|
13.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 149/91 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/996
tad-9 ta' Ġunju 2017
li tistabbilixxi l-Laboratorju Ewropew għall-Ġbir u għall-Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ECCSEL ERIC)
(notifikata bid-dokument C(2017) 3875)
(It-testi bil-Franċiż, bl-Ingliż, bl-Olandiz u bit-Taljan biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Franza, l-Italja, in-Netherlands, in-Norveġja u r-Renju Unit talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-Laboratorju Ewropew għall-Ġbir u għall-Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ECCSEL ERIC). Huma qablu li n-Norveġja tkun l-Istat Membru ospitanti tal-ECCSEL ERIC. |
|
(2) |
Mid-29 ta' Marzu 2017, meta r-Renju Unit nnotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dan il-perjodu. Minħabba f'hekk, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tapplika biss sakemm ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2). |
|
(4) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Ġie stabbilit il-Laboratorju Ewropew għall-Ġbir u għall-Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka msejjaħ “ECCSEL ERIC”.
2. L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Renju tan-Norveġja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Carlos MOEDAS
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta' Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).
ANNESS
ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-ECCSEL ERIC
[L-Artikoli u l-paragrafi li ġejjin tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009]
1. Il-Kompiti u l-Attivitajiet
(l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
L-ECCSEL ERIC għandu jistabbilixxi u jopera infrastruttura tar-riċerka distribwita tal-ogħla kwalità li għandha tiġi stabbilita bħala hub ċentrali responsabbli għall-operat koordinat ta' diversi faċilitajiet li joperaw taħt kappa konġunta, ECCSEL ERIC.
|
|
2. |
L-ECCSEL ERIC għandu jqiegħed il-faċilitajiet meħtieġa għat-twettiq tar-riċerka f'oqsma ta' prijorità disponibbli għall-komunità internazzjonali tar-riċerka. Billi jagħmel dan, l-ECCSEL ERIC se jikkontribwixxi sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp teknoloġiku lil hinn mill-ogħla livell ta' żvilupp tekniku attwali, u b'hekk jaċċellera l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tas-CCS. Għal dan l-impenn, l-ECCSEL ERIC għandu jindirizza u jkattar azzjonijiet ta' riċerka tal-ogħla livell fost ix-xjenzjati fi ħdan il-qasam tas-CCS u f'konformità mal-prijoritajiet tal-ECCSEL ERIC. L-ECCSEL ERIC se jistabbilixxi inventarju avvanzat ħafna ta' faċilitajiet uniċi tar-riċerka u jagħti lill-komunità Ewropea tas-CCS (primarjament) u lil komunitajiet mhux Ewropej tas-CCS aċċess għal dawn ir-riżorsi. |
|
3. |
L-ECCSEL ERIC għandu jinbena u jiġi operat fuq bażi mhux ekonomika; |
|
4. |
Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ewlieni stabbilit fl-Artikolu 2(3), l-ECCSEL ERIC jista' jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati bil-kundizzjoni li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompiti ewlenin tal-ECCSEL ERIC u ma jipperikolawx il-kisba tagħhom. |
2. L-isem, is-sede, il-post u l-lingwa operattiva
(l-Artikolu 1 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
Għandu jkun hemm Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka distribwit imsejjaħ il-“Laboratorju Ewropew għall-Ġbir u għall-Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka”, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ECCSEL ERIC”. |
|
2. |
L-ECCSEL ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu fi Trondheim, fin-Norveġja. |
3. Id-durata
(l-Artikolu 21 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
L-ECCSEL ERIC għandu jitwaqqaf għal perjodu ta' żmien indefinit.
4. L-istralċ
(l-Artikolu 23 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
L-Assemblea Ġenerali tista' tiddeċiedi li tiftaħ proċedimenti ta' stralċ għall-ECCSEL ERIC b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti. |
|
2. |
Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi stralċat l-ECCSEL ERIC, l-ECCSEL ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni. |
|
3. |
L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tal-ECCSEL ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri b'mod proporzjonat għat-tariffa annwali akkumulata tagħhom lill-ECCSEL ERIC kif speċifikat fl-Anness II tal-Istatuti. |
|
4. |
Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta' stralċ, l-ECCSEL ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan. |
|
5. |
L-ECCSEL ERIC jieqaf jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
5. Ir-responsabbiltà
(l-Artikolu 13 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
L-ECCSEL ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. |
|
2. |
Il-Membri m'għandhomx ikunu responsabbli b'mod konġunt għad-djun tal-ECCSEL ERIC. Ir-responsabbiltà tal-Membri għad-djun tal-ECCSEL ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom. |
|
3. |
L-ECCSEL ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u għall-operat tal-ECCSEL ERIC. |
6. Il-Politika dwar l-Aċċess
(l-Artikolu 18 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
Parti sostanzjali miż-żmien għar-riċerka disponibbli għal kull faċilità nazzjonali li tieħu sehem fl-infrastruttura tal-ECCSEL għandha tiġi offruta lill-komunità tar-riċerka internazzjonali. L-Assemblea Ġenerali għandha tirriżerva sehem miż-żmien tal-aċċess disponibbli għar-riċerkaturi minn stati li mhumiex Membri tal-ECCSEL ERIC. |
|
2. |
L-ECCSEL ERIC u s-sidien tal-faċilitajiet tar-riċerka għandhom jidħlu fi ftehimiet individwali relatati ma' kemm ikun kbir is-sehem taż-żmien għar-riċerka disponibbli li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-komunità internazzjonali tar-riċerka u l-kundizzjonijiet għall-aċċess. |
|
3. |
L-aċċess għall-faċilitajiet tal-ECCSEL ERIC għandu jkun miftuħ għar-riċerkaturi, għax-xjenzjati u għall-istudenti. L-għoti tal-aċċess għandu jkun ibbażat fuq il-kompetizzjoni u fuq l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-applikazzjonijiet wara proċedura ġusta u trasparenti. Il-kriterji għall-kompetizzjoni għandhom ikunu l-eċċellenza xjentifika u l-importanza b'rabta mal-istrateġiji tal-ECCSEL ERIC, skont kif tiddeċiedi l-Assemblea Ġenerali. |
|
4. |
L-utenti għandhom iġarrbu l-ispejjeż kollha tal-aċċess u l-ispejjeż kollha relatati mal-materjali inklużi l-kampjuni u t-tagħmir li jappartjenu għat-tali utenti. L-ispejjeż tal-aċċess għandhom ikunu bbażati fuq rati li japplikaw għal kull Faċilità tal-ECCSEL ERIC. |
|
5. |
L-ECCSEL ERIC jista' jistabbilixxi sistema għall-awtentifikazzjoni u għall-awtorizzazzjoni li tiżgura li jkunu biss persuni li huma intitolati jaċċessaw faċilità li jitħallew jidħlu u jużawha. L-ECCSEL ERIC jista' jiddeċiedi li l-Membri u l-Osservaturi jeħtiġilhom jaderixxu ma' tali sistema biex ir-riċerkaturi jingħataw aċċess. |
|
6. |
Politika dwar l-Aċċess dettaljata applikabbli għall-utenti, approvata mill-Assemblea Ġenerali, għandha tkun disponibbli pubblikament. |
7. Il-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Infrastruttura tar-Riċerka, il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u l-Bord Konsultattiv għall-Etika u għall-Ambjent
(l-Artikolu 11 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku
|
(a) |
L-Assemblea Ġenerali għandha taħtar Bord Konsultattiv Xjentifiku indipendenti fformat minn massimu ta' sitt xjenzjati eminenti, indipendenti u tal-esperjenza ġejjin minn pajjiżi minn madwar id-dinja. Il-ħatra tal-membri tal-Bord għandha tkun ibbażata fuq proposti mid-Direttur, li għandu jfittex li jieħu pariri mingħand il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u mingħand il-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Infrastruttura tar-Riċerka. Il-mandat tal-membri tal-Bord hu ta' tliet snin. Hu possibbli li jerġgħu jinħatru għal darb' oħra biss. Id-delegati għall-Assemblea Ġenerali ma jistgħux jinħatru għal dan il-Bord. |
|
(b) |
Id-Direttur għandu jikkonsulta mal-Bord Konsultattiv Xjentifiku tal-inqas darba fis-sena fuq il-kwalità xjentifika tas-servizzi offruti mill-ECCSEL ERIC, dwar il-politiki xjentifiċi, il-proċeduri u l-pjanijiet futuri tal-organizzazzjoni. |
|
(c) |
Darba fis-sena l-Bord Konsultattiv Xjentifiku għandu jissottometti rapport bil-miktub lill-Assemblea Ġenerali, permezz tad-Direttur, dwar l-attivitajiet tiegħu. Id-Direttur għandu jissottometti r-rapport lill-Assemblea Ġenerali flimkien mal-kummenti u mar-rakkomandazzjonijiet possibbli tad-Direttur. |
8. Il-Politika dwar it-Tixrid
(l-Artikolu 19 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
Għandu jkun hemm aċċess miftuħ għar-riżultati u għad-data tar-riċerka tal-ECCSEL ERIC f'konformità mal-politika dwar it-tixrid adottata mill-Assemblea Ġenerali. Ir-riżultati u d-data tar-riċerka għandhom jingħataw lill-partijiet interessati mingħajr il-ħlas ta' spejjeż oħra minbarra dawk assoċjati mat-tixrid. Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, “riżultati u data tar-riċerka tal-ECCSEL ERIC” għandha tfisser riżultati u data tar-riċerka fil-qasam tal-ġbir u tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju ġġenerati mis-sidien tal-faċilitajiet li jieħdu sehem fl-infrastruttura tal-ECCSEL ERIC. |
|
2. |
L-ECCSEL ERIC għandu jxerred b'mod attiv ir-riżultati fir-riċerka tal-ECCSEL ERIC lis-soċjetà b'tali mod li dawn ikunu jistgħu jaqdu rwol attiv fl-iżvilupp ta' politiki u fil-kontroll tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. |
|
3. |
L-ECCSEL ERIC għandu jippromwovi l-kooperazzjoni tal-ECCSEL ERIC u r-riżultati tal-istess kooperazzjoni, iħeġġeġ lir-riċerkaturi jidħlu għal proġetti ġodda u innovattivi u, kif xieraq, iħeġġeġ lir-riċerkaturi jużaw ir-riżultati tal-ECCSEL ERIC fl-edukazzjoni għolja. |
|
4. |
L-ECCSEL ERIC għandu jħeġġeġ b'mod ġenerali lill-utenti tar-riżultati tar-riċerka tal-ECCSEL ERIC biex ipoġġu r-riżultati tar-riċerka tagħhom stess għad-dispożizzjoni b'mod pubbliku u għandu jitlob lill-utenti jagħmlu pubbliċità xierqa dwar l-aċċess li ngħatalhom fi ħdan l-ECCSEL ERIC. |
|
5. |
Il-politika dwar it-tixrid għandha tiddeskrivi d-diversi gruppi fil-mira, u għandha tuża diversi kanali biex tilħaq lill-udjenzi fil-mira. Fil-pubblikazzjonijiet kollha li jikkonċernaw ir-riżultati u l-għarfien iġġenerati minn jew fi ħdan il-kooperazzjoni tal-ECCSEL ERIC, l-ECCSEL ERIC għandu jiġi rikonoxxut kif xieraq. |
9. Il-Politika dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali
(l-Artikolu 20 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
F'konformità mal-objettivi tal-Istatuti preżenti, it-terminu “Proprjetà Intellettwali” għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) iffirmata fl-14 ta' Lulju 1967. |
|
2. |
Fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-Proprjetà Intellettwali, ir-relazzjonijiet bejn il-Membri għandhom jiġu rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiżi Membri, kif ukoll mir-regoli u mir-regolamenti internazzjonali rilevanti. |
|
3. |
Il-proprjetà intellettwali li l-Membri jipprovdu lill-ECCSEL ERIC għandha tibqa' l-proprjetà tad-detentur oriġinali tal-Proprjetà Intellettwali. Jekk it-tali proprjetà toriġina minn xogħol iffinanzjat mill-ECCSEL ERIC (kontribuzzjoni diretta jew in natura), il-proprjetà intellettwali għandha tappartjeni għall-ECCSEL ERIC, sakemm ma jkunx ġie miftiehem li l-proprjetà għandha tappartjeni għall-Membru li ħoloqha. Il-valur ekonomiku possibbli tal-aċċess ogħla mit-tariffa mħallsa m'għandux jitqies bħala finanzjament mill-ECCSEL ERIC ta' proġett. |
|
4. |
L-ECCSEL ERIC għandha tiżgura li l-utenti jaqblu mal-patti u mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għar-riżultati u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tar-riżultati u li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa dwar is-sigurtà fir-rigward tal-ħżin u l-immaniġġjar tad-drittijiet u tar-riżultati. |
|
5. |
L-ECCSEL ERIC għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti għall-investigazzjoni ta' allegazzjonijiet ta' ksur tas-sigurtà u ta' divulgazzjonijiet tal-kunfidenzjalità fir-rigward tad-data u tal-informazzjoni tar-riċerka. |
|
6. |
L-ECCSEL ERIC għandu jipprovdi gwida lir-riċerkaturi biex jiżgura li r-riċerka mwettqa bl-użu ta' materjal magħmul aċċessibbli permezz tal-ECCSEL ERIC issir fi ħdan qafas li jirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien. |
|
7. |
Politika dettaljata dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali, approvata mill-Assemblea Ġenerali, għandha tkun maqbula b'mod separat mill-partijiet li joperaw il-faċilitajiet li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-ECCSEL ERIC. |
10. L-impjiegi
(l-Artikolu 17 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
L-ECCSEL ERIC għandu jkun impjegatur li jħaddan politika ta' opportunitajiet indaqs. Il-proċeduri għall-għażla tal-applikanti għall-karigi tal-persunal tal-ECCSEL ERIC għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u jirrispettaw l-ugwaljanza. |
|
2. |
Il-kuntratti ta' impjieg għandhom ikunu soġġetti għad-drittijiet u għar-regolamenti applikabbli tal-pajjiż li fih ikun impjegat il-persunal jew għad-drittijiet tal-pajjiż fejn jitwettqu l-attivitajiet tal-ECCSEL ERIC. Il-postijiet vakanti tal-ECCSEL ERIC għandhom jiġu ppubblikati b'mod internazzjonali kif xieraq. |
|
3. |
Soġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull Membru fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu għandu jiffaċilita l-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-Membri involuti fil-kompiti tal-ECCSEL ERIC kif ukoll tal-membri tal-familja ta' dawn iċ-ċittadini. |
11. Il-politika dwar l-akkwist u l-eżenzjoni mit-taxxa
(l-Artikolu 16 tal-Istatuti tal-ECCSEL ERIC)
|
1. |
L-ECCSEL ERIC għandu jitratta lill-kandidati u lill-offerenti għall-akkwist b'mod ugwali u mhux diskriminatorju, indipendentament minn jekk humiex ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika dwar l-akkwist tal-ECCSEL ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni. |
|
2. |
Id-Direttur għandu jkun responsabbli għal kull akkwist li jsir mill-ECCSEL ERIC. Id-deċiżjoni li tagħti d-dritt tal-akkwist għandha tiġi ppubblikata kif xieraq u għandha tinkludi ġustifikazzjoni sħiħa. L-Assemblea Ġenerali għandha tadotta Regoli ta' Implimentazzjoni li jiddefinixxu d-dettalji kollha neċessarji dwar il-proċeduri u l-kriterji eżatti tal-akkwist. |
|
3. |
L-akkwist minn Membri u minn Osservaturi li jikkonċerna l-attivitajiet tal-ECCSEL ERIC għandu jsir b'tali mod li tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-ħtiġijiet, lir-rekwiżiti tekniċi u lill-ispeċifikazzjonijiet tal-ECCSEL ERIC maħruġa mill-korpi rilevanti. |