhom jittrattaw dik l-informazzjoni bħala tali.

Artikolu 11

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tħallas kwalunkwe spiża li ġġarrab marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar it-tqassim tal-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe missjoni assenjata lill-esperti.

3.   L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 12

Korrispondenza

Il-korrispondenza kollha indirizzata lill-President tal-Kumitat Konġunt jew mibgħuta minnu għandha tintbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 13

Emendar

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt f'konformità mal-Artikolu 8.