25.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/140


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/901

tal-24 ta' Mejju 2017

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fis-17 ta' Mejju 2017, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2127 (2013) żied persuna waħda mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.


ANNESS

Il-persuna elenkata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiżdied mal-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

A.   Persuni

“12.

Abdoulaye HISSENE (psewdonimu: a) Abdoulaye Issène; b) Abdoulaye Hissein; c) Hissene Abdoulaye; d) Abdoulaye Issène Ramadane; e) Abdoulaye Issene Ramadan; f) Issene Abdoulaye

Data tat-twelid: 1967

Post tat-twelid: Ndele, Bamingui-Bangoran, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Nru. tal-passaport: Passaport diplomatiku tar-RĊA bin-numru D00000897, maħruġ fil-5 ta' April 2013, (validu sal-4 ta' April 2018)

Indirizz: a) KM5, Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) Nana-Grebizi, ir-Repubblik Ċentru-Afrikana

Data tal-indikazzjoni min-NU:17 ta' Mejju 2017

Informazzjoni oħra: Hissène kien preċedentement il-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport bħala parti mill-Kabinett tal-eks-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana Michel Djotodia. Qabel dan, huwa kien il-kap tal-Konvenzjoni tal-Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi, partit politiku. Huwa stabbilixxa wkoll lilu nnifsu bħala l-mexxej tal-milizzji armati f'Bangui, u b'mod partikolari fil-kwartier “PK5” (it-tielet distrett).

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Informazzjoni addizzjonali:

Abdoulaye Hissène u membri oħra tal-eks-Séléka kkollaboraw ma' instigaturi anti-balaka alleati mal-eks-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) François Bozizé, inkluż Maxime Mokom, biex jinkoraġġixxu protesti vjolenti u ġlied f'Settembru 2015 bħala parti minn attentat ta' kolp ta' stat li falla biex iwaqqa' l-Gvern waqt li l-President Transizzjonali ta' dakinhar Catherine Samba-Panza kienet qed tattendi l-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2015. Mokom, Hissène, u oħrajn ġew akkużati mill-gvern tar-RĊA b'diversi reati kriminali, inkluż qtil, ħruq, tortura, u sakkeġġi, li rriżultaw mill-kolp ta' stat li falla.

Mill-2015, Hissène kien sar wieħed mill-mexxejja ewlenin tal-milizzji armati li jinsabu fil-kwartier “PK5” ta' Bangui u li kienu jinkludu aktar minn 100 raġel. Huwa xekkel il-libertà ta' moviment u t-treġġigħ lura tal-awtorità tal-istat fiż-żona, inkluż permezz ta' tassazzjoni illegali tat-trasport u attivitajiet kummerċjali. Fit-tieni nofs tal-2015, Hissène aġixxa bħala r-rappreżentant tan-“Nairobisti” tal-eks-Séléka f'Bangui li operaw fil-qafas ta' ravviċinament mal-ġellieda anti-balaka taħt Mokom. Irġiel armati taħt il-kontroll ta' Haroun Gaye u Hissène pparteċipaw fil-ġrajjiet vjolenti li seħħew f'Bangui bejn is-26 ta' Settembru u t-3 ta' Ottubru 2015.

Il-membri tal-grupp ta' Hissène huma ssuspettati li kienu involuti f'attakk fit-13 ta' Diċembru 2015 — il-jum tar-referendum kostituzzjonali — fuq il-vettura ta' Mohamed Moussa Dhaffane, mexxej tal-eks-Séléka. Hissène huwa akkużat li orkestra l-vjolenza fid-distrett KM5 ta' Bangui li biha nqatlu ħames persuni, indarbu għoxrin, u żammet lir-residenti milli jivvutaw fir-referendum kostituzzjonali. Hissène qiegħed l-elezzjonijiet f'riskju billi ħoloq ċiklu ta' attakki ta' ritaljazzjoni bejn gruppi differenti.

Fil-15 ta' Marzu 2016, Hissène nqabad mill-pulizija fl-ajruport M'poko ta' Bangui u ġie ttrasferit lit-taqsima ta' riċerka u investigazzjoni tal-ġendarmerija nazzjonali. Il-milizzja tiegħu sussegwentement ħelsuh, bl-użu tal-forza, u serqet arma li preċedentement kienet mgħoddija minn MINUSCA bħala parti minn talba għal eżenzjoni approvata mill-Kumitat.

Fid-19 ta' Ġunju 2016, wara l-arrest ta' negozjanti Musulmani minn forzi tas-sigurtà interni f'“PK 12”, il-milizzji ta' Gaye u Hissène ħatfu ħames pulizija nazzjonali f'Bangui. Fl-20 ta' Ġunju, il-MINUSCA għamlet tentattiv biex teħles il-pulizija. Irġiel armati taħt il-kontroll ta' Hissène u Gaye kienu involuti fi sparar ma' forzi taż-żamma tal-paċi li ppruvaw jeħilsu l-ostaġġi. B'riżultat ta' dan, inqatlu mill-inqas sitt individwi u indarab membru tal-forzi għaż-żamma tal-paċi.

Fit-12 ta' Awwissu 2016, Hissène mexxa konvoj ta' sitt vetturi b'individwi armati sew. Il-konvoj, li kien qed jaħrab minn Bangui, ġie interċettat minn MINUSCA fin-Nofsinhar ta' Sibut. Fi triqtu lejn it-Tramuntana, il-konvoj kien involut fi sparar ma' forzi tas-sigurtà interna f'diversi punti ta' kontroll. Il-konvoj eventwalment twaqqaf minn MINUSCA 40 km min-Nofsinhar ta' Sibut. Wara bosta ġlidiet b'armi tan-nar, MINUSCA qabdet 11-il raġel, iżda Hissène u diversi oħra ħarbu. Individwi arrestati indikaw lil MINUSCA li Hissène kien il-mexxej tal-konvoj li l-għan tiegħu kien li jasal Bria u jipparteċipa fl-Assemblea tal-gruppi eks-Séléka li ġiet organizzata minn Nourredine Adam.

F'Awwissu u Settembru 2016, il-Bord ta' Esperti żar Sibut darbtejn sabiex jispezzjona l-oġġetti personali tal-konvoj ta' Hissène, Gaye u Hamit Tidjani, li nqabad minn MINUSCA fit-13 ta' Awwissu. Il-Bord spezzjona wkoll il-munizzjon maqbud fid-dar ta' Hissène fis-16 ta' Awwissu. Tagħmir militari letali u mhux letali ġie rkuprat mis-sitt vetturi u mill-individwi maqbuda. Fis-16 ta' Awwissu 2016, il-Ġendarmerija Ċentrali għamlet rejd fid-dar ta' Hissène f'Bangui. Instabu aktar minn 700 arma.

Fl-4 ta' Settembru 2016, grupp ta' elementi eks-Séléka li kienu ġejjin minn Kaga-Bandoro fuq sitt muturi biex jiġbru lil Hissène u l-affiljati tiegħu fetħu n-nar kontra MINUSCA ħdejn Dékoa. Waqt dan l-inċident, inqatel ġellied eks-Séléka, u żewġ membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi u ċivili sfaw midruba.”