1.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/89


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1173

tas-26 ta' Ġunju 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet (Linja Baġitarja 04 03 01 03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 46 u 48, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE

(3)

Il-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet.

(4)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar iż-ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi,

(5)

Għalhekk, il-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tkompli wara l-31 ta' Diċembru 2016.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

J. MIZZI


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2017

ta'

li temenda l-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi.

(2)

Il-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE jenħtieġ li għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2017,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-paragrafi 5 u 13 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, il-kliem “u 2016” huma sostitwiti bil-kliem “, 2016 u 2017”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(*1)  [Ma hemm indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]