|
27.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 164/56 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1138
tad-19 ta' Ġunju 2017
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni tal-kontenut meħtieġ taċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(12) tal-Konvenzjoni u tal-gwida msemmija fl-Artikolu 8(8) u (9) tal-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-11 ta' Mejju 2017, il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (1) (il-“Konvenzjoni”) ġiet approvata, f'isem l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (2). |
|
(2) |
Il-Konvenzjoni ser tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Awwissu 2017. L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-“KPK 1”) ser issir mill-24 sad-29 ta' Settembru 2017 f'Ġinevra. F'dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li l-Unjoni tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed fil-KPK 1. |
|
(3) |
L-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni jirrikjedi li l-Partijiet li għandhom l-intenzjoni li jimportaw il-merkurju minn pajjiż mhux parti jippermettu tali importazzjoni biss bil-kondizzjoni li jiġu pprovduti b'ċertifikazzjoni mill-pajjiż mhux parti li qed jesporta li l-merkurju importat la jkun ġej minn estrazzjoni primarja tal-merkurju u lanqas minn eċċess ta' merkurju mid-dekummissjonar ta' faċilitajiet ta' kloroalkali (iċ-“ċertifikazzjoni”). |
|
(4) |
L-Artikolu 3(12) tal-Konvenzjoni jipprevedi l-adozzjoni tal-kontenut meħtieġ taċ-ċertifikazzjoni mill-KPK 1. Għalhekk tali kontenut meħtieġ taċ-ċertifikazzjoni ser ikollu effetti legali. |
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni, kif ikkomplementat mill-kontenut meħtieġ propost taċ-ċertifikazzjoni. |
|
(6) |
L-Artikolu 8(4) tal-Konvenzjoni jirrikjedi li l-Partijiet jiżguraw li punti ta' sorsi ġodda li jaqgħu fi ħdan il-kategoriji tas-sorsi elenkati fl-Anness D jużaw l-aqwa tekniki disponibbli u l-aqwa prattiki ambjentali disponibbli biex jikkontrollaw u, fejn ikun possibbli, inaqqsu l-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-atmosfera. |
|
(7) |
L-Artikolu 8(5) tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-partijiet għandhom jikkontrollaw u, fejn ikun possibbli, inaqqsu l-emissjonijiet fl-arja tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju mil-punti ta' sorsi eżistenti li jaqgħu fi ħdan il-kategoriji tas-sorsi elenkati fl-Anness D billi jimplimentaw waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin: l-użu tal-aħjar tekniki disponibbli u l-aħjar prattiki ambjentali; l-istabbiliment ta' miri kwantifikati jew ta' valuri ta' limitu tal-emissjonijiet; l-istabbiliment ta' strateġija ta' kontroll multinkwinanti; jew ta' miżuri alternattivi. |
|
(8) |
L-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni jirrikjedi li l-Partijiet jistabbilixxu u jżommu inventarju tal-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-atmosfera. |
|
(9) |
L-Artikolu 8(8) tal-Konvenzjoni jistipula li l-KPK 1 għandha tadotta gwida dwar l-aħjar tekniki disponibbli u l-aħjar prattiki ambjentali, filwaqt li tqis kwalunkwe differenza bejn is-sorsi l-ġodda u dawk eżistenti u tqis il-ħtieġa li jiġu mminimizzati l-effetti transmedjali, u għandha ukoll tadotta gwida mmirata li tappoġġa l-Partijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8(5), b'mod partikolari biex jiddeterminaw il-miri u jistabbilixxu l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet. |
|
(10) |
L-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni jipprevedi l-adozzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, malajr kemm jista' jkun, ta' gwida dwar il-kriterji li l-Partijiet jistgħu jiżviluppaw skont l-Artikolu 8(2)(b), meta jagħżlu li japplikaw miżuri ta' kontroll dwar l-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja biss għall-punti ta' sors li jkunu f'kategorija partikolari ta' sorsi elenkata fl-Anness D, bil-kundizzjoni li mill-inqas 75 fil-mija tal-emissjonijiet tal-kategorija ta' sorsi kkonċernata jkunu koperti, u ta' gwida dwar il-metodoloġija li għandha tintuża għat-tħejjija tal-inventarji tal-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja. |
|
(11) |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(10) tal-Konvenzjoni tispeċifika li l-Partijiet għandhom jieħdu kont tal-gwida meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dak l-Artikolu. Għalhekk din il-gwida ser ikollha effetti legali. |
|
(12) |
Il-Kumitat Intergovernattiv ta' Negozjar tal-Konvenzjoni, fis-seba' sessjoni tiegħu li saret mill-10 sal-15 ta' Marzu 2016 fil-Ġordan, adotta, fuq bażi provviżorja, fl-istennija ta' adozzjoni formali mill-KPK 1, l-erba' dokumenti ta' gwida msemmija fl-Artikolu 8(8) u (9) tal-Konvenzjoni. |
|
(13) |
Il-leġislazzjoni tal-Unjoni, inklużi d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, kif ikkomplementat mill-gwida proposta. |
|
(14) |
Għalhekk jenħtieġ li l-kontenut meħtieġ propost taċ-ċertifikazzjoni u l-erba' dokumenti ta' gwida proposti jiġu appoġġati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (il-“Konvenzjoni”), għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-kontenut meħtieġ taċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(12) u tal-gwida msemmija fl-Artikolu 8(8) u (9) tal-Konvenzjoni.
Bidliet minuri fid-dokumenti msemmija fl-ewwel paragrafu jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat ta' koordinazzjoni, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni(jiet) tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni li tadotta/jadottaw id-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1 għandha/għandhom tiġi/jiġu ppubblikata(i) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
J. HERRERA
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).
(3) Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).
(4) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(5) Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).