24.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/35


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/889

tat-23 ta' Mejju 2017

li tidentifika lill-Unjoni ta' Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (ir-Regolament IUU) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx u kull miżura ta' emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tidentifika lill-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz jista' jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dawk li huma d-dmirijiet tiegħu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u jonqos milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi jew jelimina l-attivitajiet ta' sajd IUU.

(4)

L-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

(5)

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(6)

Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament IUU, il-prodotti tas-sajd jistgħu jiġu importati biss fl-Unjoni meta jkunu akkumpanjati b'ċertifikat tal-qabda f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(7)

Skont l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament IUU, ċertifikati tal-qabda vvalidati minn Stat tal-bandiera partikolari jistgħu jiġu aċċettati biss jekk dak l-Istat jinnotifika lill-Kummissjoni bl-arranġamenti tiegħu għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamentazzjonijiet u l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni li jridu jiġu osservati mill-bastimenti tas-sajd tiegħu.

(8)

L-Unjoni ta' Comoros (minn hawn 'il quddiem il-“Comoros”) ma ppreżentatx lill-Kummissjoni n-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU.

(9)

Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni tikkoopera fuq livell amministrattiv ma' pajjiżi terzi f'oqsma relatati mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qabda ta' dak ir-Regolament.

(10)

Abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni qieset li kien hemm indikazzjonijiet b'saħħithom li l-Unjoni ta' Comoros naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi jew telimina l-attivitajiet ta' sajd IUU.

(11)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet, permezz tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 (2), li tinnotifika lil Comoros bil-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

(12)

Id-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 kienet tinkludi informazzjoni rigward il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom tkun ibbażata identifikazzjoni possibbli bħal din.

(13)

Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Comoros flimkien ma' ittra li tistieden lil Comoros sabiex timplimenta, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta' azzjoni sabiex tirrettifika n-nuqqasijiet identifikati.

(14)

B'mod partikolari l-Kummissjoni stiednet lil Comoros: (i) biex tieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni; (ii) biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni; u (iii) biex kull sitt xhur tibgħat rapport dettaljat lill-Kummissjoni li jivvaluta l-implimentazzjoni ta' kull azzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-effettività individwali u/jew ġenerali tagħha li tassigura sistema ta' kontroll tas-sajd konformi mad-dmirijiet tal-pajjiż skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi jew telimina l-attivitajiet ta' sajd IUU.

(15)

Comoros ingħatat l-opportunità li tirrispondi bil-miktub u bil-fomm għall-kwistjonijiet indikati b'mod espliċitu fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 kif ukoll għal kwistjonijiet oħra rilevanti kkomunikati mill-Kummissjoni, biex tkun tista' tissottometti evidenza li tikkontradixxi jew tikkompleta l-fatti indikati fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015. Comoros ġiet aċċertata dwar id-dritt tagħha li titlob, jew tipprovdi informazzjoni addizzjonali.

(16)

Permezz tad-Deċiżjoni tagħha u l-ittra tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni fetħet proċess ta' djalogu ma' Comoros u indikat li fil-prinċipju hija tqis li perjodu ta' sitt xhur għandu jkun biżżejjed sabiex jintlaħqu r-riżultati mistennija.

(17)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li hija qieset neċessarja. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati minn Comoros wara d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 ġew analizzati u meqjusa. Comoros inżammet infurmata, bil-fomm jew bil-miktub, dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(18)

Fid-dawl tal-elementi miġbura, kif jidher fil-premessi 37 sa 93, il-Kummissjoni temmen li Comoros ma indirizzatx b'mod suffiċjenti l-oqsma ta' tħassib u n-nuqqasijiet deskritti fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015. Barra minn hekk, Comoros ma implimentax b'mod sħiħ il-miżuri proposti fil-pjan ta' azzjoni mehmuż.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TA' COMOROS

(19)

Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lil Comoros, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, li kienet qed tikkunsidra l-possibbiltà li tidentifika lil Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax (3).

(20)

Il-Kummissjoni ssuġġeriet lil Comoros, sabiex b'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha, timplimenta pjan ta' azzjoni biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015.

(21)

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni kienu relatati ma' diversi nuqqasijiet sabiex jiġu implimentati l-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b'mod partikolari mal-adozzjoni ta' qafas legali adegwat u l-proċeduri tar-reġistrazzjoni u l-liċenzjar, il-ġestjoni tar-reġistru ta' Comoros, in-nuqqas ta' kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni ta' Comoros u ma' pajjiżi terzi li fihom joperaw il-bastimenti ta' Comoros, in-nuqqas ta' monitoraġġ adegwat u effiċjenti u n-nuqqas ta' sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent. Nuqqasijiet oħra li ġew identifikati jirrigwardaw, b'mod aktar ġenerali, l-osservanza tal-obbligi internazzjonali inklużi r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs). Ġie identifikat ukoll nuqqas ta' konsistenza mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat tan-Nazzjonijiet Uniti (IPOA IUU) u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera. Madankollu, in-nuqqas ta' konsistenza mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala evidenza ta' sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

(22)

Fil-5 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni organizzat konferenza telefonika mal-awtoritajiet ta' Comoros sabiex tenfasizza l-importanza li Comoros tirreaġixxi għad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015.

(23)

Permezz tal-ittra tagħha datata s-6 ta' Jannar 2016 trażmessa lill-Kummissjoni fid-29 ta' Jannar 2016, Comoros infurmat lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti istituzzjonali stabbiliti sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015. Din l-ittra kienet akkumpanjata minn dokumentazzjoni ta' sostenn.

(24)

Fis-16 ta' Marzu 2016 saru konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u Comoros fi Brussell. Matul dik il-laqgħa, Comoros esprimiet b'mod partikolari l-impenn tagħha li ssolvi l-kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-reġistru ta' Comoros. Waqt din il-laqgħa, Comoros ipprovdiet lista ta' bastimenti tas-sajd u ta' bastimenti relatati mas-sajd li allegatament itajru l-bandiera ta' Comoros.

(25)

Fil-31 ta' Marzu 2016 l-awtoritajiet ta' Comoros ipprovdew ordni ministerjali li tistabbilixxi kumitat konġunt bejn l-awtoritajiet responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti u dawk responsabbli mis-sajd. Fit-2 ta' April 2016 Comoros ipprovdiet abbozz ta' nota ċirkulari dwar il-ġestjoni tar-reġistru ta' Comoros li l-Kummissjoni rrispondiet għalih permezz tal-ittra tat-13 ta' April 2016.

(26)

Fit-30 ta' April 2016 u fit-2 ta' Mejju 2016, Comoros ippreżentat permezz ta' mezzi elettroniċi d-dokumenti li ġejjin: (i) ittra li tippreżenta l-miżuri preliminari meħuda fir-rigward tal-ġestjoni tar-reġistru ta' Comoros u l-flotta tas-sajd u relatata mas-sajd ta' Comoros; (ii) nota ċirkolari emendata ffirmata fil-25 ta' April 2016 li tissospendi b'mod partikolari r-reġistrazzjoni ta' bastimenti tas-sajd u ta' bastimenti relatati mas-sajd taħt il-bandiera ta' Comoros; (iii) lista ta' bastimenti tas-sajd u ta' bastimenti relatati mas-sajd li allegatament itajru l-bandiera ta' Comoros, differenti minn dik ipprovduta fis-16 ta' Marzu 2016; (iv) kopji tal-ittri mibgħuta lil tliet korpi reġjonali tas-sajd li jkopru ż-żoni li fihom kienu qed joperaw il-bastimenti tas-sajd u l-bastimenti relatati mas-sajd ta' Comoros; u (v) kopja ta' ittra ta' assistenza legali mibgħuta lil pajjiż terz. Din it-trażmissjoni kienet segwita mill-wasla, fit-18 ta' Mejju 2016, ta' verżjonijiet stampati ta' xi wħud mid-dokumenti. Din it-trażmissjoni kienet tinkludi wkoll id-dokumenti li ġejjin: (i) ittra ta' akkumpanjament u ta' spjegazzjoni; (ii) lista ġdida ta' bastimenti tas-sajd u ta' bastimenti relatati mas-sajd li allegatament itajru l-bandiera ta' Comoros, differenti minn dawk imsemmija aktar 'il fuq; u (iii) ċertifikat ta' reġistrazzjoni provviżorja mhux iffirmat. Il-Kummissjoni rreaġixxiet għal dawn is-sottomissjonijiet permezz ta' mezzi elettroniċi fil-31 ta' Mejju 2016 u permezz tal-ittra tat-13 ta' Ġunju 2016. F'dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni enfasizzat b'mod partikolari l-ħtieġa li Comoros tieħu miżuri addizzjonali xierqa fir-rigward tal-flotta tas-sajd u tal-flotta relatata mas-sajd ta' Comoros, b'mod partikolari f'termini tal-miżuri ta' infurzar u tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti kostali u portwali ta' pajjiżi terzi kif ukoll il-korpi reġjonali tas-sajd. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li għadd ta' bastimenti tas-sajd u ta' bastimenti relatati mas-sajd setgħu kienu intitolati li jtajru l-bandiera ta' Comoros wara s-sospensjoni tar-reġistrazzjoni approvata permezz tan-nota ċirkolari ffirmata fil-25 ta' April 2016.

(27)

Fil-31 ta' Mejju 2016 Comoros ipprovdiet id-dokumenti li ġejjin: (i) pjan ta' azzjoni bbażat fuq dak issuġġerit mill-Kummissjoni; (ii) abbozz ta' emendi għall-qafas legali li jirregola s-sajd, inkluż għas-sistema tas-sanzjonijiet; u (iii) sommarju tad-dmirijiet ta' Comoros skont id-dritt internazzjonali, bħala Stat tal-bandiera.

(28)

F'aktar minn okkażjoni waħda, b'mod partikolari fit-8 ta' Ġunju 2016, fil-21 ta' Ġunju 2016, fit-28 ta' Ġunju 2016 u fid-29 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni spjegat lil Comoros, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, dwar l-importanza li hija tirreaġixxi għall-komunikazzjonijiet tagħha tal-31 ta' Mejju 2016 u tat-13 ta' Ġunju 2016.

(29)

Fis-7 ta' Lulju 2016 u fil-11 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni ġiet mgħarrfa wkoll minn Comoros dwar skambji ulterjuri bejn l-awtoritajiet ta' Comoros u korp reġjonali tas-sajd rigward l-istatus tal-flotta tas-sajd u tal-flotta relatata mas-sajd ta' Comoros. F'din l-okkażjoni, Comoros ipprovdiet lista ġdida ta' bastimenti tas-sajd u ta' bastimenti relatati mas-sajd li allegatament itajru l-bandiera ta' Comoros, li kienet differenti minn dik imsemmija aktar 'il fuq.

(30)

Bl-ittra tal-20 ta' Lulju 2016 il-Kummissjoni pproponiet lill-awtoritajiet ta' Comoros li tagħmel żjara f'Comoros.

(31)

L-awtoritajiet ta' Comoros irreaġixxew għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2016 u tat-13 ta' Ġunju 2016 permezz tal-ittra tal-20 ta' Lulju 2016 fejn fakkru li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bl-Att Nru 07-011/AU tad-29 ta' Awwissu 2007 u tad-Digriet Nru 15-050/PR tal-15 ta' April 2015, l-ebda bastiment ta' Comoros ma għandu jopera barra miż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) ta' Comoros mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet ta' Comoros u l-ebda bastiment tas-sajd jew bastiment relatat mas-sajd ta' Comoros ma għandu jwettaq attivitajiet tas-sajd jew relatati mas-sajd barra miż-żona ta' kompetenza tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC). Comoros talbet ukoll l-assistenza tal-Kummissjoni sabiex, fost oħrajn, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-flotta tas-sajd u tal-flotta relatata mas-sajd ta' Comoros u titlobhom jibagħtu lill-awtoritajiet ta' Comoros kwalunkwe informazzjoni rilevanti għad-dispożizzjoni tagħhom dwar l-attivitajiet ta' dawn il-bastimenti. Il-Kummissjoni wieġbet lil Comoros fis-27 ta' Lulju 2016 u fit-28 ta' Lulju 2016 fejn ipprovdiet l-informazzjoni mitluba kif ukoll talbet xi kjarifiki. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll l-informazzjoni li Comoros tat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bil-miktub fil-5 ta' Awwissu 2016.

(32)

Fil-11 ta' Awwissu 2016 Comoros issottomettiet il-minuti tal-ewwel laqgħa tal-kumitat konġunt li saret fit-2 ta' Awwissu 2016 bejn l-awtoritajiet responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti u dawk responsabbli mis-sajd. Ir-rakkomandazzjoni prinċipali ta' din il-laqgħa kienet li jingħata perjodu ta' konċessjoni ta' sitt xhur lill-bastimenti tas-sajd u lill-bastimenti relatati mas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Comoros li joperaw barra mill-EEZ ta' Comoros mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet ta' Comoros kif ukoll barra miż-żona ta' kompetenza tal-IOTC. L-għan tal-perjodu ta' konċessjoni kien li l-operaturi ta' dawn il-bastimenti jiġu infurmati dwar l-obbligi tagħhom skont il-qafas legali ta' Comoros li jirregola s-sajd.

(33)

Fit-18 ta' Awwissu 2016 il-Kummissjoni ġiet infurmata wkoll mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru dwar l-eżistenza ta' nota ċirkolari ffirmata fit-8 ta' Awwissu 2016 mill-amministrazzjoni ta' Comoros responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti. Din in-nota ċirkolari, fost oħrajn, ħassret is-sospensjoni tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd u tal-bastimenti relatati mas-sajd taħt il-bandiera ta' Comoros.

(34)

Minn Mejju 2016, il-Kummissjoni ġiet infurmata bis-sħiħ ukoll bit-talbiet għall-assistenza reċiproka mibgħuta, fil-qafas tal-Artikolu 51 tar-Regolament IUU, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-awtoritajiet ta' Comoros u ta' pajjiżi terzi oħra rigward l-istatus u l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd u tal-bastimenti relatati mas-sajd ta' Comoros kif ukoll dwar it-tweġibiet mingħand dawn l-awtoritajiet. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll informazzjoni dwar l-istatus u l-attivitajiet ta' din il-flotta minn sorsi oħra, inklużi pajjiżi terzi. Din l-informazzjoni tqieset bħala evidenza ta' sostenn.

(35)

Il-Kummissjoni żaret lill-awtoritajiet ikkonċernati ta' Comoros mit-23 sas-26 ta' Awwissu 2016. Matul iż-żjara tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet ta' Comoros kellhom l-opportunità li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-aħħar żviluppi. Fit-30 ta' Awwissu 2016 u fit-2 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet lil Comoros informazzjoni ta' segwitu u talbiet addizzjonali għal informazzjoni u dokumenti. L-awtoritajiet ta' Comoros ikkonfermaw il-wasla ta' dawn il-komunikazzjonijiet fit-2 ta' Settembru 2016 u fl-4 ta' Settembru 2016 rispettivament.

(36)

Bl-ittra tat-28 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet ta' Comoros informazzjoni dwar 21 trażbord fuq il-baħar li kienu jinvolvu bastimenti tas-sajd u bastimenti relatati mas-sajd ta' Comoros, li seħħew bejn April u Ġunju 2016 lil hinn mill-kosta tal-Afrika tal-Punent. Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni fakkret fit-tħassib tagħha rigward il-kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-reġistru ta' Comoros.

3.   IDENTIFIKAZZJONI TA' COMOROS BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(37)

Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni rrevediet il-konformità ta' Comoros mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, b'konformità mas-sejbiet tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 u mal-informazzjoni rilevanti pprovduta minn Comoros, mal-pjan ta' azzjoni propost kif ukoll mal-miżuri li ttieħdu sabiex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata. Għall-finijiet ta' din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

3.1.   Miżuri meħuda fir-rigward tar-rikorrenza ta' Bastimenti IUU u tal-flussi tal-kummerċ (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(38)

Kif enfasizzat fil-premessa 36 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni stabbiliet li Comoros naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq fir-rigward tal-bastimenti IUU u tas-sajd IUU mwettaq jew appoġġat minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jew miċ-ċittadini tagħha u naqset milli tipprevjeni l-aċċess ta' prodotti tas-sajd li joriġinaw minn sajd IUU għas-suq tagħha.

(39)

Il-premessi 20 sa 23 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 stabbilixxew li madwar 20 bastiment tas-sajd u bastiment relatati mas-sajd ta' Comoros kienu involuti f'attivitajiet tas-sajd IUU matul il-perjodu 2010 sa 2015. Il-Kummissjoni b'mod partikolari stabbiliet li dawn il-bastimenti kienu qegħdin joperaw barra mill-EEZ ta' Comoros mingħajr l-awtorizzazzjoni u l-kontroll tal-awtoritajiet ta' Comoros kif ukoll barra miż-żona ta' kompetenza tal-IOTC, b'mod partikolari fil-Lvant tal-Atlantiku. Din is-sitwazzjoni tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet kif stabbiliti fil-punt 45 tal-IPOA IUU u l-paragrafu 8(2)(2) tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli (Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO) li permezz tiegħu l-Istati tal-bandiera għandhom jiżguraw li kull bastiment intitolat biex itajjar il-bandiera tagħhom, li jopera barra mill-ilmijiet tagħhom, ikollu awtorizzazzjoni valida. Dan jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta' osservanza tar-rakkomandazzjonijiet tal-punti 29 u 30 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera. Kif spjegat fil-premessa 31, l-awtoritajiet ta' Comoros irrikonoxxew li l-ebda bastiment ta' Comoros ma għandu jopera barra mill-EEZ ta' Comoros mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet ta' Comoros u l-ebda bastiment tas-sajd jew bastiment relatat mas-sajd ta' Comoros ma għandu jwettaq attivitajiet tas-sajd jew relatati mas-sajd barra miż-żona ta' kompetenza tal-IOTC.

(40)

L-evidenza miġbura mill-Kummissjoni mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 ma tindika l-ebda bidla fis-sitwazzjoni deskritta fil-premessa 39.

(41)

Mill-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, b'mod partikolari mill-Istati Membri kif ukoll mill-awtoritajiet kompetenti kostali u portwali ta' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni sabet diversi każijiet ta' trażbordi fuq il-baħar li kienu jinvolvu l-bastimenti msemmija fil-premessa 39 filwaqt li, kif deskritt fil-premessa 60 Comoros ipprovdiet dikjarazzjonijiet bil-miktub li kienu jiċċertifikaw li t-trażbordi fuq il-baħar huma pprojbiti mill-awtoritajiet ta' Comoros. Għalhekk, dawn l-operazzjonijiet saru mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet ta' Comoros. Dan imur kontra l-punt 49 tal-IPOA IUU li jistipula li l-Istati tal-bandiera għandhom jiżguraw li l-bastimenti tagħhom kollha involuti fit-trażbord ikollhom awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa mill-Istat tal-bandiera, u jirrapportaw lill-awtoritajiet nazzjonali.

(42)

Skont l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-miżuri meħuda minn Comoros fir-rigward tal-aċċess ta' prodotti tas-sajd li ġejjin minn sajd IUU għas-suq tagħha. L-IPOA IUU jipprovdi gwida dwar miżuri relatati mas-suq maqbula fuq livell internazzjonali li jappoġġaw it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-kummerċ ta' ħut u ta' prodotti tal-ħut li jkunu ġejjin minn sajd IUU. Fil-punt 71 l-IPOA IUU jissuġġerixxi wkoll li l-Istati għandhom jieħdu passi biex itejbu t-trasparenza tas-swieq tagħhom sabiex jippermettu t-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut. Bl-istess mod, il-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO jiddeskrivi, b'mod partikolari fl-Artikolu 11 tiegħu, prattiċi tajba għall-attivitajiet ta' wara l-qbid u għal kummerċ internazzjonali responsabbli. L-Artikolu 11.1.11 ta' dak il-Kodiċi ta' Kondotta jitlob lill-Istati biex jiżguraw li l-ħut u l-prodotti tas-sajd jiġu nnegozjati fuq livell internazzjonali u domestiku skont prattiċi tajba ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni permezz ta' titjib fl-identifikazzjoni tal-oriġini tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd.

(43)

Kif stabbilit fil-premessa 23 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, Comoros mhijiex f'pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar l-ispeċijiet maqbuda mill-flotta tas-sajd ta' Comoros u l-flussi tal-kummerċ tal-prodotti maqbuda. Abbażi tal-informazzjoni miġbura mingħand l-awtoritajiet ta' Comoros, il-Kummissjoni qieset li ma sar l-ebda progress fir-rigward tal-fatti deskritti fil-premessi 23 u 33 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, dwar in-nuqqas ta' kontroll mill-awtoritajiet ta' Comoros fuq il-bastimenti ta' Comoros li joperaw barra mill-EEZ ta' Comoros fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd, il-ħatt u t-trażbordi tagħhom. Għalhekk, Comoros ma kinitx f'pożizzjoni li tiggarantixxi t-trasparenza tas-swieq tagħha sabiex tippermetti t-traċċabilità tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut kif stabbilit fil-punt 71 tal-IPOA IUU.

(44)

F'dak ir-rigward huwa nnotat li t-traċċabilità tal-prodotti hija mxekkla wkoll min-nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri tar-reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta' Comoros u n-nuqqas ta' kooperazzjoni interna u ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni kif deskritt fil-premessa 24 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015.

(45)

Minħabba dak in-nuqqas ta' dejta Comoros ma tistax tiżgura b'mod xieraq it-traċċabilità tal-prodotti tal-ħut u għaldaqstant ma tistax tipprevjeni l-kummerċ ta' prodotti tas-sajd IUU. Minħabba n-nuqqas stabbilit ta' traċċabilità u n-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet ta' Comoros dwar il-ħut li jkun inħatt jew ġie trażbordat mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha, Comoros naqset milli tipprevjeni l-prodotti tas-sajd li joriġinaw minn sajd IUU milli jitniżżlu fil-portijiet tagħha, bir-riskju konsegwenti li dawk il-prodotti jingħataw aċċess għas-suq. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax tassigura li l-kummerċ ta' prodotti tas-sajd li jsir f'dan il-pajjiż ma joriġinax minn sajd IUU. F'dan ir-rigward, Comoros naqset ukoll milli tqis ir-rakkomandazzjonijiet fil-punt 24 tal-IPOA IUU li jagħtu parir lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza komprensivi u effettivi tas-sajd mill-bidu tiegħu sal-punt tal-ħatt l-art u sad-destinazzjoni finali.

(46)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, Comoros ma introduċiet l-ebda miżura korrettiva xierqa sabiex tirrettifika s-sitwazzjoni deskritta hawn fuq. Għalhekk, Comoros mhijiex f'pożizzjoni li tiggarantixxi t-trasparenza tas-swieq tagħha b'mod li jippermetti t-traċċabilità tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut kif mitlub fil-Punt 71 tal-IPOA IUU u l-Artikolu 11.1.11 tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO.

(47)

Fid-dawl tal-premessi 20 sa 35 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 u tal-iżviluppi wara l-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni tqis, skont l-Artikolu 31(3), (4)(a) u (4)(b) tar-Regolament IUU, li Comoros naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq fir-rigward tal-bastimenti IUU u tas-sajd IUU li jsir jew li jiġi appoġġat minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jew minn ċittadini tagħha u ma ħadet l-ebda azzjoni xierqa biex tipprevjeni l-aċċess ta' prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn sajd IUU għas-suq tagħha.

3.2.   Nuqqas ta' kooperazzjoni u infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(48)

Kif deskritt fil-premessi 37 sa 41 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni analizzat jekk Comoros ikkooperax b'mod effettiv mal-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet u l-attivitajiet relatati.

(49)

Wara d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni sabet diffikultajiet sabiex tistabbilixxi l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' Comoros. L-affidabbiltà tat-tweġibiet tagħhom kienet kompromessa wkoll mit-trażmissjoni ta' tweġibiet parzjali li kienu jinkludu informazzjoni kontradittorja u li kienu juru wkoll livell baxx ta' rispons.

(50)

Barra minn hekk, f'Awwissu 2016 il-Kummissjoni ħadet l-opportunità taż-żjara tagħha f'Comoros sabiex tistieden lill-awtoritajiet ta' Comoros jipprovdu għadd ta' dokumenti. Sa din id-Deċiżjoni u minkejja t-talba ta' segwitu għal informazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet ta' Comoros fit-2 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni ma rċevietx dawn id-dokumenti.

(51)

Barra minn hekk, id-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni fir-rigward tal-pjan ta' azzjoni wara d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 ma wasslu għal ebda azzjoni konkreta.

(52)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta fil-premessi 33, 34 u 50, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li ma ġiet kondiviża l-ebda informazzjoni kruċjali mal-Kummissjoni.

(53)

Dan in-nuqqas ta' kooperazzjoni huwa aggravat min-nuqqas ta' koordinazzjoni interna fi ħdan l-amministrazzjoni ta' Comoros, bejn l-awtorità responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti u dik responsabbli mis-sajd, li ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet ta' Comoros matul iż-żjara tal-Kummissjoni f'Awwissu 2016. F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni stabbiliet li wara d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 kien sar biss ftit jew l-ebda progress dwar dan in-nuqqas serju u li ma ġiet kondiviża l-ebda informazzjoni kruċjali fi ħdan l-amministrazzjoni ta' Comoros.

(54)

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-qadi tad-dmirijiet ta' Comoros bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq, il-Kummissjoni, kif indikat fil-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, analizzat ukoll jekk Comoros ikkooperatx ma' Stati oħra fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(55)

Kif enfasizzat fil-premessi 39 sa 41, il-Kummissjoni stabbiliet li l-bastimenti tas-sajd u l-bastimenti relatati mas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Comoros qed joperaw barra mill-EEZ ta' Comoros u miż-żona ta' kompetenza tal-IOTC, b'mod partikolari fil-Lvant tal-Atlantiku. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi t-tentattivi ta' Comoros sabiex tistabbilixxi mezzi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Lvant tal-Atlantiku permezz ta' korpi reġjonali tas-sajd li jkopru ż-żoni fejn joperaw il-bastimenti ta' Comoros. Comoros spjegat li saru inizjattivi biex tidħol f'kuntatt dirett mal-pajjiżi terzi li fihom qed joperaw il-bastimenti ta' Comoros u l-Kummissjoni offriet soluzzjonijiet sabiex tiffaċilita dawn il-kuntatti. Madankollu, il-Kummissjoni għadha ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar skambji possibbli.

(56)

Ta' min ifakkar li l-premessa 34 tispjega li ntbagħtu talbiet għall-assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-awtoritajiet ta' Comoros rigward l-istatus u l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd u tal-bastimenti relatati mas-sajd ta' Comoros. Il-Kummissjoni ġiet infurmata wkoll li anki pajjiżi terzi ħadu inizjattivi simili. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-livell inadegwat ta' kooperazzjoni mill-awtoritajiet ta' Comoros fl-iskambji tagħhom mal-Kummissjoni wkoll affettwa dawn it-talbiet għall-assistenza reċiproka. Din is-sitwazzjoni kkompromettiet l-azzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi kkonċernati lejn għadd ta' bastimenti ta' Comoros abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta' Comoros.

(57)

Is-sitwazzjoni deskritta fil-premessi 54 sa 56 tindika li Comoros naqset milli tikkoopera u tikkoordina b'mod effettiv attivitajiet mal-Istati li fihom joperaw il-bastimenti ta' Comoros, sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU f'konformità mal-punt 28 tal-IPOA IUU. B'mod partikolari, kif stabbilit fil-punt 31 tal-IPOA IUU, Comoros bħala Stat tal-bandiera għandha tikkonkludi ftehimiet jew arranġamenti ma' Stati oħra u tikkoopera għall-infurzar tal-liġijiet applikabbli u l-miżuri jew id-dispożizzjonijiet ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni adottati fuq livell nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali.

(58)

Kif enfasizzat fil-premessa 44 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk Comoros ħaditx miżuri effettivi ta' infurzar fir-rigward tal-operaturi responsabbli għas-sajd IUU u jekk ġewx applikati sanzjonijiet severi biżżejjed li jċaħħdu lil dawk li jiksru l-liġi mill-benefiċċji li jirriżultaw mis-sajd IUU.

(59)

L-evidenza disponibbli tikkonferma li Comoros ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-miżuri effettivi ta' infurzar.

(60)

Kif spjegat fil-premessa 31, l-awtoritajiet ta' Comoros irrikonoxxew li l-ebda bastiment ta' Comoros ma għandu jopera barra mill-EEZ ta' Comoros mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet ta' Comoros u l-ebda bastiment tas-sajd jew bastiment relatat mas-sajd ta' Comoros ma għandu jwettaq attivitajiet tas-sajd jew relatati mas-sajd barra miż-żona ta' kompetenza tal-IOTC. Ta' min jinnota wkoll li waqt l-iskambji li saru fil-kuntest tat-talbiet għall-assistenza li kienu jirrigwardaw sa 12-il bastiment ta' Comoros attivi fi trażbordi fuq il-baħar u operazzjonijiet konġunti, l-awtoritajiet ta' Comoros ipprovdew lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dikjarazzjonijiet bil-miktub fejn iċċertifikaw li t-trażbordi fuq il-baħar huma pprojbiti mill-awtoritajiet ta' Comoros, u li għalhekk, dawn il-bastimenti qed iwettqu attivitajiet ta' sajd IUU.

(61)

Madankollu, il-Kummissjoni stabbiliet li, wara d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 l-awtoritajiet ta' Comoros ma rrappurtawx li ħadu xi miżura ta' infurzar kontra l-bastimenti li joperaw barra mill-EEZ ta' Comoros, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet ta' Comoros, kif ukoll barra miż-żona ta' kompetenza tal-IOTC.

(62)

Barra minn hekk, kif deskritt fil-premessa 32, huwa nnotat li effettivament kien ingħata perjodu ta' konċessjoni ta' sitt xhur li beda minn Awwissu 2016 lill-bastimenti tas-sajd u lill-bastimenti relatati mas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Comoros li joperaw bi ksur tal-liġi u tar-rekwiżiti ta' Comoros. Din id-deċiżjoni, flimkien mas-sitwazzjoni deskritta fil-premessa 56, ikkompromettiet l-azzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lejn għadd ta' bastimenti ta' Comoros abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta' Comoros. Il-Kummissjoni ġiet infurmata mill-awtoritajiet ta' Comoros dwar it-tneħħija possibbli tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti li ma jirregolarizzawx is-sitwazzjoni tagħhom sa tmiem il-perjodu ta' konċessjoni ta' sitt xhur. Madankollu, ta' min jinnota li t-tneħħija possibbli tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti ma tassigurax li dawk li jwettqu ksur jiġu sanzjonati b'mod xieraq fis-severità u mċaħħda mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom.

(63)

Barra minn hekk, matul iż-żjara tagħha f'Awwissu 2016, il-Kummissjoni sabet ukoll li l-awtoritajiet ma kienu adottaw l-ebda deċiżjoni konkreta dwar it-tneħħija tar-reġistrazzjoni. Fi kwalunkwe każ, tali tneħħija teoretika tar-reġistrazzjoni ma tinvolvix it-twettiq ta' investigazzjonijiet tal-attivitajiet tas-sajd IUU mwettqa mill-bastimenti jew l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet għall-każijiet stabbiliti ta' ksur.

(64)

Abbażi tal-informazzjoni miġbura waqt iż-żjara tagħha f'Awwissu 2016, il-Kummissjoni sabet li l-awtoritajiet responsabbli mis-sajd ta' Comoros kienu elaboraw lista ta' kontroll li telenka l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd b'appoġġ għar-regolarizzazzjoni matul il-perjodu ta' konċessjoni ta' sitt xhur imsemmi taħt il-premessa 62. Dan id-dokument ġie trażmess lill-awtoritajiet ta' Comoros responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti. L-għan kien li d-dokument jiġi trażmess lill-persuni ġuridiċi privati barra minn Comoros li lilhom ġiet parzjalment delegata l-ġestjoni tar-reġistru tal-flotta tas-sajd u tal-flotta relatata mas-sajd ta' Comoros. Dawn il-persuni ġuridiċi privati kienu inkarigati sabiex jittrażmettu l-imsemmi dokument lill-operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni stabbiliet li dan id-dokument huwa ta' natura teoretika ħafna u ma jirriflettix l-elementi tekniċi neċessarji li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi biex jikkonformaw mal-liġi ta' Comoros u lill-awtoritajiet ta' Comoros biex jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-bastimenti kkonċernati ta' Comoros.

(65)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni msemmija fil-premessi 62 sa 64, il-Kummissjoni stabbiliet li l-awtoritajiet ta' Comoros ma ħadu l-ebda miżura ta' prekawzjoni xierqa fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd u tal-bastimenti relatati mas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Comoros li qed joperaw bi ksur tal-liġi u tar-rekwiżiti ta' Comoros.

(66)

Barra minn hekk, ta' min ifakkar li, kif indikat fil-premessa 46 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, l-awtoritajiet ta' Comoros, qabel din id-Deċiżjoni, kienu diġà jafu li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom kienu, bi ksur tal-liġi u tar-rekwiżiti ta' Comoros, qed joperaw barra mill-EEZ ta' Comoros u ma kinux ħadu miżuri ta' infurzar fir-rigward ta' dawk il-bastimenti.

(67)

Is-sitwazzjoni msemmija fil-premessi 58 sa 66 tmur kontra l-Artikolu 94 tal-UNCLOS rigward l-obbligi tal-Istat tal-bandiera li jeżerċita b'mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu u l-kaptani, l-uffiċjali u l-ekwipaġġi tiegħu. Din tmur ukoll kontra r-rakkomandazzjonijiet biex jittieħdu miżuri ta' infurzar fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd IUU u biex dawn l-attivitajiet jiġu ssanzjonati b'severità suffiċjenti biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw b'mod effettiv is-sajd IUU u biex dawk li jiksru l-liġi jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jirriżultaw minn dak is-sajd, kif stabbilit fil-paragrafu 8(2)(7) tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO, il-punt 21 tal-IPOA IUU u l-punti 31 sa 33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istati tal-Bandiera.

(68)

Huwa nnotat li l-qafas legali tas-sajd ta' Comoros għadu msejjes fuq il-Kodiċi tas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bl-Att Nru 07-011/AU tad-29 ta' Awwissu 2007 u d-Digriet Nru 15-050/PR tal-15 ta' April 2015 fis-seħħ fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015. Ta' min ifakkar ukoll li l-premessi 49 u 50 ta' dik id-Deċiżjoni jistabbilixxu li: (i) l-awtoritajiet ta' Comoros irrikonoxxew il-ħtieġa li jiġu elaborati aktar testi ta' implimentazzjoni tal-Kodiċi tas-Sajd u tal-Akkwakultura sabiex tiġi assigurata l-konsistenza bejn il-liġi nazzjonali u r-regoli internazzjonali u reġjonali applikabbli; (ii) il-Kodiċi tas-Sajd u tal-Akkwakultura ta' Comoros ma jinkludix bastimenti li jwettqu attivitajiet relatati mas-sajd fid-definizzjoni ta' bastimenti tas-sajd; u (iii) filwaqt li l-qafas legali ta' Comoros ikopri ksur serju kif definit skont id-dritt internazzjonali, huwa ma jiddefinix b'mod espliċitu s-sajd IUU u ma jipprevedix b'mod ċar miżuri ta' infurzar u sanzjonijiet għal ċittadini li jappoġġaw jew ikunu involuti f'sajd IUU kif deskritt fil-punti 18 u 21 tal-IPOA IUU.

(69)

Ta' min ifakkar ukoll li l-premessa 50 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 stabbiliet li, rigward is-sistema tas-sanzjonijiet, il-multi previsti fil-kuntest ta' attivitajiet tas-sajd industrijali huma bbażati fuq il-valur tat-tariffi tal-liċenzji. Madankollu, il-kategoriji ta' liċenzji tas-sajd definiti skont il-leġiżlazzjoni ta' Comoros huma limitati biss għal speċijiet ta' tonn. Għaldaqstant, f'każijiet ta' ksur ta' flotta industrijali li timmira speċijiet oħra, ma hemm l-ebda multa korrispondenti, minħabba n-nuqqas ta' tariffi korrispondenti tal-liċenzji. Din is-sitwazzjoni tnaqqas il-livell ta' deterrenza tas-sistema tas-sanzjonijiet ta' Comoros u ma tippermettix lill-awtoritajiet ta' Comoros li jissanzjonaw attivitajiet tas-sajd IUU b'severità biżżejjed sabiex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw b'mod effettiv dawn l-attivitajiet u sabiex iċaħħdu lil dawk li jiksru l-liġi mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom.

(70)

Ta' min jinnota li l-awtoritajiet ta' Comoros responsabbli mis-sajd ippreżentaw lill-Kummissjoni abbozz ta' emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bl-Att Nru 07-011/AU tad-29 ta' Awwissu 2007 u tad-Digriet Nru 15-050/PR tal-15 ta' April 2015. Matul iż-żjara tagħha f'Awwissu 2016, il-Kummissjoni madankollu stabbiliet li l-proċess ta' reviżjoni huwa affettwat mill-ambjent amministrattiv inadegwat. Il-Kummissjoni sabet ukoll li parti mill-amministrazzjoni ta' Comoros kienet tqis il-proċess ta' reviżjoni bħala opportunità sabiex issaħħaħ il-politika dwar il-bandiera ta' konvenjenza ta' Comoros. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-qafas legali għadu inadegwat f'termini tal-konformità mar-regoli internazzjonali u reġjonali applikabbli.

(71)

Abbażi tal-informazzjoni miġbura mingħand l-awtoritajiet ta' Comoros kif ukoll matul iż-żjara tagħha f'Awwissu 2016, il-Kummissjoni sabet li ħafna mill-obbligi previsti skont il-liġi ta' Comoros għadhom mhumiex implimentati u infurzati minn Comoros (eż. l-obbligu ta' trażmissjoni ta' informazzjoni tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti u r-rappurtar tad-dejta dwar il-qabda, ir-restrizzjonijiet fuq iż-żona fejn joperaw il-bastimenti ta' Comoros, eċċ.). Kif intqal fil-premessa 47 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, din is-sitwazzjoni tenfasizza n-nuqqas ta' kapaċità tal-awtoritajiet li jimmonitorjaw l-operazzjonijiet tal-bastimenti ta' Comoros u timmina l-kapaċità tal-awtoritajiet li jinfurzaw b'mod effettiv ir-regoli applikabbli għaż-żoni differenti kkonċernati.

(72)

Barra minn hekk, ma sar l-ebda progress fir-rigward tal-fatti deskritti fil-premessa 51 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, rigward in-nuqqas ta' pjan ta' spezzjoni nazzjonali sabiex tiġi assigurata politika koerenti dwar il-kontroll tal-operazzjonijiet tal-flotta ta' Comoros, u l-għadd insuffiċjenti ta' osservaturi.

(73)

Matul iż-żjara tagħha f'Awwissu 2016, il-Kummissjoni sabet li, minkejja ammissjoni mill-awtoritajiet ta' Comoros rigward in-nuqqas ta' kapaċità tagħhom sabiex jimmonitorjaw u jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd u dawk relatati mas-sajd tal-flotta ta' Comoros kull fejn din topera u l-flotta barranija li topera fi ħdan l-EEZ ta' Comoros, xorta kien hemm il-ħsieb li ssir espansjoni tal-istrateġija dwar il-flotta.

(74)

Kif enfasizzat fil-premessi 67 sa 72 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-livell ta' żvilupp ta' Comoros ma jistax jitqies bħala fattur li jimmina l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw ma' pajjiżi oħra u jieħdu azzjonijiet ta' infurzar. L-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mil-livell ta' żvilupp ta' Comoros hija deskritta aktar fil-premessi 88 sa 93 ta' din id-Deċiżjoni.

(75)

Fid-dawl tal-premessi 37 sa 54 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 u tal-iżviluppi li seħħew wara l-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni tqis li, skont l-Artikolu 31(3) u 31(5)(a)(b), (c) u (d) tar-Regolament IUU, Comoros naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, kostali, tal-port u tas-suq fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-isforzi ta' infurzar.

3.3.   Nuqqas ta' implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU).

(76)

Kif deskritt fil-premessi 57 sa 60 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni meqjusa rilevanti mid-dejta disponibbli ppubblikata mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), b'mod partikolari l-IOTC u l-Kummissjoni għas-Sajd fil-Lbiċ tal-Oċean Indjan (SWIOFC). Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-informazzjoni meqjusa rilevanti fir-rigward tal-istatus ta' Comoros bħala parti kontraenti tal-IOTC u l-SWIOFC wara d-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015.

(77)

Ta' min ifakkar li l-premessi 57 u 58 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 iddeskrivew il-kwistjonijiet ripetuti u mhux ripetuti ta' konformità ta' Comoros mar-Riżoluzzjonijiet tal-IOTC identifikati għall-2014 fir-Rapport ta' Konformità tal-IOTC għal Comoros ippreżentat fil-25 ta' Marzu 2015 (4).

(78)

Skont l-informazzjoni miksuba mir-Rapport ta' Konformità tal-IOTC għal Comoros ippubblikat fis-16 ta' April 2016 (5), fl-2015 ġew identifikati diversi kwistjonijiet ripetuti ta' konformità. B'mod partikolari, Comoros ikkonformat biss parzjalment mar-rekwiżiti li: (i) tipprovdi statistika aggregata dwar il-qabda nominali għall-klieb il-baħar, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 05/05; (ii) tipprovdi statistika aggregata dwar il-qabda u l-isforz għall-klieb il-baħar, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 05/05; u (iii) tipprovdi statistika aggregata dwar il-frekwenza tad-daqs għall-klieb il-baħar, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 05/05. Barra minn hekk, Comoros ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar il-kopertura skont l-irkaptu għall-ħatt artiġjanali, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 11/04.

(79)

Fl-istess rapport ġew identifikati wkoll kwistjonijiet mhux ripetuti ta' konformità. Comoros ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar il-projbizzjoni fuq il-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 13/06 u ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-FAO dwar il-fkieren tal-baħar, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 12/04.

(80)

Il-kwistjonijiet ta' konformità ta' Comoros mar-Riżoluzzjonijiet tal-IOTC juru n-nuqqas ta' Comoros li tissodisfa l-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera kif stabbiliti fl-Artikolu 94 tal-UNCLOS. Juru wkoll li Comoros mhux qed issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-punti 31 sa 33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istati tal-Bandiera u tal-punt 24 tal-IPOA IUU.

(81)

Bl-eċċezzjoni tal-IOTC u tal-SWIOFC, Comoros mhix parti kontraenti ta' RFMOs oħra. Meta wieħed iqis l-istruttura tal-flotta ta' Comoros, li ma toperax biss fir-reġjun tal-Oċean Indjan, din is-sejba timmina l-isforzi ta' Comoros biex tissodisfa l-obbligi skont il-UNCLOS, b'mod partikolari l-Artikoli 117 u 118.

(82)

Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-UNCLOS, Comoros ma rratifikatx strumenti legali internazzjonali oħra marbuta mal-ġestjoni tas-sajd. Meta wieħed iqis l-importanza tal-istokkijiet ta' ħut transżonali u li jpassi ħafna għal Comoros, din is-sejba timmina l-isforzi ta' Comoros biex taqdi dmirijietha bħala Stat tal-bandiera, kostali, tal-port u tas-suq skont il-UNCLOS, b'mod partikolari l-Artikoli 63 u 64.

(83)

Il-prestazzjoni ta' Comoros fl-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali mhijiex ukoll skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-punt 11 tal-IPOA IUU li jħeġġeġ lill-Istati, bħala kwistjoni ta' prijorità, biex jirratifikaw, jaċċettaw jew jaderixxu mal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna (UNFSA) u l-Ftehim ta' Osservanza tal-FAO. Hija tonqos ukoll milli ssegwi l-punt 14 li jistipula li l-Istati għandhom jimplimentaw b'mod sħiħ u effettiv il-Kodiċi ta' Kondotta u l-Pjanijiet ta' Azzjoni Internazzjonali assoċjati miegħu.

(84)

Barra minn hekk, Comoros ma rratifikatx il-Ftehim tal-FAO tal-2009 dwar Miżuri tal-Istat tal-Port.

(85)

Kuntrarju għar-rakkomandazzjonijiet tal-punti 25 sa 27 tal-IPOA IUU, sal-lum Comoros għadha ma żviluppatx pjan ta' azzjoni nazzjonali kontra s-sajd IUU.

(86)

Mill-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet ta' Comoros, il-Kummissjoni sabet li l-ġestjoni tar-reġistru tal-flotta tas-sajd u tal-flotta relatata mas-sajd ta' Comoros għadha parzjalment delegata lil persuni ġuridiċi privati li jinsabu barra Comoros. Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Comoros, ġie stabbilit li Comoros naqset milli tassigura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jkollhom rabta ġenwina mal-pajjiż. Dan imur kontra l-Artikolu 91 tal-UNCLOS li jistipula li għandha teżisti rabta ġenwina bejn l-Istat tal-bandiera u l-vapuri tiegħu.

(87)

Fid-dawl tal-premessi 55 sa 65 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 u l-iżviluppi wara l-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni tqis li, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, Comoros naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, ir-regolamentazzjonijiet kif ukoll il-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni internazzjonali.

3.4.   Restrizzjonijiet speċifiċi ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw (l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU)

(88)

Ta' min ifakkar li Comoros għandha indiċi tal-iżvilupp tal-bniedem baxx u fl-2014 ġiet ikklassifikata fil-159 post minn 188 pajjiż (6) skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI). Ta' min ifakkar ukoll li fir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) Comoros tinsab elenkata fil-kategorija tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (8).

(89)

Ma nstabet l-ebda evidenza korroborattiva li tissuġġerixxi li n-nuqqas ta' Comoros li taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali huwa r-riżultat ta' limitazzjonijiet tal-iżvilupp. Għalkemm jista' jkun hemm limitazzjonijiet speċifiċi ta' kapaċità b'mod ġenerali fir-rigward tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, il-limitazzjonijiet speċifiċi ta' Comoros li ġejjin mil-livell ta' żvilupp tagħha ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqasijiet identifikati fit-taqsimiet preċedenti. Dan jirrigwarda b'mod partikolari l-istatus tar-reġistru ta' Comoros u n-nuqqas totali ta' kontroll ta' parti mill-flotta ta' Comoros.

(90)

Kif intqal fil-premessa 69 tad-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015, jidher li n-nuqqasijiet identifikati jirriżultaw primarjament mill-ambjent amministrattiv inadegwat u n-nuqqas ta' kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni ta' Comoros sabiex jiġi assigurat il-qadi effiċjenti u effettiv tad-dmirijiet ta' Comoros bħala Stat tal-bandiera, kostali, tal-port u tas-suq. Din is-sitwazzjoni hija aggravata mid-daqs żbilanċjat tal-flotta tas-sajd u tal-flotta relatata mas-sajd ta' Comoros u taż-żona ta' operazzjoni tagħha.

(91)

Ta' min ifakkar ukoll li l-Unjoni Ewropea u Comoros iffirmaw Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd (9). L-aħħar protokoll (10) ta' dan il-ftehim kien jinkludi appoġġ finanzjarju settorjali fil-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lil Comoros. L-appoġġ finanzjarju settorjali kellu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp tas-sajd sostenibbli billi jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u xjentifika permezz ta' enfasi fuq il-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd sostenibbli. Dan kellu jikkontribwixxi biex jgħin lil Comoros taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq u biex tiġġieled is-sajd IUU.

(92)

Barra minn hekk, Comoros tikseb ukoll appoġġ minn inizjattivi reġjonali bħall-proġett SmartFish li huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u li huwa implimentat mill-Kummissjoni tal-Oċean Indjan (IOC) u li għandu l-għan, fost oħrajn, li jiġġieled kontra s-sajd IUU permezz ta' riżorsi kondiviżi; l-iskambju ta' informazzjoni; it-taħriġ u l-iżvilupp ta' skemi operattivi għall-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza; u l-Ewwel Proġett dwar il-Governanza u t-Tkabbir Kondiviż tas-Sajd fil-Lbiċ tal-Oċean Indjan tal-Bank Dinji, li għandu l-għan li jtejjeb l-effettività tal-ġestjoni ta' ċerti tipi magħżula ta' sajd ta' prijorità fil-livell reġjonali, nazzjonali u komunitarju.

(93)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f'din it-Taqsima, magħmula abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll tal-informazzjoni ppreżentata minn Comoros, il-Kummissjoni stabbiliet li, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, jidher xieraq li jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet speċifiċi ta' Comoros fid-dawl tal-istatus ta' żvilupp tagħha, li jistgħu jdgħajfu l-prestazzjoni ġenerali ta' Comoros fil-ġestjoni tas-sajd. Madankollu, wara li tqieset in-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti ta' Comoros, ġie stabbilit li l-livell ta' żvilupp ta' Comoros ma jistax jiskuża għalkollox jew inkella jiġġustifika l-prestazzjoni ġenerali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq fir-rigward tas-sajd u l-insuffiċjenza tal-azzjonijiet tagħha biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

4.   KONKLUŻJONI DWAR L-IDENTIFIKAZZJONI TA' PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(94)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tan-nuqqas ta' Comoros fil-qadi ta' dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq, u biex tieħu azzjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU, dak il-pajjiż għandu jiġi identifikat, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(95)

B'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 18(1)(g) tar-Regolament IUU, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrifjutaw l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti tas-sajd mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu xi evidenza addizzjonali jew jagħmlu talba għall-assistenza lill-Istat tal-bandiera meta jkunu konxji li ċ-ċertifikat tal-qabda ġie vvalidat mill-awtoritajiet ta' Stat tal-bandiera identifikat bħala Stat li ma jikkooperax skont l-Artikolu 31 ta' dak ir-Regolament.

(96)

Għandu jiġi ddikjarat li l-identifikazzjoni ta' Comoros bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax ma tipprekludi l-ebda pass sussegwenti li jista' jittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill għall-finijiet tal-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx.

5.   KUMITAT TA' PROĊEDURA

(97)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Comoros hija identifikata bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 324, 2.10.2015, p. 6).

(3)  L-ittra lill-Ministru tal-Produzzjoni, l-Ambjent, l-Enerġija, l-Industrija u l-Artiġjanat ta' Comoros tal-1 ta' Ottubru 2015.

(4)  Informazzjoni miġjuba minn: http://www.iotc.org/sites/default/files/documents/2015/04/IOTC-2015-CoC12-CR04E-Comoros.pdf

(5)  Informazzjoni miġjuba minn: http://www.iotc.org/compliance/monitoring

(6)  Informazzjoni miġjuba minn: http://hdr.undp.org/en/composite/HDI

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(8)  Informazzjoni miġjuba minn: http://www.oecd.org/dac/stats/documentupload/DAC%20List%20of%20ODA%20Recipients%202014%20final.pdf

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1563/2006 tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros (ĠU L 290, 20.10.2006, p. 6).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/786/UE tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar il-firma, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 4) u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 5).