31.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/7


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/925

tad-29 ta' Mejju 2017

li temporanjament tawtorizza lil ċerti Stati Membri jiċċertifikaw materjal prebażiku ta' ċerti speċijiet ta' pjanti tal-frott, prodotti fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/167

(notifikata bid-dokument C(2017) 2800)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 6(4), 9(1) u 13(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/98/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward ta' rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u l-ispeċi tal-pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tagħha, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri u regoli dettaljati dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE tistabbilixxi regoli għall-produzzjoni, għaċ-ċertifikazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta' materjal prebażiku, ta' materjal bażiku, ta' materjal iċċertifikat u ta' pjanti tal-frott.

(2)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jeżiġi li l-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku jiġu prodotti f'kundizzjonijiet fejn ikunu protetti mill-insetti. Iżda, l-Artikolu 8(4) ta' dik id-Direttiva jistipula li, għal ċerti ġeneri jew speċijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, Stat Membru jista' jkun awtorizzat li jiċċertifika materjal prebażiku prodott fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti jew propagat minn pjanti omm prebażiċi fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti.

(3)

Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza u Spanja talbu awtorizzazzjoni temporanja biex jiċċertifikaw il-materjal prebażiku ta' ċerti speċijiet prodotti fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti.

(4)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa xieraq li jingħata biżżejjed żmien lill-fornituri f'dawk l-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi ta' produzzjoni tagħhom filwaqt li jkomplu bil-produzzjoni tagħhom fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti, peress li l-bini ta' faċiltajiet ta' protezzjoni mill-insetti jeħtieġ investiment ta' riżorsi umani u finanzjarji konsiderevoli.

(5)

Għalhekk, l-awtorizzazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni ta' materjal prebażiku prodott fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti għal ċerti ġeneri jew speċijiet ingħataw lil dawk l-Istati Membri bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/167 (3).

(6)

L-awtorizzazzjonijiet lill-Belġju u lil Franza ngħataw għal perjodu qasir ta' sentejn peress li l-produtturi fil-Belġju u fi Franza kienu bdew jinvestu fil-bini ta' faċiltajiet ta' protezzjoni mill-insetti fi stadju bikri. B'kuntrast ma' dan, l-awtorizzazzjonijiet temporanji lir-Repubblika Ċeka u lil Spanja ngħataw għal perjodu ta' ħames snin peress li l-produtturi f'dawk l-Istati Membri għandhom bżonn aktar żmien biex jikkonformaw mar-rekwiżit ta' produzzjoni f'faċilitajiet ta' protezzjoni mill-insetti.

(7)

Huwa xieraq li jinżammu l-awtorizzazzjonijiet temporanji mogħtija lill-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lil Franza u lil Spanja peress li l-kundizzjonijiet li ġġustifikaw l-għoti tagħhom għadhom issodisfati.

(8)

L-Iżvezja ressqet talba għal awtorizzazzjoni temporanja skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE suċċessivament għall-Belġju, għar-Repubblika Ċeka, għal Franza u għal Spanja.

(9)

Huwa xieraq li jingħata biżżejjed żmien lill-fornituri fl-Iżvezja biex jadattaw is-sistemi ta' produzzjoni tagħhom filwaqt li jkomplu bil-produzzjoni tagħhom fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti, peress li l-bini ta' faċiltajiet ta' protezzjoni mill-insetti jeħtieġ investiment ta' riżorsi umani u finanzjarji konsiderevoli.

(10)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Iżvezja wkoll tingħata awtorizzazzjoni temporanja biex tiċċertifika l-materjal prebażiku prodott fl-għelieqi f'kundizzjonijiet mingħajr protezzjoni mill-insetti għal ċerti ġeneri jew speċijiet. Jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni tapplika għal perjodu ta' ħames snin peress li l-produtturi fl-Iżvezja jeħtieġu żmien relattivament twil biex jikkonformaw mar-rekwiżit ta' produzzjoni fil-faċiltajiet ta' protezzjoni mill-insetti.

(11)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/167 stabbiliet miżuri xierqa għall-Belġju, għar-Repubblika Ċeka, għal Franza u għal Spanja biex tiżgura stat ta' saħħa identiku tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku prodotti fl-għelieqi fil-beraħ meta mqabbel mal-pjanti omm prebażiċi u mal-materjal prebażiku prodotti f'faċilitajiet ta' protezzjoni mill-insetti. Dawk il-miżuri ħadu inkonsiderazzjoni l-ħtieġa li jkun limitat ir-riskju ta' infezzjoni skont il-kundizzjonijiet tal-klima, il-kundizzjonijiet tat-tkabbir tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku kkonċernat, u d-distanza tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku kkonċernat minn kull speċi selvaġġa u kkultivata rilevanti abbażi tal-għarfien espert dwar il-prevalenza u l-bijoloġija tal-pesti rilevanti.

(12)

Jenħtieġ li l-miżuri li jirrigwardaw l-istat ta' saħħa tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku stabbilit bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/167 għall-Belġju, għar-Repubblika Ċeka, għal Franza u għal Spanja jinżammu u jiġu stabbiliti miżuri simili għall-Iżvezja.

(13)

Għall-finijiet ta' ċarezza u ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/167 titħassar u tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida.

(14)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2018, il-Belġju u Franza jistgħu jiċċertifikaw il-materjal prebażiku tal-ispeċijiet rilevanti elenkati fl-Anness u prodotti fl-għelieqi fil-beraħ f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4.

Sal-31 ta' Diċembru 2018, il-Belġju u Franza jistgħu wkoll jiċċertifikaw il-materjal prebażiku ppropagat minn pjanti omm prebażiċi tal-ispeċijiet rilevanti elenkati fl-Anness, prodotti fl-għelieqi fil-beraħ f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2022, ir-Repubblika Ċeka u Spanja jistgħu jiċċertifikaw il-materjal prebażiku tal-ispeċijiet rilevanti elenkati fl-Anness u prodotti fl-għelieqi fil-beraħ f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4.

Sal-31 ta' Diċembru 2022, ir-Repubblika Ċeka u Spanja jistgħu wkoll jiċċertifikaw il-materjal prebażiku ppropagat minn pjanti omm prebażiċi tal-ispeċijiet rilevanti elenkati fl-Anness, prodotti fl-għelieqi fil-beraħ f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4.

3.   Sal-31 ta' Mejju 2023, l-Iżvezja tista' tiċċertifika l-materjal prebażiku tal-ispeċijiet rilevanti elenkati fl-Anness u prodotti fl-għelieqi fil-beraħ f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4.

Sal-31 ta' Mejju 2023, l-Iżvezja tista' wkoll tiċċertifika l-materjal prebażiku ppropagat minn pjanti omm prebażiċi tal-ispeċijiet rilevanti elenkati fl-Anness, prodotti fl-għelieqi fil-beraħ f'kundizzjonijiet fejn mhumiex protetti mill-insetti, diment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4.

Artikolu 2

Żamma

1.   Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku prodotti fl-għelieqi għandhom jinżammu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima A tal-Anness għall-Istati Membri u għall-ispeċijiet ikkonċernati.

2.   Il-makkinarju u l-għodod tat-tilqim u taż-żbir għandhom jiġu ċċekkjati, imnaddfa u ddiżinfettati qabel u wara kull użu fuq il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku kkonċernati.

3.   Għandu jkun hemm distanza xierqa bejn il-pjanti omm prebażiċi sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' kuntatt bejn l-għeruq ta' dawk il-pjanti. Għandu jkun hemm distanza xierqa bejn il-materjali prebażiċi ta' propagazzjoni sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' kuntatt bejn l-għeruq ta' dawk il-materjali ta' propagazzjoni.

Artikolu 3

Spezzjoni viżiva, kampjunar u ttestjar

Flimkien mar-rekwiżiti ta' spezzjoni viżiva, ta' kampjunar u ta' ttestjar stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima B tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni għall-ispeċijiet ikkonċernati.

Artikolu 4

Tikkettar ta' pjanti omm prebażiċi u ta' materjal prebażiku

1.   Flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE (4), it-tikketta tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku prodotti fil-Belġju u fi Franza skont din id-Deċiżjoni għandu jkun fiha l-indikazzjoni: “Prodott fl-għelieqi skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/925; ċertifikazzjoni awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2018.”.

Flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, it-tikketta tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku prodotti fir-Repubblika Ċeka u fi Spanja skont din id-Deċiżjoni għandu jkun fiha l-indikazzjoni: “Prodott fl-għelieqi skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/925; ċertifikazzjoni awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2022.”.

Flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, it-tikketta tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku prodotti fl-Iżvezja skont din id-Deċiżjoni għandu jkun fiha l-indikazzjoni: “Prodott fl-għelieqi skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/925; ċertifikazzjoni awtorizzata sal-31 ta' Mejju 2023.”.

2.   Fejn jiġi pprovdut dokument ta' akkumpanjament skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, l-informazzjoni fuq it-tikketta uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi ristretta għal “Prodott fl-għelieqi”. F'każ bħal dan, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, id-dokument ta' akkumpanjament tal-pjanti omm prebażiċi u tal-materjal prebażiku kkonċernati għandu jkun fih l-indikazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Tikkettar tal-materjal bażiku u tal-materjal iċċertifikat

1.   Flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, it-tikketta tal-materjal bażiku u ċċertifikat li jkun ippropagat minn materjal prebażiku prodott skont din id-Deċiżjoni għandu jkun fiha l-indikazzjoni: “Miksub minn materjal prodott fl-għelieqi skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/925”.

2.   Fejn jiġi pprovdut dokument ta' akkumpanjament skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, l-informazzjoni fuq it-tikketta uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi ristretta għal “Miksub minn materjal prodott fl-għelieqi”. F'każ bħal dan, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/96/UE, id-dokument ta' akkumpanjament għandu jkun fih l-indikazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Notifika

Kull Stat Membru awtorizzat li jiċċertifika l-materjal prebażiku skont l-Artikolu 1 għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar kwalunkwe ċertifikazzjoni skont dak l-Artikolu. In-notifika għandha tinkludi l-kwantità ta' pjanti omm prebażiċi u ta' materjal prebażiku, u l-ispeċijiet li għalihom jappartjenu dawk il-pjanti omm prebażiċi u dak il-materjal prebażiku.

Artikolu 7

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/167 titħassar.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8.

(2)   ĠU L 298, 16.10.2014, p. 22.

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/167 tat-30 ta' Jannar 2017 li temporanjament tawtorizza lill-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lil Franza u lil Spanja biex jiċċertifikaw il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ta' speċijiet speċifiċi ta' pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE, li jkunu prodotti f'għalqa f'kundizzjonijiet fejn ma jkunux protetti mill-insetti (ĠU L 27, 1.2.2017, p. 143).

(4)  Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 12).


ANNESS

TAQSIMA A

Listi ta' speċijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u rekwiżiti dwar iż-żamma tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2

1.   Il-Belġju

1.1.   Lista ta' speċijiet:

Malus domestica Mill., Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, Pyrus communis L. u salvaġġ ta' dawk l-ispeċijiet.

1.2.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati hawn fuq

1.2.1.   Miżuri

Fejn l-ispezzjonijiet viżivi għall-preżenza ta' insetti vetturi rilevanti għall-pesti elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jidentifikaw il-preżenza ta' dawk il-vetturi, għandu jkun hemm trattament b'insettiċida.

1.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

1.3.1.   Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, u P. persica

1.3.1.1.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

2.   Ir-Repubblika Ċeka

2.1.   Lista ta' speċijiet:

Castanea sativa Mill. u Juglans regia L.

2.2.   Rekwiżiti għaż-żewġ speċijiet elenkati hawn fuq

2.2.1.   Miżuri

F'każ ta' dubju dwar il-preżenza tal-pesti rilevanti elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE dwar pjanti omm prebażiċi u materjal prebażiku, dawk il-pjanti omm prebażiċi u dak il-materjal prebażiku għandhom jitneħħew minnufih.

2.2.2.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi ma għandhomx jitħallew iwarrdu permezz taż-żbir annwali fil-bidu ta' kull perjodu veġetattiv.

2.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

2.3.1.   Juglans regia L.

2.3.1.1.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi għandhom jitħawlu f'żoni fejn l-ispezzjonijiet viżivi jkunu kkonfermaw l-assenza ta' vetturi tal-virus cherry leafroll.

3.   Franza

3.1.   Lista ta' speċijiet:

Castanea sativa Mill., Corylus avellana L., Cydonia oblonga Mill., Juglans regia L., Malus domestica Mill., Prunus amygdalus, P. armeniaca, P. avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, P. salicina, u Pyrus communis L.

3.2.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati hawn fuq

3.2.1.   Miżuri

Fejn l-ispezzjonijiet viżivi għall-preżenza ta' insetti vetturi rilevanti għall-pesti elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jidentifikaw il-preżenza ta' dawk il-vetturi, għandu jkun hemm trattament b'insettiċida.

3.2.2.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi għandhom jitlaqqmu fuq is-salvaġġ prodott permezz ta' koltivazzjoni in vitro fejn ikun disponibbli.

3.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

3.3.1.   Prunus amygdalus, P. armeniaca, P. avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, u P. salicina

Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

4.   Spanja

4.1.   Lista ta' speċijiet:

Olea europaea L., Prunus amygdalus x P. persica, P. armeniaca, P. domestica, P. domestica x P. salicina, P. dulcis, P. persica, u Pyrus communis L.

4.2.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati hawn fuq

4.2.1.   Miżuri

Fejn l-ispezzjonijiet viżivi għall-preżenza ta' insetti vetturi rilevanti għall-pesti elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE jidentifikaw il-preżenza ta' dawk il-vetturi, għandu jkun hemm trattament b'insettiċida.

4.3.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

4.3.1.   Olea europaea L.

4.3.1.1.   Distanza ta' iżolament

Għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 100 m sa kull Olea europaea L. kkultivata jew fin-natura li mhix soġġetta għal skema ta' ċertifikazzjoni.

4.3.2.   Prunus amygdalus x P. persica, P. armeniaca, P. domestica, P. domestica x P. salicina, P. dulcis, u P. persica

4.3.2.1.   Distanza ta' iżolament

Għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 500 m sa kull Prunus amygdalus, P. cerasus u P. prunophora kkultivata jew fin-natura, mhux soġġetti għal skema ta' ċertifikazzjoni.

4.3.2.2.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

4.3.3.   Pyrus communis L.

4.3.3.1.   Distanza ta' iżolament

Għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 500 m sa kull P. communis L. ikkultivata jew fin-natura li mhix soġġetta għal skema ta' ċertifikazzjoni.

4.3.3.2.   Kundizzjonijiet ta' tkabbir

Il-pjanti omm prebażiċi u l-materjal prebażiku ma għandhomx jitħallew iwarrdu.

5.   L-Iżvezja

5.1.   Lista ta' speċijiet:

Malus domestica Mill. u Pyrus communis L.

5.2.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati hawn fuq

5.2.1.   Miżuri

Kull meta tiġi identifikata l-preżenza tal-insetti elenkati fil-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE, għandu jkun hemm trattament b'insettiċida.

5.2.2.   Distanza ta' iżolament

Għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 500 m sa kull Malus domestica Mill. u Pyrus communis L. ikkultivati jew fin-natura li mhumiex soġġetti għal skema ta' ċertifikazzjoni.

B'deroga, għandu jkun hemm distanza ta' iżolament ta' mill-inqas 40 m minn bank ta' ġeni ta' pjanti ta' Malus domestica Mill. li mhumiex soġġetti għal skema ta' ċertifikazzjoni, jekk

a)

il-kampjunar u l-ittestjar tal-pjanti f'dak il-bank ta' ġeni jsiru skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE għall-ispeċijiet ikkonċernati; u

b)

isiru spezzjonijiet viżivi f'dak il-bank ta' ġeni mill-inqas darbtejn kull staġun tat-tkabbir.

TAQSIMA B

Rekwiżiti dwar l-ispezzjoni viżiva, il-kampjunar u l-ittestjar imsemmija fl-Artikolu 3

1.   Il-Belġju

1.1.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati fil-punt 1.1 tat-Taqsima A

1.1.1.   Spezzjoni viżiva

Għandu jkun hemm spezzjonijiet viżivi minn tal-inqas darba fis-sena għall-preżenza tal-insetti vetturi rilevanti għall-pesti elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

1.2.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

1.2.1.   Malus domestica Mill. u Pyrus communis L.

1.2.1.1.   Kampjunar u ttestjar

Għandu jsir kampjunar u ttestjar ta' kull pjanta omm prebażika għall-virusis trażmessi mill-insetti u mit-trab tad-dakra elenkati fil-Parti A tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

1.2.2.   Prunus avium, P. cerasus, P. domestica, u P. persica

1.2.2.1.   Kampjunar u ttestjar

Għandu jsir kampjunar u ttestjar ta' kull pjanta omm prebażika kull sena u ma' kull ċiklu ta' multiplikazzjoni għall-virusis trażmessi mill-insetti u mit-trab tad-dakra elenkati fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

2.   Ir-Repubblika Ċeka

2.1.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

2.1.1.   Castanea sativa Mill.

2.1.1.1.   Spezzjoni viżiva

L-ispezzjonijiet viżivi msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE għandhom isiru minn April sa Mejju.

2.1.2.   Juglans regia L.

2.1.2.1.   Spezzjoni viżiva

L-ispezzjonijiet viżivi msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE għandhom isiru tard fis-sajf jew fil-ħarifa.

3.   Franza

3.1.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

3.1.1.   Corylus avellana L.

3.1.1.1.   Kampjunar u ttestjar

Għandu jsir kampjunar u ttestjar ta' kull pjanta omm prebażika għall-virus apple mosaic (ApMV).

3.1.2.   Cydonia oblonga Mill., Malus domestica Mill., u Pyrus communis L.

3.1.2.1.   Kampjunar u ttestjar

Għandu jsir kampjunar u ttestjar ta' kull pjanta omm prebażika għall-virus apple chlorotic leaf spot (ACLSV), apple stem-grooving (ASGV), apple stem-pitting (ASPV) u rubbery wood.

3.1.3.   Prunus amygdalus, P. armeniaca, P. avium, P. cerasus, P. domestica, P. persica, u P. salicina

3.1.3.1.   Kampjunar u ttestjar

Għandu jsir kampjunar u ttestjar ta' kull pjanta omm prebażika kull sena u ma' kull ċiklu ta' multiplikazzjoni għall-prune dwarf virus (PDV) u l-Prunus necrotic ringspot virus (PNRSV). Fil-każ ta' P. persica, għandu jsir kampjunar u ttestjar ta' kull pjanta omm prebażika kull sena u ma' kull ċiklu ta' multiplikazzjoni għall-peach latent mosaic viroid (PLMVd).

4.   Spanja

4.1.   Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti speċijiet

4.1.1.   Olea europaea L. u Pyrus communis L.

4.1.1.1.   Kampjunar u ttestjar

Għandu jsir kampjunar u ttestjar ta' kull pjanta omm prebażika kull sena għall-virusis jew għall-mard minn aġenti li jixbhu l-virusis elenkati fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

4.1.2.   Prunus amygdalus x P. persica, P. armeniaca, P. domestica, P. domestica x P. salicina, P. dulcis, u P. persica

4.1.2.1.   Kampjunar u ttestjar

Il-kampjunar u l-ittestjar għandu jsir kull sena għall-virusis u għall-mard minn aġenti li jixbhu xi virusis elenkati fl-Anness II tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE.

5.   L-Iżvezja

5.1.   Rekwiżiti għall-ispeċijiet kollha elenkati fil-punt 5.1 tat-Taqsima A

5.1.1.   Spezzjoni viżiva

L-ispezzjonijiet viżivi msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE għandhom isiru mill-inqas darbtejn f'kull staġun tat-tkabbir.