20.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/34


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1089

tas-16 ta' Ġunju 2017

li temenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE rigward l-inklużjoni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Georgia u tar-Repubblika ta' Kiribati fil-lista tal-pajjiżi terzi u territorji li minnhom huma permessi l-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem

(notifikata bid-dokument C(2017) 4049)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali. B'mod partikolari, jipprevedi li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jiġu importati biss minn pajjiż terz jew minn parti ta' pajjiż terz li jidher fuq lista mfassla f'konformità ma' dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprevedi wkoll li meta jitfasslu u jiġu aġġornati tali listi, għandhom jitqiesu l-kontrolli tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u l-garanziji min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi fir-rigward tal-konformità jew l-ekwivalenza mal-liġi tal-Unjoni rigward l-għalf u l-ikel u r-regoli dwar is-saħħa tal-annimali speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE (3) telenka dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 u li għalhekk huma f'pożizzjoni li jiggarantixxu li dawk il-prodotti jissodisfaw il-kundizzjonijiet sanitarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi protetta saħħet il-konsumaturi, u skont dan jistgħu jiġu esportati lejn l-Unjoni. B'mod partikolari, l-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi u territorji li minnhom huma permessi l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem. Dik il-lista tindika wkoll ir-restrizzjonijiet dwar tali importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi.

(4)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Georgia talbu lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni ta' importazzjonijiet ta' prodotti tas-sajd fl-Unjoni. Seħħew kontrolli tal-Unjoni fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u fil-Georgia li juru li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu garanziji xierqa kif speċifikat fl-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Abbażi tal-informazzjoni u l-garanziji disponibbli, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Georgia jistgħu jiġu inklużi fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE għall-prodotti tas-sajd.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta' Kiribati talbu lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni ta' importazzjonijiet ta' prodotti tas-sajd fl-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta' Kiribati pprovdew garanziji bil-miktub li jitqiesu xierqa kif speċifikat fl-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli u abbażi ta' dawk il-garanziji, ir-Repubblika ta' Kiribati tista' tiġi inkluża fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE għall-prodotti tas-sajd.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2006/766/KE tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

(1)

bejn l-entrata għall-Grenada u l-entrata għall-Ghana:

“GE

il-Georgia”

 

(2)

bejn l-entrata għall-Kenja u l-entrata għall-Korea t'Isfel:

“KI

ir-Repubblika ta' Kiribati”

 

(3)

bejn l-entrata għal Madagascar u l-entrata għall-Myanmar:

“MK

l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (*1)

 

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE tas-6 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-listi ta' pajjiżi terzi u territorji li minnhom l-importazzjonijiet ta' molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati, gastropodi tal-ibħra u prodotti tas-sajd huma permessi (ĠU L 320, 18.11.2006, p. 53).

(*1)  l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: in-nomenklatura definittiva għal dan il-pajjiż se tiġi miftiehma wara n-negozjati attwali fil-livell tan-NU.”