9.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/133


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/971

tat-8 ta' Ġunju 2017

li tiddetermina l-arranġamenti għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE fil-qafas tal-PSDK missjonijiet u li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja, 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) u (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta' taħriġ militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Kunsill iddetermina li huwa neċessarju li l-ippjanar u t-tmexxija tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE jissaħħu.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta' Marzu 2017, il-Kunsill qabel li jistabbilixxi, bħala objettiv fuq perijodu qasir, Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) fi ħdan l-Istat Maġġur tal-UE (EUMS) fi Brussell, li ser tkun responsabbli fil-livell strateġiku għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi, u li topera taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS).

(3)

L-MPCC maħluqa reċentement ser taħdem b'mod parallel u koordinat mal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija, b'mod partikolari permezz ta' Ċellola Konġunta ta' Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta' Marzu 2017, il-Kunsill iddeċieda li d-Direttur Ġenerali tal-EUMS ser ikun id-Direttur tal-MPCC u, f'dik il-kariga, ser jassumi l-funzjonijiet ta' kmandant tal-missjonijiet għall-missjonijiet militari mhux eżekuttivi, inkluż it-tliet Missjonijiet ta' Taħriġ tal-UE (EUTMs) stazzjonati fis-Somalja, fil-Mali u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, f'konformità mat-Termini ta' Referenza għad-Direttur tal-MPCC.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta' Marzu 2017, il-Kunsill qabel ukoll li l-proposti dwar il-prospettiva u s-superviżjoni strateġiċi li permezz tagħhom il-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) u l-KPS ikunu jistgħu jiġu appoġġati b'mod effettiv, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward ta' missjonijiet militari mhux eżekuttivi, permezz tal-istrutturi rilevanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għall-maniġġar ta' kriżijiet, inkluż permezz ta' interazzjoni u koordinazzjoni sistematiċi bejn il-kmandant tal-missjonijiet u dawk l-istrutturi fil-livell politiku strateġiku, mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand.

(6)

Fit-8 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill approva t-Termini ta' Referenza konsolidati tal-EUMS, inkluż l-MPCC. Dawk it-Termini ta' Referenza jirrispettaw l-elementi speċifiċi tal-EUMS u l-partikolaritajiet tal-funzjonijiet tiegħu, f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (1) li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE, kif adattati għall-arranġamenti l-ġodda ta' kmand u ta' kontroll approvati mill-Kunsill, u jissostitwixxu t-Termini ta' Referenza tal-EUMS annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK (2) fuq l-istabbiliment tal-Istaff Militari tal-Unjoni Ewropea, li ma għadhomx japplikaw; Għalhekk, l-MPCC ser twettaq il-kompiti assenjati lilha fit-Termini ta' Referenza konsolidati l-ġodda.

(7)

Saru t-tħejjijiet neċessarji biex l-MPCC tassumi r-responsabbiltajiet tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-EUTMs stazzjonati fis-Somalja, fil-Mali u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi u jemenda l-linja ta' kmand ta' dawk it-tliet missjonijiet.

(9)

Jenħtieġ li d-Direttur tal-MPCC jeżerċita r-responsabbiltajiet tal-kmandant tal-operazzjoni taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (3) li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena).

(10)

Jenħtieġ li l-Kmandanti tal-Forza tal-Missjoni tal-EUTMs, fejn applikabbli, ikunu assoċjati mar-rakkomandazzjonijiet tal-kmandant tal-missjonijiet għall-KPS fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' Stati terzi.

(11)

Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, jenħtieġ li l-Kmandanti tal-Forza tal-Missjoni tal-UE jirċievu gwida politika lokali mir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, fejn applikabbli, u minn delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni fir-reġjun.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tiħux sehem fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ir-responsabbiltà għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE fil-livell strateġiku militari għandha tiġi assenjata lid-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC).

2.   Fil-livell operazzjonali fiż-żona tal-operazzjonijiet, il-missjonijiet militari mhux eżekuttivi għandhom, meta jkunu stabbiliti, jitmexxew minn Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE, li għandu jaġixxi taħt il-kmand tad-Direttur tal-MPCC fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' kmandant tal-missjonijiet.

3.   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' kmandant tal-missjonijiet għall-missjonijiet militari mhux eżekuttivi, id-Direttur tal-MPCC għandu jaġixxi taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat.

Artikolu 2

1.   B'mod allinjat ma' prinċipji tal-UE maqbula rigward il-kmand u l-kontroll, u f'konformitá mat-Termini ta' Referenza riveduti tal-EUMS, il-MPCC għandha tappoġġa lid-Direttur tal-MPCC fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala kmandant tal-missjonijiet, bħala l-istruttura statika ta' kmand u kontroll barra miż-żona fil-livell strateġiku militari li hija responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi, inkluż il-bini, it-tnedija, is-sostenn u l-irkupru ta' forzi tal-Unjoni.

2   Fiż-żona tal-operazzjonijiet, meta tiġi stabbilita missjoni, Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni għandhom jassistu lill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.

Artikolu 3

Id-Direttur tal-MPCC, meta jassumi l-funzjonijiet ta' kmandant tal-missjonijiet, għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet tal-kmandant tal-operazzjoni taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK (4) hija emendata kif ġej:

(1)

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jkun il-kmandant tal-missjoni EUTM Somalia.

2.   Il-Brigadier Ġeneral Maurizio Morena huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE EUTM Somalia.”.

(2)

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-MPCC għandha tkun l-istruttura statika ta' kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari barra miż-Żona tal-Operazzjonijiet, li hija responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali ta' EUTM Somalia.

2.   Il-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni ta' EUTM Somalia għandhom ikunu f'Mogadishu u għandhom joperaw taħt il-kmand tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE. Għandhom jinkludu uffiċċju ta' kollegament f'Nairobi.

3.   Fl-MPCC għandha tiġi inkluża ċellola ta' appoġġ, li tkun tinsab fi Brussell, tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni sakemm l-MPCC tilħaq kapaċità operazzjonali sħiħa.”.

(3)

Fl-Artikolu 5(1), fl-aħħar tar-raba' sentenza, il-kliem “il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE” għandhom jiġu sostitwiti bi:

“il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(4)

Fl-Artikolu 5(3), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu fit-tieni sentenza qabel il-kliem “għal-laqgħat tiegħu”:

“u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(5)

Fl-Artikolu 6(2), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu fit-tieni sentenza qabel il-kliem “għal-laqgħat tiegħu”:

“u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(6)

L-Artikolu 7(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għandu jirċievi gwida politika lokali mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika kkoordinata ma' delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni fir-reġjun.”.

(7)

Fl-Artikolu 8(2), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu qabel il-kliem “u l-EUMC”:

“f'konsultazzjoni mal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE,”.

(8)

Fl-Artikolu 11(5), il-kliem li ġejjin huma miżjuda fl-aħħar tas-sentenza:

“u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.”.

(9)

Fl-Artikolu 13(2), il-kliem “Kmandant tal-Missjoni tal-UE” huma sostitwiti bi:

“il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK (5) hija emendata kif ġej:

(1)

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jkun il-kmandant tal-missjoni EUTM Mali.

2.   Il-Brigadier Ġeneral Peter Devogelaere huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-Missjoni EUTM Mali.”.

(2)

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-MPCC għandha tkun l-istruttura statika ta' kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari barra miż-Żona tal-Operazzjonijiet, li hija responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali ta' EUTM Mali.

2.   Il-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni EUTM Mali għandhom ikunu fil-Mali u għandhom joperaw taħt il-kmand tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.

3   Fl-MPCC għandha tiġi inkluża ċellola ta' appoġġ, li tkun tinsab fi Brussell, tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni sakemm l-MPCC tilħaq kapaċità operazzjonali sħiħa.”.

(3)

Fl-Artikolu 5(1), fl-aħħar tar-raba' sentenza, il-kliem “Kmandanti tal-Missjoni tal-UE” huma sostitwiti bi:

“Kmandanti tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(4)

Fl-Artikolu 5(3), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu fit-tieni sentenza qabel il-kliem “għal-laqgħat tiegħu”:

“u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(5)

Fl-Artikolu 6(2), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu fit-tieni sentenza qabel il-kliem “għal-laqgħat tiegħu”:

“u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(6)

L-Artikolu 7(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għandu jirċievi gwida politika lokali mir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel ikkoordinata mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f'Bamako.”.

(7)

Fl-Artikolu 8(2), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu qabel il-kliem “u l-EUMC”:

“f'konsultazzjoni mal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE,”.

(8)

Fl-Artikolu 11(5), il-kliem li ġejjin huma miżjuda fl-aħħar tas-sentenza:

“u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 (6) hija emendata kif ġej:

(1)

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jkun il-kmandant tal-missjoni EUTM RCA.

2.   Il-Brigadier Ġeneral Herman Ruys huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-Missjoni EUTM RCA.”.

(2)

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-MPCC għandha tkun l-istruttura statika ta' kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari barra miż-Żona tal-Operazzjonijiet, li hija responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali ta' EUTM RCA.

2.   Il-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni EUTM RCA għandhom ikunu f'Bangui u għandhom joperaw taħt il-kmand tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni.

3.   Fl-MPCC għandha tiġi inkluża ċellola ta' appoġġ, li tkun tinsab fi Brussell, tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni sakemm l-MPCC tilħaq kapaċità operazzjonali sħiħa.”.

(3)

Fl-Artikolu 5(1), ir-raba' sentenza, il-kliem “il-Kmandanti tal-Missjoni tal-UE” huma sostitwiti b'dan li ġej:

“il-Kmandanti tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(4)

Fl-Artikolu 5(3), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu fit-tieni sentenza qabel il-kliem “għal-laqgħat tiegħu”:

“u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(5)

Fl-Artikolu 6(2), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu fit-tieni sentenza qabel il-kliem “għal-laqgħat tiegħu”:

“u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(6)

L-Artikolu 7(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għandu jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.”.

(7)

Fl-Artikolu 7(4), il-kliem “Kmandant tal-Missjoni tal-UE” huma sostitwiti bi:

“Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE”.

(8)

Fl-Artikolu 8(2), il-kliem li ġejjin jiddaħħlu qabel il-kliem “u l-EUMC”:

“f'konsultazzjoni mal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE,”.

(9)

Fl-Artikolu 12(5), il-kliem li ġejjin huma miżjuda fl-aħħar tas-sentenza:

“u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.”.

Artikolu 7

Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/396 (7), (PESK) 2016/2352 (8) u (PESK) 2017/112 (9) huma b'dan imħassra.

Artikolu 8

Il-Kunsill għandu jirrieżamina, fuq il-bażi ta' rapport mir-RGħ, l-istabbiliment tal-MPCC u taċ-Ċellola Konġunta ta' Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, sena wara li jkunu kompletament operazzjonali, u fi kwalunkwe każ sal-aħħar tal-2018.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

U. REINSALU


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK tat-22 ta' Jannar 2001 fuq l-istabbiliment tal-Istaff Militari tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta' Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas- Somalja (ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (ĠU L 14, 18.1.2013, p. 19).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta' April 2016 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/396 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar il-ħatra ta' Kmandant tal-Missjoni tal-UE għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/173 (EUTM Somalia/1/2016) (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 99).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/2352 tas-7 ta' Diċembru 2016 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2016/939 (EUTM Mali/2/2016) (ĠU L 348, 21.12.2016, p. 25).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2017/112 tal-10 ta' Jannar 2017 li taħtar il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għall-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (EUTM RCA/1/2017) (ĠU L 18, 24.1.2017, p. 47).