2.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/938

tat-23 ta' Settembru 2013

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-merkurju u l-komposti tiegħu huma tossiċi ħafna għas-saħħa tal-bnedmin u dik tal-annimali u tal-pjanti. Fl-Unjoni, il-merkurju u l-komposti tiegħu huma suġġetti għal regolamentazzjoni maħsuba biex jipproteġu s-saħħa tal-bnedmin u l-ambjent.

(2)

Fl-2009, il-Kunsill Amministrattiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) talab lid-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP ilaqqa' kumitat intergovernattiv ta' nnegozjar li ngħata l-mandat jipprepara strument globali legalment vinkolanti dwar il-merkurju, bil-għan li jlesti xogħlu qabel ma ssir is-27 sessjoni regolari tal-Kunsill Amministrattiv fl-2013.

(3)

F'Diċembru 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f'isem l-Unjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jkunu fl-ambitu tal-Unjoni u li l-Unjoni tkun adottat regoli għalihom, fin-negozjati dwar strument globali legalment vinkolanti dwar il-merkurju, skont id-direttivi ta' nnegozjar stabbiliti fl-Addendum għal dik l-awtorizzazzjoni.

(4)

Il-proċess ta' nnegozjar tlesta kif suppost, waqt il-ħames sessjoni tal-kumitat intergovernattiv ta' nnegozjar li saret f'Ġinevra bejn it-13 u t-18 ta' Jannar 2013.

(5)

L-Unjoni kellha rwol importanti fin-negozjati u pparteċipat b'mod attiv għar-riżultat, li huwa fil-limiti tad-direttivi ta' nnegozjar mogħtija lill-Kummissjoni.

(6)

Il-Kunsill, fit-3233 sessjoni tiegħu, li saret fil-21 ta' Marzu 2013, laqa' tajjeb l-eżitu tal-proċess ta' nnegozjar.

(7)

L-istrument globali u legalment vinkolanti dwar il-merkurju se jinfetaħ għall-iffirmar waqt Konferenza Diplomatika li għandha ssir f'Kumamoto (fil-Ġappun) bejn is-7 u l-11 ta' Ottubru 2013, li se tissejjaħ il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju.

(8)

Għalhekk, il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju għandha tiġi ffirmata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni msemmija. (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar lill-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Konvenzjoni f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħha.