20.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1088

tal-24 ta' Marzu 2017

dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 35484 (2013/C) (ex SA. 35484 (2012/NN)) fir-rigward ta' ċerti submiżuri ta' riċerka ffinanzjati skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam

(notifikata bid-dokument C(2017) 1863)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittri datati t-28 ta' Novembru 2011 u s-27 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni talbet mingħand il-Ġermanja informazzjoni addizzjonali relatata mar-Rapport Annwali tal-2010 dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu li l-Ġermanja kienet issottomettiet skont l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (2). Il-Ġermanja wieġbet il-mistoqsijiet tal-Kummissjoni b'ittri datati s-16 ta' Jannar 2012 u s-27 ta' April 2012. Fid-dawl tat-tweġibiet tal-Ġermanja, irriżulta li l-Ġermanja kienet tat għajnuna finanzjarja lis-settur tal-ħalib Ġermaniż skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam tal-1952 (Gesetz über den Verkehr mit Milch, Milcherzeugnissen und Fetten, minn hawn 'il quddiem: “l-MFG”).

(2)

Permezz tal-ittra datata t-2 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew irreġistrati bħala għajnuna mhux notifikata taħt in-numru SA.35484 (2012/NN). Permezz ta' ittri datati s-16 ta' Novembru 2012, is-7, it-8, il-11, it-13, l-14, il-15 u d-19 ta' Frar, il-21 ta' Marzu, it-8 ta' April, it-28 ta' Mejju, l-10 u l-25 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2013, il-Ġermanja ssottomettiet aktar informazzjoni.

(3)

Permezz tal-ittra tas-17 ta' Lulju 2013 (3), il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja li fir-rigward ta' ċerti submiżuri meħuda fil-qafas tal-MFG hi kienet iddeċidiet tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (minn hawn 'il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-ftuħ”). Fl-istess ittra, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li xi submiżuri oħrajn kienu kompatibbli mas-suq intern, kemm fil-perjodu bejn it-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2006 jew fil-perjodu li beda mill-1 ta' Jannar 2007 kif ukoll fiż-żewġ perjodi, jew li submiżuri ulterjuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jew li ma kinux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(4)

F'dak li jirrigwarda s-submiżuri li huma soġġetti għal din id-Deċiżjoni, jiġifieri r-riċerka tas-submiżuri msemmija fid-Deċiżjoni tal-ftuħ bħala s-submiżuri BY2, BY11, BY12 u BY13 (minn hawn' il quddiem “is-submiżuri”) il-Kummissjoni ddikjarat li dawk is-submiżuri dehru li għandhom il-karatteristiċi kollha ta' għajnuna mill-Istat u li l-ispejjeż eliġibbli kienu jikkorrispondu mal-ispejjeż eliġibbli permessi skont ir-regoli applikabbli tal-għajnuna mill-Istat (ara l-premessi 203 u 209 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ).

(5)

Madankollu, il-Kummissjoni ma kinitx irċeviet biżżejjed informazzjoni mill-Ġermanja dwar l-intensità tal-għajnuna, b'mod partikolari jekk l-intensità tal-għajnuna kinitx tikkorrespondi mar-rati permessi skont ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat (ara l-premessi 204, 205, 210 u 211 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ) u għalhekk esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tas-submiżuri mas-suq intern (ara l-premessi 206 u 212 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-Ġermanja tissottometti l-kummenti tagħha u tipprovdi kull informazzjoni li tista' tkun utli għall-valutazzjoni tal-għajnuna li tikkonċerna l-perjodu mit-28 ta' Novembru 2001 (ara l-premessa 276 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ.

(6)

Permezz tal-ittra datata l-20 ta' Settembru 2013, il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ. Permezz ta' ittri datati t-22 ta' Settembru 2016 u l-25 ta' Ottubru 2016, il-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Bavarja ppreżenta spjegazzjonijiet addizzjonali.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom dwarha fi żmien xahar. Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti speċifiċi minn partijiet interessati dwar is-submiżuri.

2.   DEFINIZZJONI TAS-SUBMIŻURI

(8)

L-MFG hija liġi Federali Ġermaniża li daħlet fis-seħħ fl-1952. Hija tikkostitwixxi l-qafas legali tas-submiżuri u l-validità tagħha ma għandhiex limitu ta' żmien.

(9)

It-Taqsima 22(1) tal-MFG tawtorizza lill-Istati Federali Ġermaniżi (minn hawn' il quddiem: il-“Länder”) biex jimponu imposta tal-ħalib fuq l-imħaleb ibbażata fuq il-kwantitajiet ta' ħalib ikkonsenjat.

(10)

It-Taqsima 22(2) tal-MFG tistipula li d-dħul miksub mill-imposta fuq il-ħalib jista' jintuża biss:

(a)

għat-titjib u ż-żamma tal-kwalità abbażi ta' ċerti dispożizzjonijiet implimentattivi;

(b)

għat-titjib tal-iġjene waqt il-ħlib u waqt il-kunsinna, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib;

(c)

għar-reġistrazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib;

(d)

għall-għoti ta' pariri lill-intrapriżi dwar kwistjonijiet relatati mal-industrija tal-ħalib u t-taħriġ kontinwu tal-impjegati żgħażagħ f'din l-industrija;

(e)

għar-reklamar immirat biex iżid il-konsum tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib;

(f)

għat-twettiq tal-kompiti kkonferiti mil-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam.

(11)

It-Taqsima 22(2a) tal-MFG tistipula li, b'deroga mill-paragrafu 2, id-dħul miksub mill-imposta fuq il-ħalib jista' jintuża wkoll sabiex:

(a)

titnaqqas iż-żieda fl-ispejjeż strutturali tal-ġbir relatati mal-provvista tal-ħalib u l-krema mill-produttur għall-maħleb,]

(b)

titnaqqas iż-żieda fl-ispejjeż ta' trasport relatati mal-provvista tal-ħalib bejn l-imħaleb fejn tali provvista hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-provvista tal-ħalib tax-xorb fiż-żona tal-bejgħ tal-maħleb, u

(c)

titjieb il-kwalità matul id-distribuzzjoni ċentrali tal-prodotti tal-ħalib.

(12)

Fil-Bavarja l-ġbir u l-użu tal-imposta fuq il-ħalib kien irregolat mir-Regolament Bavarjan dwar imposta fuq il-ħalib (Bayerische Milchumlageverordnung).

(13)

Fil-Bavaria l-imposta fuq il-ħalib intużat biex tiffinanzja s-submiżuri tar-riċerka msemmija fil-premessa 4, jiġifieri:

 

BY 2 — “Die Erhöhung des Milchproteingehaltes durch Management und Züchtung: Eine Perspektive für Milcherzeuger, Verbraucher und Industrie” (Iż-żieda fil-kontenut ta' proteina fil-ħalib permezz tal-Ġestjoni u t-Trobbija: Perspettiva għall-bdiewa tal-ħalib, għall-konsumaturi u għall-industrija;

 

BY 11 — “Förderung der Anpassung von Untersuchungsmethoden zur Bearbeitung spezifischer Fragestellungen sowie der Methodenentwicklung in Kooperation mit Forschungseinrichtungen und der Nutzbarmachung und des Transfers wissenschaftlicher Erkenntnisse für die bayerische Milchwirtschaft” (Il-promozzjoni tal-adattazzjoni tal-metodi ta' investigazzjoni għall-ipproċessar ta' kwistjonijiet speċifiċi u l-iżvilupp ta' metodi b'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet tar-riċerka u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku lill-industrija tal-ħalib tal-Bavarja)

 

BY 12 — Entwicklung einer anti-listeriellen, frühen Oberflächenreifungskultur für geschmierte Käse (L-iżvilupp ta' sustanza ta' maturazzjoni anti-listerjali għall-ġobon);

 

BY 13 — “Überwachung von antimikrobiellen Rückständen der Milch — Etablierung des neuen Biosensor-Systems MCR3 für Routineuntersuchungen in der Praxis” (Il-monitoraġġ ta' residwi antimikrobiċi fil-ħalib — it-twaqqif tas-sistema ġdida tal-bijosensers MCR3 għall-ittestjar ta' rutina fil-prattika).

L-aħħar submiżura kienet ukoll iffinanzjata mill-baġit tal-Istat tal-Bavarja.

(14)

Din il-bażi legali speċifika għall-implimentazzjoni tas-submiżuri kienet tinkludi wkoll:

ir-Regoli tal-Baġit tal-Bavarja (Bayerische Haushaltsordnung), b'mod partikolari l-Artikoli 23 u 44 kif ukoll d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti (Verwaltungsvorschriften);

il-pjan baġitarju biannwali tal-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Bavarja, inkluż il-kapitolu għan-nefqa “mill-Fond Speċjali tal-Ħalib u x-Xaħam”(Sondervermögen Milch und Fett);

l-atti legali amministrattivi tal-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Bavarja biex jawtorizzaw il-proġetti ta' riċerka u l-infiq (Ausgabeermächtigung).

(15)

Id-deċiżjonijiet dwar it-tip ta' proġetti ta' riċerka li għandhom jitwettqu u jiġu ffinanzjati permezz tal-imposta fuq il-ħalib ġew adottati permezz ta' proċedura speċjali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li tinvolvi t-teħid tad-deċiżjonijiet f'livelli diversi: Il-bord tal-Assoċjazzjoni tal-Istat tal-Industrija tal-Ħalib tal-Bavarja (Vorstand der il-Landesvereinigung der bayerischen Milchwirtschaft) joħroġ lista ta' proġetti magħżulin minn qabel u jippreżentaha għall-votazzjoni tal-assemblea ġenerali (Mitgliederversammlung) ta' dik l-assoċjazzjoni. L-assemblea ġenerali tivvota wkoll dwar il-baġit tal-proġett ippjanat. Ibbażat fuq dak il-vot u fuq pjan ta' Baġit biannwali tal-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Bavarja, il-Ministeru joħroġ atti legali amministrattivi li jawtorizzaw l-infiq għall-proġetti ta' riċerka magħżula (Ausgabeermächtigung). Qed tittieħed deċiżjoni separata għal kull proġett.

3.   KUMMENTI TAL-ĠERMANJA

(16)

Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà mitluba fid-Deċiżjoni tal-ftuħ:

BY 2 — “Die Erhöhung des Milchproteingehaltes durch Management und Züchtung: Eine Perspektive für Milcherzeuger, Verbraucher und Industrie” (Iż-żieda fil-kontenut ta' proteina fil-ħalib permezz tal-Ġestjoni u t-Trobbija: Perspettiva għall-bdiewa tal-ħalib, għall-konsumaturi u għall-industrija):

(17)

Il-proġett twettaq bejn l-2008 u l-2012. Il-benefiċjarju kien Technische Universität München.

(18)

L-awtorità tal-baġit globali tal-proġett kien ta' EUR 600 000. Il-mezzi finanzjarji huma mqassma kif ġej:

Tabella 1

Is-sors

EUR fis-sena

EUR fit-total

% tat-total

Riżorsi proprji tal-benefiċjarju

20 000

100 000

16,67

Grupp ta' impriżi Theo Müller

75 000

350 000

58,33

Imposta fuq il-Ħalib (MFG)

35 000

150 000

25

(19)

L-ammont tal-għajnuna li nkisbet mill-imposta fuq il-ħalib kien ta' EUR 150 000 u kien jirrappreżenta 25 % mill-baġit totali għall-proġett ta' riċerka.

BY 11 — “Förderung der Anpassung von Untersuchungsmethoden zur Bearbeitung spezifischer Fragestellungen sowie der Methodenentwicklung in Kooperation mit Forschungseinrichtungen und der Nutzbarmachung und des Transfers wissenschaftlicher Erkenntnisse für die bayerische Milchwirtschaft” (Il-promozzjoni tal-adattazzjoni tal-metodi ta' investigazzjoni għall-ipproċessar ta' kwistjonijiet speċifiċi u l-iżvilupp ta' metodi b'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet ta' riċerka u t-trasferiment ta' għarfien xjentifiku lill-industrija tal-ħalib tal-Bavarja):

(20)

L-għan ta' dan il-proġett kien li jiġu modernizzati l-metodi eżistenti tal-analiżi tal-ħalib u l-kwestjonarji li jkollhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-ħalib. Ir-riżultati tal-proġett ta' riċerka kienu maħsuba biex jintużaw minn impriżi tal-ħalib fil-Bavarja fil-produzzjoni tal-ħalib u fl-ipproċessar ta' prodotti tal-ħalib.

(21)

Il-proġett twettaq bejn l-2002 u l-2011. L-għajnuna ngħatat fuq bażi annwali.

(22)

L-awtorità tal-baġit għall-proġett u l-ammont tal-għajnuna kienu kif ġej:

Tabella 2

Il-perjodu 2002-2006

Sena

2002

2003

2004

2005

2006

Il-baġit tal-proġett (EUR)

332 505,30

416 945,14

616 483,19

812 433,90

587 072,90

Ammont ta' għajnuna (EUR)

222 261,52

288 240,39

423 429,64

564 887,80

391 124,32

Intensità tal-għajnuna (%)

66,84

69,13

68,68

69,53

66,62


Tabella 3

Il-perjodu 2007-2012

Sena

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Il-baġit tal-proġett (EUR)

378 169,60

324 134,53

376 916,07

369 009,52

409 803,32

343 753,57

Ammont ta' għajnuna (EUR)

273 898,60

240 292,53

274 014,01

268 866,52

301 076,32

257 259,72

Intensità tal-għajnuna (%)

72,43

74,13

72,70

72,86

73,47

74,84

(23)

Il-benefiċjarju kien Milchwirtschaftlicher Verein Allgäu-Schwaben e. V., impriża ta' daqs medju (5) (minn hawn' il quddiem: “SME”). Ir-riżultati tar-riċerka ġew ippreżentati f'diversi avvenimenti nazzjonali u internazzjonali kif ukoll f'diversi ġurnali xjentifiċi nazzjonali u internazzjonali (6).

BY 12 — Entwicklung einer anti-listeriellen, frühen Oberflächenreifungskultur für geschmierte Käse (Żvilupp ta' sustanza ta' maturazzjoni anti-listerjali għall-ġobon):

(24)

F'ittra bid-data tal-20 ta' Settembru 2013, il-Ġermanja spjegat li inizjalment kienet tat deskrizzjoni ħażina tal-proġett li kien tqies għall-finijiet tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Dan l-iżball irriżulta minn konfużjoni ma' proġett ieħor b'titlu simili li ġie kompletament iffinanzjat mill-privat. Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni ġdida dwar il-proġett li kien iffinanzjat mill-imposta fuq il-ħalib, kif ġej:

(25)

L-għan ta' dan il-proġett kien li jfittex ir-rabtiet bejn il-batterju tal-listeria monocytogenes u l-batterju aħmar lubrifikanti għall-maturazzjoni. Il-proġett għen ir-riċerka mikrobjali bażika. B'riżultat ta' dan, intwera l-potenzjal straordinarju inibitorju ta' ċerti razez tal-Pichia norvegensis kontra l-Listeria monocytogenes — skoperta li qatt qabel ma kienet ġiet deskritta b'mod xjentifiku. Din l-iskoperta ma setgħetx tintuża b'mod immedjat fil-produzzjoni tal-ġobon, billi kellha tiġi ċċarata aktar in-natura molekulari tal-prinċipju inibitorju.

(26)

Il-proġett twettaq bejn l-2006 u l-2008. Il-baġit tal-proġett kien ta' EUR 30 000. Dan ġie ffinanzjat totalment mill-imposta fuq il-ħalib.

(27)

Il-benefiċjarju kien Technische Universität München, entità pubblika tal-edukazzjoni għolja mingħajr skop ta' qligħ.

BY 13 — “Überwachung von antimikrobiellen Rückständen der Milch — Etablierung des neuen Biosensor-Systems MCR3 für Routineuntersuchungen in der Praxis” (Monitoraġġ tar-residwi antimikrobiċi fil-ħalib — it-twaqqif ta' sistema tal-bijosensers MCR3 għall-ittestjar ta' rutina fil-prattika):

(28)

Il-proġett twettaq fis-snin 2010 u 2011. L-ispejjeż eliġibbli jammontaw għal EUR 73 234,58. L-għajnuna ngħatat fl-2010 u oriġinat minn żewġ sorsi: mill-imposta fuq il-ħalib u mill-baġit tal-Istat tal-Bavarja (Cluster Ernährung). L-ammont tal-għajnuna mħallas mill-imposta fuq il-ħalib kien ta' EUR 26 500, u l-ammont ta' għajnuna mħallas minn Cluster Ernährung kien ta' EUR 26 500. B'hekk, l-intensità tal-għajnuna kienet ta' 72,4 %.

(29)

Il-benefiċjarju kien Milchprüfring Bayern e. V., SME (7). Ir-riżultati tar-riċerka ġew ippreżentati f'diversi avvenimenti nazzjonali u internazzjonali kif ukoll f'diversi ġurnali xjentifiċi nazzjonali u internazzjonali (8).

4.   VALUTAZZJONI DWAR L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(30)

Fid-Deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li s-submiżuri kienu jidhru li kellhom il-karatteristiċi kollha ta' għajnuna mill-Istat.

(31)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, fi kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

4.1.   Għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat

(32)

Din l-għajnuna ngħatat b'mod predominanti mill-imposta fuq il-ħalib. Fil-każ tas-submiżura BY13 ingħatat ukoll għajnuna mill-baġit tal-Istat tal-Bavarja.

(33)

Ir-riżorsi finanzjarji li jkunu ġejjin mill-baġit tal-Istat tal-Bavarja jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. Ir-riżorsi finanzjarji li ġejjin mill-imposta fuq il-ħalib ukoll huma kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1)

(34)

Skont il-każistika stabbilita, mhuwiex xieraq li ssir distinzjoni bejn każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn tingħata minn korp pubbliku jew privat maħtur jew stabbilit minn dak l-Istat. Madankollu, biex il-vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huma jridu, l-ewwel nett, jingħataw b'mod dirett jew indirett permezz ta' riżorsi tal-Istat u, it-tieni, ikunu attribwibbli lill-Istat.

(35)

Fir-rigward tal-miżuri deskritti hawn fuq, jidher li l-imposta hija miġbura fuq il-bażi ta' liġi Federali, l-MFG, flimkien mar-regolament tal-Bavarja dwar l-imposta fuq il-ħalib.

(36)

B'mod speċifiku, l-ewwel sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG tipprevedi li l-gvernijiet tal-Länder, li jaġixxu f'konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni tal-Land jew mal-organizzazzjonijiet professjonali, jistgħu jiġbru imposti b'mod konġunt mill-imħaleb, iċ-ċentri ta' ġbir tal-ħalib u l-produtturi tal-kremi biex tiġi promossal-industrija tal-ħalib.

(37)

Skont it-tieni sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG, il-gvernijiet tal-Länder jistgħu, jekk jintalbu jagħmlu dan mill-assoċjazzjoni jew mill-organizzazzjonijiet professjonali, jiġbru flimkien imposti sa 0,2 ċenteżmi għal kull kilogramma ta' ħalib ikkunsinnat. Għaldaqstant, is-sovranità fuq l-imposta hija b'mod ċar tal-gvernijiet tal-Länder.

(38)

Din il-bażi legali għall-ġbir ta' imposta fuq il-ħalib fil-Bavarja hija pprovduta mir-regolament dwar l-imposta fuq il-ħalib li jirregola l-arranġamenti dettaljati, inkluż l-ammont tal-imposta. Bħala konsegwenza ta' dan, il-ġbir ta' imposta fuq il-ħalib huwa rregolat mill-gvern tal-Bavarja, ergo mill-Istat. Dik il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li r-regolament inkwistjoni nħareġ f'konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni tal-Land rispettiva li tirrappreżenta lill-industrija tal-ħalib.

(39)

F'dan il-każ, tinġabar imposta mingħand impriżi privati — imħaleb. Id-dħul minn din l-imposta jidħol fil-baġit tal-Bavarja qabel ma jintuża għall-iffinanzjar tas-submiżuri tar-riċerka. Għalhekk, huwa meqjus bħala li jaqa' taħt il-kontroll pubbliku.

(40)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ffinanzjati mill-imposta fuq il-ħalib huma mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat.

4.2.   Impriżi/Vantaġġ selettiv

(41)

Il-benefiċjarji huma dawn li ġejjin: Technische Universität München (submiżuri BY 2 u BY 12), Milchwirtschaftlicher Verein Allgäu-Schwaben e. V. (submiżura BY 11) u Milchprüfring Bayern e. V. (submiżura BY 13).

(42)

It-Technische Universität München hija organizzazzjoni ta' riċerka pubblika. Fil-każ tas-submiżura BY 2, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża għaliex wettqet attività ekonomika, b'mod partikolari għamlet kuntratt ta' riċerka fil-qasam agrikolu bl-għan li jagħti riżultati prattiċi li għandhom jintużaw għall-produzzjoni tal-ħalib mill-bdiewa tal-ħalib u mill-imħaleb. In-natura ekonomika tal-attività hija enfasizzata mill-fatt li impriżi privati (il-grupp ta' impriżi Theo Miller, ara l-premessa 18) kienu wkoll involuti fil-finanzjament tal-proġett ta' riċerka. Jista' jiġi konkluż li l-organizzazzjoni ta' riċerka għamlet kuntratt ta' riċerka u tat ir-riżultati tar-riċerka lill-impriżi tan-negozju.

(43)

Fil-każ tas-submiżura BY 12, it-Technische Universität München trid titqies bħala li mhix impriża għaliex wettqet attività mhux ekonomika, b'mod partikolari t-twettiq ta' riċerka indipendenti għal aktar għarfien fundamentali fil-qasam mikrobjali. Kif indikat fil-premessa 24, il-Ġermanja ssottomettiet informazzjoni ġdida fuq din is-submiżura li ma ġietx evalwata fid-Deċiżjoni tal-ftuħ. Skont l-informazzjoni ġdida l-proġett ta' riċerka taħt is-submiżura BY 12 għandha x'taqsam ma' riċerka indipendenti, jiġifieri riċerka mikrobjali bażika bl-ebda implimentazzjoni prattika diretta.

(44)

Milchwirtschaftlicher Verein Allgäu-Schwaben e. V. (submiżuri BY 11) u Milchprüfring Bayern e.V. (submiżuri BY 13) huma forom ta' organizzazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-produzzjoni u tal-industrija tal-ħalib fil-Bavarja ta' natura legali privata li jwettqu attivitajiet ekonomiċi u servizzi differenti taħt kuntatt ta' interess għall-produtturi tal-ħalib tal-Bavarja, dawk li jipproċessaw il-ħalib u operaturi tan-negozju oħra fis-settur tal-prodotti tal-ħalib. Fil-kuntest tas-submiżuri BY 11 u BY 13 huma għamlu kuntratt ta' riċerka fil-qasam agrikolu bl-għan li jagħti riżultati prattiċi biex jintużaw għall-produzzjoni tal-ħalib mill-bdiewa tal-ħalib u mill-imħaleb. Fil-Ġermanja, dawn huma kwalifikati bħala SMEs.

(45)

It-tliet benefiċjarji magħżula fil-kapaċità tagħhom bħala impriżi bbenefikaw minn vantaġġ selettiv peress li l-ispejjeż tal-proġetti li jagħmlu parti mill-attività ekonomika tagħhom u li normalment kellhom jitħallsu mill-baġit tagħhom stess ġew koperti b'mezzi li joriġinaw mill-baġit tal-Istat u mill-imposta fuq il-ħalib.

4.3.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(46)

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta' impriża permezz tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat ġeneralment ifixkel il-kompetizzjoni ma' impriżi oħra li jkunu qed jikkompetu magħha u li ma jkunux ibbenefikaw minn din l-għajnuna (9). L-għajnuna għal impriża li topera f'suq miftuħ għall-kummerċ fl-Unjoni hija soġġetta li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (10). Fl-Unjoni, bejn l-2001 u l-2012 kien hemm kummerċ sostanzjali ta' prodotti agrikoli. Pereżempju, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 0401 tan-Nomenklatura Magħquda (ħalib u krema, mhux konċentrati u mingħajr iż-żieda ta' zokkor jew ta' xi materjal ieħor biex jagħmel ħelu) (11) kienu jiswew EUR 1,2 biljun u EUR 957 miljun rispettivament fl-2011 (12).

(47)

Is-submiżuri vvalutati f'din id-Deċiżjoni huma mmirati biex jappoġġaw l-attivitajiet ta' riċerka industrijali permezz ta' kuntratti fis-settur agrikolu, b'mod partikolari fis-settur tal-ħalib. Minħabba l-livell sostanzjali ta' kummerċ ta' prodotti tal-ħalib, jista' għalhekk jiġi preżunt li s-submiżuri inkwistjoni jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(48)

Għaldaqstant, wieħed jista jikkonkludi li s-submiżuri BY2, BY11 u BY13 jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, filwaqt li s-submiżura BY12 ma tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat billi l-benefiċjarju ma wettaqx attività ekonomika.

5.   VALUTAZZJONI TAL-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA

(49)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe pjan biex jagħtu l-għajnuna u ma għandhomx jagħtu din l-għajnuna sakemm il-Kummissjoni tawtorizzaha bħala kompatibbli (obbligazzjoni stand still). Il-Ġermanja ma nnotifikatx is-submiżuri BY2, BY11 u BY13 lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom.

(50)

Is-submiżuri BY2, BY11 u BY13 jikkostitwixxu għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1589. L-ebda mill-kriterji ta' għajnuna eżistenti ma huma ssodisfati. B'mod partikolari, l-għajnuna mhix għajnuna eżistenti fi ħdan it-tifsira tal-punt (b)(i) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1589 minħabba li ddaħħlet fis-seħħ wara d-dħul fis-seħħ tat-TFUE (is-submiżura BY 2 iddaħħlet fis-seħħ fl-2008, is-submiżura BY 11 iddaħħlet fis-seħħ fl-2002 u s-submiżura BY 13 iddaħħlet fis-seħħ fl-2010) u l-perjodu ta' preskrizzjoni ta' 10 snin ma skadiex (il-perjodu ta' preskrizzjoni ġie sospiż fit-28 ta' Novembru 2011, ara l-premessa 152 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ).

(51)

Konsegwentement, billi din l-għajnuna ġdida ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, din hija illegali.

6.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBILITÀ TAS-SUBMIŻURI

(52)

Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi tista' tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(53)

Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali (13), kull għajnuna illegali, jiġifieri għajnuna li tingħata bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE għandha tiġi vvlautata skont ir-regoli applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

(54)

Ġew adottati linji gwida speċifiċi għall-għajnuna għar-riċerka. L-għajnuna li ngħatat bejn t-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2006 għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp (14) (minn hawn' il quddiem: “Qafas Komunitarju 1996”). Kwalunkwe għajnuna mogħtija wara l-1 ta' Jannar 2007 għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (15) (minn issa 'l quddiem: “Qafas Komunitarju 2007–2013”).

(55)

Is-submiżuri BY2, BY11 u BY13 jikkwalifikaw bħala riċerka industrijali kif definit skont it-tieni inċiż tal-Anness I tal-Qafas Komunitarju 1996 u fil-punt 2.2(f) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013 billi dawk is-submiżuri kellhom l-għan ta' titjib sinifikanti u tal-ksib ta' għarfien dwar il-prodotti tal-ħalib u l-proċessi ta' produzzjoni u kellhom implikazzjonijiet prattiċi għas-settur tal-ħalib. Ir-riżultati ta' dawn il-proġetti ta' riċerka setgħu jintużaw direttament mill-impriżi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib fiċ-ċikli tal-produzzjoni tagħhom bl-intenzjoni li jiġu prodotti prodotti tal-ħalib ta' kwalita ogħla. Pereżempju, il-proġett ta' riċerka taħt is-submiżura BY 2 kien relatat ma' żieda fil-kontenut tal-proteini tal-ħalib u kien hemm impriżi privati direttament involuti f'dan il-proġett; il-proġett ta' riċerka taħt is-submiżura BY 11 kellu x'jaqsam ma' analiżi moderna tal-kwalità tal-ħalib u l-proġett ta' riċerka taħt is-submiżura BY 13 kellu x'jaqsam mal-istabbiliment tas-sistema ta' bijosensers ġdida għall-ittestjar ta' rutina fil-prattika.

(56)

Il-kompatibbilità tal-ispejjeż eliġibbli diġà ġiet ivvalutata b'mod pożittiv fid-Deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessi 203 u 209 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ). Għalhekk, l-intensità tal-għajnuna għandha tiġi vvalutata (ara l-premessi 204, 205, 210 u 211 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ) (ara l-premessa 5 ta' din id-deċiżjoni).

Submiżura BY 2

(57)

Is-submiżura BY 2 għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-Qafas Komunitarju 2007-2013 billi l-għajnuna ngħatat għall-perjodu 2008-2012.

(58)

Skont il-punt 5.1.2(b) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013, hija permessa intensità ta' għajnuna sa' 50 % għar-riċerka industrijali. L-intensità tal-għajnuna għas-submiżura BY 2 kienet ta' 25 % (ara l-premessa 19 ta' din id-Deċiżjoni) u b'hekk fi ħdan il-limitu legali permess.

(59)

Jista' għalhekk jiġi konkluż li s-submiżura BY 2 hija kompatibbli mas-suq intern billi tħarset l-intensità tal-għajnuna speċifikata fil-punt 5.1.2(b) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013.

Submiżura BY 11

(60)

Billi s-submiżura BY 11 ingħatat bejn is-sena 2002 u s-sena 2011, din l-għajnuna għandha tiġi vvalutata fid-dawl taż-żewġ linji gwida għall-għajnuna għar-riċerka: il-Qafas Komunitarju tal-1996 għall-perjodu ta' implimentazzjoni mit-28 ta' Novembru 2001 sal-31 ta' Diċembru 2006 u l-Qafas Komunitarju 2007-2013 għall-perjodu ta' implimentazzjoni mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2011.

(61)

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni mit-28 ta' Novembru 2001 sal-31 ta' Diċembru 2006 l-intensità tal-għajnuna permessa għar-riċerka industrijali kienet ta' 50 % (il-punt 5.3 tal-Qafas Komunitarju tal-1996). 10 punti perċentwali addizzjonali ġew permessi meta l-għajnuna ġiet mogħtija lil SME (il-punt 5.10.1 tal-Qafas Komunitarju tal-1996). Żieda oħra ta' 10 punti perċentwali kienet permessa fejn ir-riżultati tal-proġett ġew imxerrda b'mod estensiv u ppubblikati (il-punt 5.10.4(c) tal-Qafas Komunitarju tal-1996). L-għajnuna mogħtija taħt is-submiżura BY 11 tikkonforma mar-regoli tal-intensità tal-għajnuna billi din l-għajnuna ġiet mogħtija lill-SMEs u r-riżultati kienu ppreżentati f'avvenimenti u pubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u nazzjonali differenti u ammontaw għal inqas minn 70 % tal-ispejjeż eliġibbli (ara l-premessa 22 u t-Tabella 2 ta' din id-Deċiżjoni).

(62)

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2011 l-intensità tal-għajnuna permessa għar-riċerka industrijali kienet ta' 50 % (punt 5.1.2(b) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013). 10 punti perċentwali addizzjonali ġew permessi meta ngħatat l-għajnuna lil SME (il-punt 5.1.3(a) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013). Żieda oħra ta' 15-il punt perċentwali, sa massimu ta' intensità ta' għajnuna ta' 80 % ġiet permessa fejn ir-riżultati tal-proġett ġew imxerrda b'mod estensiv u ppubblikati (il-punt 5.1.3(c) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013). L-għajnuna mogħtija taħt is-submiżura BY 11 tikkonforma ma' dawk ir-regoli tal-intensità tal-għajnuna billi dik l-għajnuna ġiet mogħtija lill-SMEs u r-riżultati kienu ppreżentati f'avvenimenti u pubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u nazzjonali differenti u ammontaw għal inqas minn 75 % tal-ispejjeż eliġibbli (ara l-premessa 21 u tabella 3 ta' din id-Deċiżjoni).

(63)

Il-benefiċjarju, Verein Milchwirtschaftlicher Allgäu-Schwaben e. V, jikkwalifika bħala SME billi l-għadd ta' impjegati u l-fatturat annwali tiegħu huma taħt il-limiti stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (16) (ara l-premessa 23). Il-lista ta' avvenimenti u ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u nazzjonali differenti msemmija fl-istess premessa ssemmi madwar 38 konferenzi pubbliċi u 29 pubblikazzjoni.

Submiżura BY13

(64)

Is-submiżura BY 13 għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-Qafas tal-Komunità 2007-2013 minħabba li l-għajnuna ngħatat fl-2010.

(65)

Din l-intensità tal-għajnuna permessa għar-riċerka industrijali kienet ta' 50 % (il-punt 5.1.2(b) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013). 10 punti perċentwali addizzjonali ġew permessi meta ngħatat l-għajnuna lil SME (il-punt 5.1.3(a) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013). Żieda oħra ta' 15-il punt perċentwali, sa massimu ta' intensità ta' għajnuna ta' 80 % ġiet permessa fejn ir-riżultati tal-proġett ġew imxerrda b'mod estensiv u ppubblikati (il-punt 5.1.3(c) tal-Qafas Komunitarju 2007-2013). L-għajnuna mogħtija taħt is-submiżura BY 13 tikkonforma mar-regoli tal-intensità tal-għajnuna billi din l-għajnuna ġiet mogħtija lill-SMEs u r-riżultati kienu ppreżentati f'avvenimenti u pubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u nazzjonali differenti u ammontaw għal inqas minn 75 % tal-ispejjeż eliġibbli (ara l-premessi 26 u 27 ta' din id-Deċiżjoni).

(66)

Il-benefiċjarju, Milchprüfring Bayern e. V, jikkwalifika bħala SME billi l-għadd ta' impjegati u l-fatturat annwali tiegħu huma taħt il-limiti stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (17) (ara l-premessa 29). Il-lista ta' avvenimenti u ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u nazzjonali differenti msemmija fl-istess premessa ssemmi madwar 12 konferenzi pubbliċi u 12 pubblikazzjoni.

Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tas-submiżuri ta' għajnuna

(67)

Jista' jiġi konkluż għalhekk li s-submiżuri BY 2, BY 11 u BY 13 huma kompatibbli mas-suq intern.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-submiżura BY12 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat mogħtija b'mod illegali mill-Ġermanja għall-perjodu ta' bejn it-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2012 għas-submiżuri BY2, BY11 u BY13 bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 7, 10.1.2014, p. 8.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(3)  C(2013) 4457 final, korretta permezz ta' ittra ddatata s-16 ta' Diċembru 2013 (C(2013) 9021 final).

(4)  Ara r-referenza fin-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(5)  Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Ġermanja, il-kumpanija benefiċjarja fl-2011 impjegat 154 impjegat u kellha fatturat annwali ta' EUR 9,05 miljun.

(6)  Il-lista bil-pubblikazzjonijiet mibgħuta mill-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Bavarja hija rreġistrata mal-Kummissjoni taħt Ref. Ares(2016)503557 — it-22 ta' Settembru 2016.

(7)  Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Ġermanja, fl-2011 il-kumpanija benefiċjarja impjegat 158 impjegat u kellha fatturat ta' EUR 14,6 miljun.

(8)  Il-lista bil-pubblikazzjonijiet mibgħuta mill-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Bavarja hija rreġistrata mal-Kummissjoni taħt Ref. Ares(2016)503557 — it- 22 ta' Settembru 2016.

(9)  Is-Sentenza tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris Holland BV vs Il-Kummissjoni, 730/79, EU:C:1980:209, il-paragrafi 11 u 12.

(10)  Ara, b'mod partikolari, is-Sentenza tat-13 ta' Lulju 1988, Ir-Repubblika ta' Franza vs Il-Kummissjoni, 102/87, EU:C:1988:391.

(11)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta' Ottubru 2012 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 304, 31.10.2012, p. 1).

(12)  Sors: l-Eurostat

(13)  L-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat li ma tkunx skont il-liġi Għajnuna mill-Istat (ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22).

(14)  Il-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, (ĠU C 45, 17.2.1996, p. 5).

(15)  Il-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, (ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1).

(16)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(17)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.