16.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/824

tal-15 ta' Mejju 2017

dwar ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/401/PESK tas-26 ta' Ġunju 2014 dwar iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mid-Direttur taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-test imfassal mill-Bord taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea huwa aġenzija tal-Unjoni Ewropea, affiljat mal-Organizzazzjonijiet Koordinati. Ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu adattati għall-iżvilupp taċ-Ċentru u tal-qafas regolatorju ġenerali tar-regoli tal-persunal prevalenti fl-Organizzazzjonijiet Koordinati u għalhekk ir-rieżami tagħhom huwa neċessarju.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, kif adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Settembru 2009 (2) għandhom għalhekk jiġu sostitwiti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, kif adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Settembru 2009, huma b'dan sostitwiti bir-Regolamenti tal-Persunal annessi ma' din Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fl-1 ta' Ġunju 2017. Hija għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 188, 27.6.2014, p. 73.

(2)   ĠU L 276, 21.10.2009, p. 1.


ANNESS

Werrej

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI 9

TITOLU II

STATUS TAL-MEMBRI TAL-PERSUNAL 11

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet Ġenerali 11

Kapitolu II

Reklutaġġ u durata tal-ħatra 12

Kapitolu III

Salarji u allowances 15

Kapitolu IV

Spejjeż tal-Ivvjaġġar 20

Kapitolu V

Organizzazzjoni Interna 21

Kapitolu VI

Rapporti u Promozzjoni 24

Kapitolu VII

Miżuri Dixxiplinarji 25

Kapitolu VIII

Appelli u Bord tal-Appelli 25

Kapitolu IX

Skemi tal-Pensjoni 26

Kapitolu X

Sekondar tal-Membri tal-Persunal tas-SATCEN 26

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦALL-PERSUNAL LOKALI 27

TITOLU IV

RAPPREŻENTANZA TAL-IMPJEGATI 28
ANNESS I 29
ANNESS II 30
ANNESS III 31
ANNESS IV 32
ANNESS V 33
ANNESS VI 34

Taqsima I

Spejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-persunal u l-familji tagħhom bejn il-post ta' residenza tagħhom u l-post tas-servizz 34

Taqsima II

Spejjeż tar-Rilokazzjoni 34
ANNESS VII 36

Taqsima I

Mezzi ta' trasport 36

Taqsima II

Allowance tas-sussistenza għall-membri tal-persunal li jivvjaġġaw fuq xogħol uffiċjali 37
ANNESS VIII 39
ANNESS IX 41

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali 41

Taqsima 2

Bord dixxiplinari 42

Taqsima 3

Miżuri dixxiplinarji 42

Taqsima 4

Proċedimenti dixxiplinarji li ma jinvolvux lill-bord dixxiplinari 43

Taqsima 5

Proċedimenti Dixxiplinarji quddiem il-bord dixxiplinari 43

Taqsima 6

Sospensjoni 45

Taqsima 7

Prosekuzzjoni kriminali parallela 45

Taqsima 8

Dispożizzjonijiet finali 45
ANNESS X 47

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kondizzjonijiet ġenerali

1.   Dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw għall-impjegati reklutati b'kuntratt miċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħin “impjegati” u “SATCEN” rispettivament), ħlief fejn il-Bord ikun ħa deċiżjonijiet kuntrarji fir-rigward tad-Direttur u l-Viċi Direttur.

2.   It-terminu “impjegat” ikopri l-persuni fiżiċi li ġejjin:

(a)

membri tal-persunal, li għandhom kuntratti mas-SATCEN u jokkupaw pożizzjonijiet baġitarji elenkati fit-tabella ta' membri tal-persunal annessa kull sena għall-baġit tas-SATCEN;

(b)

persunal lokali, li għandhom kuntratti mas-SATCEN taħt il-leġislazzjoni nazzjonali lokali.

3.   Kwalunkwe referenza f'dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għal persuna tas-sess maskil għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminili, u viċeversa, sakemm il-kuntest ma jindikax biċ-ċar mod ieħor.

4.   It-tabella tal-membri tal-persunal annessa għall-baġit tas-SATCEN għandha tindika n-numru ta' pożizzjonijiet f'kull kategorija u grad.

It-tabella tal-membri tal-persunal għandha tiddifferenzja bejn pożizzjonijiet permanenti u pożizzjonijiet temporanji.

Il-pożizzjonijiet permanenti huma pożizzjonijiet relatati mal-attivitajiet tas-SATCEN li għandhom natura permanenti. Il-pożizzjonijiet temporanji huma pożizzjonijiet marbutin ma' proġetti jew attivitajiet ta' durata limitata.

5.   Id-Direttur tas-SATCEN huwa awtorizzat li jagħmel emendi ta' natura teknika għal dawn ir-Regolamenti tal-Persunal li ma jammontawx għal modifika tal-prinċipji fundamentali stabbiliti f'dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, bil-kunsens tal-Bord.

6.   Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom, kif meħtieġ, jiġu stabbiliti f'Regoli ta' Implimentazzjoni stipulati mid-Direttur, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet applikabbli għall-impjegati kollha

1.   Awtorità

L-impjegati għandhom ikunu suġġetti għall-awtorità tad-Direttur u responsabbli lejh għall-prestazzjoni tad-doveri tagħhom, li huma għandhom jintrabtu li jwettqu skrupolożament u bl-aktar mod kuxjenzjuż possibbli.

L-impjegat għandu jkun responsabbli lejn id-Direttur permezz tas-superjuri tiegħu għall-qadi ta' dmirijietu. Ir-responsabbiltà tas-subordinati tiegħu ma għandha teħilsu mill-ebda responsabbiltà tiegħu ħlief sa fejn kwalunkwe minn dawn is-subordinati seta' kien ħati ta' diżubbidjenza volontarja.

Fejn impjegat, fi dmirijietu, iqis li ordni rċevuta hija irregolari jew x'aktarx, jekk tiġi eżegwita, tikkawża diffikultà serja, għandu jinforma b'dan lis-superjur dirett tiegħu, jekk meħtieġ bil-miktub. Jekk is-superjur immedjat tiegħu jikkonferma l-ordni bil-miktub, l-impjegat għandu jeżegwiha, iżda jista' jitlob li din tiġi riferuta għand awtorità ogħla. M'għandu jkun hemm l-ebda obbligu li tiġi eżegwita ordni li tinvolvi att jew ommissjoni li taqa' taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi penali.

2.   Dikjarazzjoni

Hekk kif jaċċetta l-impjieg mas-SATCEN kull impjegat għandu jissottoskrivi għad-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jien solennement nintrabat li neżerċita bl-aktar mod leali, diskret u kuxjenzjuż il-funzjonijiet fdati lili bħala impjegat taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN), u li nwettaq dawk il-funzjonijiet fl-interessi biss tas-SATCEN. Nintrabat ukoll li mhux ser nitlob jew naċċetta struzzjonijiet fir-rigward tal-qadi ta' dmirijieti minn kwalunkwe gvern jew kwalunkwe awtorità ħlief mis-SATCEN.”

3.   Kondotta u Kunfidenzjalità

L-Impjegati għandhom iġibu ruħhom f'kull ħin b'manjiera li tkun kompatibbli mal-istatus tagħhom bħala rappreżentanti tas-SATCEN. Huma għandhom jastjenu minn kwalunkwe azzjoni jew attività li tista' b'xi mod thedded id-dinjità tal-pożizzjoni tagħhom jew l-isem tajjeb tas-SATCEN.

L-Impjegati għandhom ukoll iġibu ruħhom b'oġġettività u imparzjalità, u għandhom jevitaw kwalunkwe konflitt ta' interess, perċezzjoni jew dehra ta' konflitt ta' interess, fil-qadi ta' dmirijiethom.

L-Impjegati għandhom josservaw diskrezzjoni sħiħa fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-attivitajiet tas-SATCEN. Ħlief fit-twettiq ta' dmirijiethom, ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni mhux ippubblikata akkwistata minnhom matul l-attività uffiċjali tagħhom ħlief bl-awtorizzazzjoni tad-Direttur. Dan l-obbligu jibqa' wara li jkunu ħallew is-SATCEN.

4.   Responsabbiltà finanzjarja

Impjegat jista' jintalab jagħmel tajjeb, b'mod sħiħ jew parzjali, għal kwalunkwe dannu li jsofri s-SATCEN bħala riżultat ta' komportament skorrett volontarju jew negliġenza serja min-naħa tiegħu waqt jew f'konnessjoni mal-prestazzjoni tad-doveri tiegħu, indipendentement minn kwalunkwe proċediment dixxiplinarju.

5.   Sigurtà

L-impjegati għandhom, mal-ħatra, jiffamiljarizzaw ruħhom mar-regolamentazzjoni tal-UE dwar ir-regoli ta' sigurtà applikati mis-SATCEN, kif stipulat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1). Huma għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li fiha jirrikonoxxu r-responsabbiltà dixxiplinari u finanzjarja tagħhom fil-każ li ma josservawx dik ir-regolamentazzjoni.

(a)

L-impjegati kollha jeħtieġ ikollhom approvazzjoni tas-sigurtà li tagħtihom aċċess għal informazzjoni klassifikata waqt il-qadi tad-doveri tagħhom. Talba għal tali approvazzjoni tkun indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti mis-SATCEN. Sakemm tingħata approvazzjoni uffiċjali, id-Direttur jista' jagħti aċċess temporanju għal informazzjoni klassifikata skont ir-Regoli tas-Sigurtà tal-UE fis-seħħ.

(b)

Skont dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli ta' Sigurtà tal-UE fis-seħħ dwar il-ħtieġa li wieħed ikollu approvazzjoni ta' sigurtà, l-ebda ħatra ma tiġi kkonfermata qabel ma l-Awtorità tas-Sigurtà Nazzjonali kompetenti tagħti l-approvazzjoni tas-sigurtà.

(c)

L-impjegati għandhom jinfurmaw minnufih lill-Uffiċjal tas-Sigurtà f'każ ta' suspett ta' telf jew kompromess ta' informazzjoni klassifikata.

6.   Assistenza u kumpens

Is-SATCEN għandu jipprovdi assistenza lill-impjegati li, minħabba l-ħatra jew id-doveri attwali tagħhom fis-SATCEN, u bl-ebda tort tagħhom stess, ikunu suġġetti għal theddid, insulti, diffamazzjoni jew attakk. Kumpens għal danni materjali li jsofru jista' jingħata bil-kondizzjoni li:

(a)

l-impjegat ma jkunx ipprovoka b'intenzjoni jew b'negliġenza d-dannu inkwistjoni;

(b)

ma jkun nkiseb l-ebda rimedju b'xi mod ieħor;

(c)

l-impjegati jgħaddu lis-SATCEN kwalunkwe pretensjoni li huma jista' jkollhom kontra xi parti terza, b'mod partikolari kumpaniji tal-assigurazzjoni.

Id-deċiżjonijiet kollha f'din il-kwistjoni li jistgħu jinvolvu azzjoni jew pagamenti mis-SATCEN għandhom jittieħdu mid-Direttur, li għandu jkollu poter ta' diskrezzjoni li jivvaluta ċ-ċirkostanzi tal-każ u li jiddeċiedi f'liema forma għandha tingħata l-assistenza u liema kumpens, jekk hu l-każ, għandu jingħata.

7.   Drittijiet tal-proprjetà

Id-drittijiet kollha, inklużi t-titolu, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta' privattivi, fi kwalunkwe ħidma mwettqa minn impjegat fil-qadi tad-doveri uffiċjali tiegħu, għandhom jibqgħu tas-SATCEN.

8.   Attivitajiet esterni

(a)

Impjegat m'għandux, mingħajr il-permess tad-Direttur, jaċċetta minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe sors ieħor barra mis-SATCEN kwalunkwe unur, dekorazzjoni, favur, rigal jew pagament ta' kwalunkwe tip, barra mis-servizzi li jkun ta jew qabel ħatriet u jew waqt il-leave speċjali għal servizz militari jew servizz nazzjonali ieħor u fir-rigward ta' servizz bħal dan.

(b)

L-impjegati għandhom jastjenu minn kwalunkwe azzjoni jew dikjarazzjoni pubblika jekk azzjoni, dikjarazzjoni jew pubblikazzjoni bħal din tkun inkompatibbli mad-doveri jew l-obbligi ta' impjegat ċivili internazzjonali jew tista' tinvolvi r-responsabbiltà morali jew materjali tas-SATCEN.

(c)

Impjegat li jixtieq jeżerċita attività esterna, kemm jekk bil-ħlas jew mingħajr ħlas, jew li jwettaq kwalunkwe inkarigu barra s-SATCEN, għandu l-ewwel jikseb il-permess tad-Direttur. Il-permess għandu jiġi rrifjutat biss jekk l-attività jew l-inkarigu inkwistjoni jkun tali li jfixkel il-qadi tad-dmirijiet tal-impjegat jew ikun inkompatibbli mal-interessi tas-SATCEN.

(d)

Impjegat ma jistax, direttament jew indirettament, ikollu interessi bħal dawn f'ditta kummerċjali li jistgħu, min-natura tagħhom, jikkompromettu l-indipendenza tiegħu fil-qadi tad-doveri tiegħu fis-SATCEN.

(e)

Jekk il-konjuġi jew l-imsieħeb reġistrat jew imsieħba reġistrata ta' impjegat qed jaħdem bi qligħ, l-impjegat għandu jinforma lid-Direttur. Jekk in-natura tal-impjieg tirriżulta inkompatibbli ma' dik tal-impjegat jew jekk l-impjegat ma jistax jiggarantixxi li dan ser jintemm fi żmien speċifikat, id-Direttur għandu, wara li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Persunal, jiddeċiedi jekk l-impjegat għandux ikompli fil-pożizzjoni tiegħu jew jiġix trasferit għal pożizzjoni oħra.

9.   Kandidatura għal kariga pubblika jew politika

(a)

L-impjegati li għal raġunijiet personali jixtiequ jikkontestaw għal kariga pubblika jew politika għandhom javżaw lid-Direttur b'dik l-intenzjoni.

(b)

Kwalunkwe impjegat li jikkontesta għal kariga pubblika jew politika għandu jingħata leave mingħajr ħlas li jibda mid-data li huwa jiddikjara li ser jibda l-kampanja elettorali tiegħu.

(c)

Jekk jiġi elett, l-impjegat għandu jitlob it-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu. Din it-terminazzjoni m'għandhiex iġġib magħha xi jedd għal indennizz għat-telf tal-impieg jew allowance ta' kuntratt b'terminu definit.

(d)

Jekk huwa ma jaċċettax il-kariga pubblika jew politika, l-impjegat għandu jkun intitolat li jkompli bil-kariga tiegħu bl-istess salarju u anzjanità li minnhom huwa kien jibbenefika fiż-żmien li beda l-leave mingħajr ħlas tiegħu.

(e)

Iż-żmien mgħoddi f'leave mingħajr ħlas m'għandux jgħodd mal-anzjanità.

TITOLU II

STATUS TAL-MEMBRI TAL-PERSUNAL

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 3

Privileġġi u immunitajiet

Il-privileġġi u l-immunitajiet konferiti lill-membri tal-persunal huma mogħtija fl-interessi tas-SATCEN u mhux għall-konvenjenza personali tagħhom. Huma m'għandhomx jintużaw biex jiġu evitati obbligi privati, jew bħala skuża biex ma jiġux osservati l-liġijiet jew ir-regolamenti tal-pulizija tal-Istat ospitanti.

Fi kwalunkwe kwistjoni li tinvolvi dawk il-privileġġi u immunitajiet, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu minnufih jirrapporta l-kwistjoni lid-Direttur. Fil-każ ta' ksur tal-leġislazzjoni lokali, id-Direttur jista' jiddeċiedi li jneħħi l-privileġġi jew l-immunitajiet jekk iqis li dan ikun meħtieġ.

KAPITOLU II

Reklutaġġ u durata tal-ħatra

Artikolu 4

Reklutaġġ

1.   Offerti ta' impjieg għandhom isiru mid-Direttur, ħlief għall-post ta' Direttur. Is-SATCEN għandu jkun responsabbli għall-pubblikazzjoni ta' pożizzjonijiet vakanti.

2.   Meta pożizzjoni tkun vakanti u ma tkunx tista' timtela' internament, l-avviż ta' pożizzjoni vakanti għandu jkun irreklamat waqt li jkunu ddikjarati d-doveri li għandhom jitwettqu l-kwalifiki għall-pożizzjoni.

3.   Il-membri tal-persunal għandhom jinħatru mid-Direttur abbażi tal-mertu u permezz ta' proċeduri kompetittivi ġusti u trasparenti.

4.   Il-kandidati għandhom juru konoxxenza profonda ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u konoxxenza sodisfaċenti ta' tali lingwa oħra safejn meħtieġ għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

5.   Ir-reklutaġġ ta' membri tal-persunal għandu jkun limitat għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

6.   Il-membri tal-persunal regolati minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati skont il-kategoriji u l-gradi tal-Organizzazzjonijiet Koordinati.

7.   Il-membri tal-persunal għandhom jiġu reklutati fl-inqas skala tal-grad tal-pożizzjoni li għalih ġew magħżula. Madankollu, id-Direttur jista' jagħmel xi eċċezzjonijiet fejn dak ikun ġustifikat.

8.   Id-Direttur għandu jiddetermina liema pożizzjonijiet iridu jimtlew bi proċedura ta' eżami intern jew bi proċedura ta' kompetizzjoni esterna, u għandu jistabbilixxi t-testijiet li jridu jpoġġu għalihom il-kandidati għal pożizzjonijiet bħal dawn. Bordijiet ta' eżami jew selezzjoni għandhom jingħażlu mid-Direttur minn fost il-membri tal-persunal tas-SATCEN, li magħhom jista' jżid eżaminatur estern.

9.   Il-kandidati mistednin is-SATCEN għal intervista jew eżami għandhom ikunu intitolati għal kontribuzzjoni b'rata fissa għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tagħhom.

Artikolu 5

Limitu tal-età għall-impjieg

Il-limitu tal-età għall-impjieg huwa stabbilit bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-membru tal-persunal jagħlaq il-65 sena.

Għal raġunijiet tas-servizz debitament motivati, id-Direttur jista' jawtorizza estensjonijiet sa massimu ta' tnax-il xahar addizzjonali

Artikolu 6

Eżamijiet mediċi

1.   Qabel ma jkun reklutat, membru tal-persunal għandu jkun eżaminat minn tabib awtorizzat mis-SATCEN li jiċċertifika li huwa fiżikament idoneju biex iwettaq id-doveri tiegħu.

2.   Il-membri tal-persunal għandhom jagħmlu testijiet mediċi kull sena.

3.   It-tabib awtorizzat mis-SATCEN għandu jipprovdi parir espert lid-Direttur dwar l-inadattabbiltà ta' kwalunkwe membru tal-persunal biex ikompli jokkupa l-pożizzjoni tiegħu.

4.   Fejn tingħata opinjoni medika negattiva bħala riżultat tal-eżami mediku previst fil-paragrafi 1 u 3, il-kandidat jew il-membru tal-persunal jista', fi żmien 20 jum minn meta jiġi notifikat mis-SATCEN b'din l-opinjoni, jitlob li l-każ tiegħu jiġi ppreżentat għall-opinjoni ta' kumitat mediku kompost minn tliet tobba, u wieħed minn dawn ikun magħżul mid-Direttur, wieħed mill-membru tal-persunal u wieħed miż-żewġ tobba l-oħrajn.

5.   Il-kumitat mediku għandu jisma' lit-tabib responsabbli għall-opinjoni negattiva inizjali. Fejn il-kumitat mediku jikkonferma l-konklużjoni negattiva tal-eżami mediku prevista:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kandidat għandu jħallas 50 % tat-tariffi u tal-ispejjeż inċidentali;

(b)

fil-paragrafu 3, is-SATCEN l-ewwel għandu jipprova jirriassenja lill-membru tal-persunal għal pożizzjoni oħra adatta għall-kondizzjoni tiegħu. Jekk dan ma jkunx possibbli, is-SATCEN għandu jittermina l-kuntratt tiegħu b'avviż ta' sitt xhur u għandu jitlaqqa' l-bord tal-invalidità biex jistabbilixxi l-intitolament tiegħu għal pensjoni tal-invalidità skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Iskemi tal-Pensjoni tas-SATCEN.

Artikolu 7

Ħatriet

1.   Durata

(a)

Il-membri tal-persunal reklutati għal pożizzjonijiet permanenti għandhom jinħatru għal perijodu inizjali ta' erba' snin. Il-kuntratt għandu jiddikjara li, mhux aktar tard mit-tmiem tat-tielet sena tal-ħatra tagħhom, huma jkunu informati jew:

(i)

li l-ħatra tagħhom mhijiex ser tkun estiża, jew

(ii)

li l-ħatra tagħhom ser tkun estiża għal durata indefinita, jew

(iii)

li l-ħatra tagħhom ser tkun estiża għal perijodu definit, li m'għandux jaqbeż l-erba' snin, jekk id-Direttur jikkunsidra li f'dak l-istadju mhux adatt li tingħata ħatra indefinita. Mhux aktar tard minn sena qabel l-iskadenza ta' dik l-estensjoni, il-membru tal-persunal inkwistjoni għandu jkun informat jew li l-ħatra tiegħu mhijiex ser tkun estiża, jew li l-ħatra tiegħu ser tkun estiża għal durata indefinita.

(b)

Il-kuntratti tal-membri tal-persunal reklutati f'pożizzjonijiet temporanji ma għandhomx ikunu ta' aktar minn erba' snin. Huma jistgħu jiġġeddu, għal perijodu massimu ta' erba' snin.

(c)

Fit-terminazzjoni tal-impjieg, il-membri tal-persunal huma intitolati għal indennizz għat-telf tal-impjieg jew allowance ta' kuntratt b'terminu definit ikkalkulata skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.

2.   Perijodu ta' prova

L-ewwel sitt xhur ta' kuntratti inizjali għandu jkun perijodu ta' prova li jibda fid-data tad-dħul fis-servizz, suġġett għal dan li ġej:

(a)

fejn, tul il-perijodu ta' prova tiegħu membru tal-persunal ma jkunx jista' jaqdi d-doveri tiegħu għal xahar jew iktar, minħabba mard jew aċċident, id-direttur jista' jestendi l-perijodu ta' prova tiegħu b'tul ta' żmien korrispondenti; It-tul totali tal-perijodu ta' prova fl-ebda ċirkostanza ma għandu jaqbeż it-12-il xahar.

(b)

fit-tmiem tal-perijodu ta' prova, għandu jsir rapport dwar l-abbiltà tal-membru tal-persunal biex iwettaq id-doveri tiegħu pertinenti għall-pożizzjoni tiegħu u wkoll dwar il-kondotta u l-effiċjenza tiegħu fis-servizz. Dak ir-rapport għandu jkun ikkomunikat lill-membru tal-persunal;

(c)

membru tal-persunal li l-prestazzjoni tiegħu ma nstabitx adegwata biex tiġġustifika ż-żamma fil-pożizzjoni tiegħu għandu jitkeċċa;

(d)

rapport dwar il-membru tal-persunal bi prova jista' jsir fi kwalunkwe żmien waqt il-perijodu ta' prova jekk il-prestazzjoni tiegħu tinsab b'mod ċar li hija inadegwata. Ir-rapport għandu jkun ikkomunikat lill-persuna kkonċernata;

(e)

abbażi tar-rapport, id-Direttur jista' jiddeċiedi li jkeċċi l-membru tal-persunal qabel it-tmiem tal-perijodu ta' prova billi jingħata notifika ta' xahar; il-perijodu ta' servizz ma jistax, madankollu, jeċċedi l-perijodu normali ta' prova;

(f)

membru tal-persunal li jitkeċċa waqt il-perijodu ta' prova wara rapport negattiv m'għandux ikun intitolat għal kumpens għall-allowance ta' kuntratt b'terminu definit.

Il-perijodu ta' prova għandu jifforma parti integrali mill-perijodu tal-kuntratt inizjali. Huwa għandu jgħodd għad-drittijiet ta' anzjanità u pensjoni.

3.   Terminazzjoni ta' kuntratti

(a)

Is-SATCEN jista' jtemm jew ma jġeddidx kuntratti fil-każijiet li ġejjin:

(i)

bħala riżultat tat-tneħħija tal-pożizzjoni baġitarja okkupata mill-membru tal-persunal, jew jekk id-doveri marbutin mal-pożizzjoni tal-membru tal-persunal huma modifikati b'mod li huwa m'għandux aktar il-kwalifiki jew l-esperjenza meħtieġa għall-pożizzjoni, u l-ebda pożizzjoni alternattiva ma tista' tinstab għalih fis-SATCEN;

(ii)

minħabba l-inadegwatezza professjonali tal-membru tal-persunal, reġistrata kif adatt f'żewġ rapporti suċċessivi, kif iddefinit fl-Artikolu 26;

(iii)

minħabba n-nuqqas ta' idoneità fiżika tal-membru tal-persunal li seħħet waqt is-servizz u li kienet ikkonfermata mill-bord tal-invalidità skont l-Artikolu 6 paragrafu 4;

(iv)

wara l-irtirar mill-Bord tal-Istat Membru li tiegħu l-membru tal-persunal huwa ċittadin;

(v)

wara t-trasferiment tal-kwartieri ġenerali tas-SATCEN, b'distanza ta' aktar minn 100 km, mill-post fejn il-membru tal-persunal kien ingaġġat, u ċ-ċaħda mill-membru tal-persunal li jkun trasferit;

(vi)

wara l-irtirar tal-approvazzjoni tas-sigurtà tal-membru tal-persunal għal raġunijiet barra minn raġunijiet dixxiplinarji;

(vii)

wara kwalunkwe proċedura dixxiplinarja li stabbiliet imġiba ħażina jew responsabbiltà tal-membru tal-persunal kif definit fil-Kapitolu VII jew li rriżultat fl-irtirar tal-approvazzjoni tiegħu tas-sigurtà.

Fil-każijiet imsemmijin taħt il-punti (i) sa (vi), il-kuntratti jistgħu jiġu terminati jew ma jiġux estiżi b'avviż ta' sitt xhur, fil-każ imsemmi taħt il-punt (vii), b'avviż ta' xahar.

(b)

Membru tal-persunal jista' jtemm il-kuntratt tiegħu b'notifika ta' tliet xhur għal kwalunkwe raġuni personali li huwa mhux meħtieġ li jiddikjara.

4.   Kumpens għal telf ta' impjieg u Allowance ta' Kuntratt b'terminu definit.

(a)

Għall-membri tal-persunal li għandhom Kuntratt Indefinit:

Minbarra minħabba raġunijiet dixxiplinarji, it-terminazzjoni ta' kuntratt mis-SATCEN għandu jinvolvi kumpens skont il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Anness I.

It-terminazzjoni ta' kuntratt minn membru tal-persunal ma jintitolahx għall-indennizz għal telf ta' impjieg.

(b)

Għall-membri tal-persunal li għandhom Kuntratt b'terminu definit:

Minbarra minħabba raġunijiet dixxiplinarji, it-terminazzjoni jew in-nuqqas ta' tiġdid ta' kuntratt mis-SATCEN għandu jinvolvi kumpens skont il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Anness I.

It-terminazzjoni ta' kuntratt jew in-nuqqas ta' aċċettazzjoni tal-offerta ta' tiġdid ta' kuntratt minn membru tal-persunal ma jintitolawhx għall-Allowance ta' Kuntratt b'terminu definit.

5.   Żmien iqsar għall-avviż ta' terminazzjoni

Jekk l-interessi tas-servizz ikunu jeħtieġu dan, il-perijodu ta' notifika indikat fil-paragrafu 3(a) jista' jiġi ridott mis-SATCEN; f'dak il-każ, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jkun intitolat għall-pagament ta' somma addizzjonali li tirrappreżenta s-salarju u l-allowances li huwa jkun irċieva kieku d-data attwali tal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu kienet tikkoinċidi mat-tmiem ta' perijodu tan-notifika ta' sitt xhur.

Dan il-paragrafu m'għandux japplika fil-każ ta' terminazzjoni għal raġunijiet ta' dixxiplina.

KAPITOLU III

Salarji u allowances

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Ir-remunerazzjoni mħallsa lill-membri tal-persunal tas-SATCEN għandha tinkludi salarju bażiku, allowance tal-espatrijazzjoni, u allowances tal-familja u dawk soċjali.

Għandhom isiru kontribuzzjonijiet u tnaqqis minn dawk l-emolumenti fir-rigward tat-taxxa interna, l-iskemi tal-pensjoni u tal-għajnuna soċjali.

2.   Il-kontijiet kurrenti tal-membri tal-persunal għandhom jiġu akkreditati bl-ammont dovut mhux aktar tard mill-aħħar ġimgħa ta' xogħol tax-xahar.

3.   Il-membri tal-persunal huma meħtieġa jinformaw lis-SATCEN mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanzi personali tagħhom, li jista' jkollha konsegwenzi finanzjarji. Dawk il-bidliet għandhom ikunu kkunsidrati għar-remunerazzjoni tax-xahar li jsegwi n-notifika tal-bidliet lill-Amministrazzjoni tas-SATCEN; ma għandhomx isiru bidliet għar-remunerazzjoni li tkun diġà tħallset.

4.   Pretensjonijiet kontra s-SATCEN għall-ħlas ta' salarju, indennizzi, allowances, benefiċċji jew somom oħra li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiskadu sentejn wara d-data li fiha l-pagament kien ikun dovut.

Madankollu, it-talbiet għall-allowances previsti f'dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jagħtu lok għal ħlas retroattiv tas-somom korrispondenti datati lura sa mhux aktar minn tliet xhur mid-data meta s-SATCEN ikun irċieva notifika bil-miktub dwar il-fatti li jiddeterminaw id-dritt għal dawn il-pagamenti, appoġġata minn dokumentazzjoni xierqa.

5.   Talba għal ħlas fir-rigward ta' pretensjoni kontra s-SATCEN ippreżentata wara l-iskadenza tal-perijodi ta' preskrizzjoni stabbiliti fil-paragrafu 4 tista' tiġi kkunsidrata jekk id-dewmien ikun dovut għal ċirkustanzi eċċezzjonali.

Il-preskrizzjoni għandha tiġi interrotta b'talba bil-miktub ippreżentata qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' preskrizzjoni.

6.   Id-dritt tas-SATCEN li jirkupra kwalunkwe ħlas li jkun sar mingħajr ma kien dovut għandu jiskadi sentejn wara d-data li fiha s-SATCEN isir konxju li l-ħlas ma kienx dovut.

M'għandu jkun hemm l-ebda preskrizzjoni jekk l-informazzjoni pprovduta ma kinitx preċiża minħabba nuqqas ta' rieda tajba jew negliġenza serja.

7.   Jekk ikun hemm pretensjonijiet pendenti għal ħlasijiet mhux dovuti kontra l-impjegat, l-irkupru għandu jsir permezz ta' tnaqqis minn ħlasijiet ta' kull xahar jew ħlasijiet oħra dovuti lill-persuna kkonċernata, b'kont meħud tas-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tagħha.

Artikolu 9

Salarju

1.   Salarju Bażiku

Is-salarju bażiku nett għandu jkun l-ammont muri għall-grad u l-iskala ta' membru tal-persunal fl-iskali approvati kull sena mill-Bord.

Is-salarju gross għandu jikkorrispondi għas-salarju bażiku nett flimkien mat-taxxa interna dovuta mill-membru tal-persunal.

2.   Aġġustamenti annwali tas-salarji bażiċi u l-allowances

(a)

Is-salarji bażiċi u l-allowances tal-membru tal-persunal għandhom jiġu aġġustati fl-1 ta' Jannar skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kumitat ta' Koordinament dwar ir-Remunerazzjoni (CCR) għal aġġustament tas-salarju u l-allowances għall-perijodu ta' referenza.

(b)

L-aġġustamenti għandhom japplikaw għal salarji bażiċi u allowances fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel.

3.   Klawsola ta' affordabbiltà

(a)

Il-Bord tas-SATCEN jirriżerva d-dritt, jekk ikun iġġustifikat minn ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux previsti:

li jnaqqas l-aġġustament annwali rakkomandat mis-CCR għall-indiċi nazzjonali tal-prezzijiet tal-konsumatur applikabbli u li jintroduċi gradwalment l-ammont ta' aġġustament jew jipposponih għal aktar tard fis-sena kalendarja;

li jiddeċiedi, jekk id-Direttur isib li s-SATCEN ma jista' b'ebda mod ieħor raġonevolment jistenna li jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu u r-rekwiżiti essenzjali għall-operat, li l-aġġustament annwali rrakkomandat mis-CCR jingħata parzjalment jew ma jingħata xejn, kif ukoll li jiddeċiedi dwar iż-żmien għall-ħlas ta' kwalunkwe aġġustament;

(b)

Azzjoni skont (a) għandha tittieħed skont il-prinċipji legali ġenerali applikabbli u wara konsultazzjoni xierqa mal-Bord tas-SATCEN, mad-Direttur u mal-Kumitat tal-Persunal.

(c)

Il-Bord tas-SATCEN jirriżerva d-dritt li jiddetermina jekk għandux isir xi aġġustament ta' rkupru, retroattiv jew għall-kompetittività.

Artikolu 10

Allowance tal-espatrijazzjoni

Għandha titħallas allowance tal-espatrijazzjoni lil membru tal-persunal li, fil-mument tal-ewwel ħatra tiegħu, ma kienx ċittadin tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post permanenti tad-doveri tiegħu u li ma kienx kontinwament residenti fit-territorju ta' dak l-Istat għal tliet snin jew aktar immedjatament qabel l-impjieg tiegħu mis-SATCEN.

Dik l-allowance għandha titwaqqaf f'każ illi l-membru tal-persunal jiġi trasferit fil-pajjiż fejn għandu ċ-ċittadinanza.

L-ammont tal-allowance għandu jiġi kkalkulat skont l-Anness II.

Fejn membru tal-persunal jinħatar mis-SATCEN immedjatament wara li kien impjegat fil-pajjiż fejn iwettaq id-doveri tiegħu minn organizzazzjoni internazzjonali oħra jew mill-amministrazzjoni ta' pajjiżu stess, huwa jkun intitolat għall-allowance tal-espatrijazzjoni u s-snin ta' servizz tiegħu ma' min kien iħaddmu preċedentement għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat l-ammont ta' allowance.

Artikolu 11

Allowances tal-familja u soċjali

1.   Regoli ġenerali

L-allowances previsti f'dan l-Artikolu u allowances simili li għalihom huma intitolati minn sors ieħor koppja miżżewġa, jew membru tal-persunal mhux miżżewweġ, m'għandhomx ikunu kumulattivi.

Kwalunkwe membru tal-persunal, li qed jirċievi, jew li l-konjuġi, id-dipendenti jew sieħeb reġistrat tiegħu qed jirċievi, jew huwa intitolat għal, allowance nazzjonali jew internazzjonali simili għal dawk previsti skont dan l-Artikolu, minn sorsi oħrajn, għandu jinforma lid-Diviżjoni Amministrattiva tas-SATCEN b'dan, sabiex ikun jista' jsir tnaqqis korrispondenti fl-allowances mogħtijin lilu mis-SATCEN.

Kwalunkwe membru tal-persunal li konxjament jinforma ħażin, jew jonqos milli jinforma, lill-amministrazzjoni ta' SATCEN b'fatt rilevanti u b'hekk jirċievi allowance li hu ma kienx intitolat għaliha jew ammont ogħla minn dak li għandu dritt għalih, jikser dan l-artikolu u, bħala konsegwenza, jintalab irodd lura kwalunkwe ammont hekk riċevut u jista' wkoll ikun soġġett għal miżuri dixxiplinarji.

Fejn id-dritt għal allowances jibda wara d-data tad-dħul fis-servizz, il-membru tal-persunal għandu jirċevihom mill-ewwel jum tax-xahar li fih tali dritt jibda. Mat-tmiem ta' tali dritt, il-membru tal-persunal għandu jirċievi s-somma dovuta sal-aħħar ġurnata tax-xahar li fih tali dritt jintemm.

L-Amministrazzjoni tas-SATCEN għandha tkun intitolata li titlob kwalunkwe dokument uffiċjali jew evidenza ta' sostenn li hija tqis meħtieġ biex tistabbilixxi dritt għal kwalunkwe allowance jew biex tippermetti l-kalkolu tagħha.

2.   Allowance tal-familja

(a)

Għandha tingħata u titħallas kull xahar allowance tal-familja lil kwalunkwe membru tal-persunal li:

(i)

ikun miżżewweġ;

(ii)

ikun armel, iddivorzjat, separat legalment jew ġuvni u li għandu għallinqas dipendenti wieħed skont it-tifsira tal-Anness III għal dawn ir-Regolamenti tal-Persunal;

(iii)

ikun irreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, bil-kondizzjoni li:

il-koppja tipproduċi dokument legali rikonoxxut bħal tali minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru, li tirrikonoxxi l-istat tagħhom bħala sħab mhux miżżewġin;

l-ebda sieħeb ma jkun f'relazzjoni ta' żwieġ, jew f'xi relazzjoni oħra mhux ta' żwieġ;

is-sħab ma jiġu minn xulxin b'ebda mod milli ġej: ġenitur, wild, nannu, nanna, wild tal-wild, ħu, oħt, zija, ziju, neputi, neputija, ħaten, ħtint.

(b)

Dik l-allowance għandha tkun ugwali għal 6 % tas-salarju bażiku nett u ma għandhiex tkun inqas mill-ammont pagabbli lill-membri tal-persunal fil-grad B3, skala 1.

(c)

Fil-każ ta':

(i)

membru tal-persunal miżżewweġ li m'għandu l-ebda dipendenti iżda li l-konjuġi tiegħu huwa impjegat bi qligħ, jew

(ii)

membru tal-persunal li huwa reġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ, kif definit fil-punt (a) u li m'għandu l-ebda dipendenti, iżda li s-sieħeb tiegħu huwa impjegat bi qligħ,

l-allowance għandha tkun id-differenza bejn is-salarju bażiku nett għall-grad B3, skala 1 flimkien mal-allowance li għaliha l-membru tal-persunal ikun intitolat fit-teorija, u d-dħul li jkun qala' l-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat. Jekk ammont tal-aħħar ikun ugwali għal jew akbar minn dak tal-ewwel, m'għandha tkun pagabbli l-ebda allowance.

L-allowance m'għandiex titħallas lil membru tal-persunal li l-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tiegħu huwa membru tal-persunal tas-SATCEN jew membru ta' Organizzazzjoni Koordinata u li għandu salarju bażiku ogħla minn dak tal-membru tal-persunal.

3.   Allowance tat-tfal u ta' dipendenti oħra

(a)

Allowance tat-tfal u ta' dipendenti oħra għandha tingħata u titħallas kull xahar lil kwalunkwe membru tal-persunal li primarjament u kontinwament imantni tfal jew dipendenti oħrajn kif definit fl-Anness III.

(b)

L-allowance għandha tkun ammont fiss għal kull dipendenti, stabbilit kull sena fl-iskali approvati mill-Bord.

(c)

Fejn il-konjuġi u s-sħab irreġistrati t-tnejn jaħdmu għas-SATCEN jew għal Organizzazzjoni Koordinata, l-allowance għandha titħallas lil dak minnhom li jirċievi allowance tal-familja jew l-ekwivalenti.

(d)

Id-definizzjonijiet u l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi mogħtija din l-allowance huma mniżżla fl-Anness III.

4.   Allowance tal-edukazzjoni

(a)

Allowance tal-edukazzjoni għandha tingħata u titħallas kull xahar lil kwalunkwe membru tal-persunal li jkun intitolat għal allowance tal-familja, u li t-tfal dipendenti tiegħu, kif definiti fl-Anness III għandhom tal-anqas tliet snin, u jattendu l-kindergarten, edukazzjoni primarja, sekondarja jew għolja full-time.

(b)

L-allowance għandha tkun ugwali għad-doppju tal-ammont tal-allowance tal-wild dipendenti, u għandha tkun pagabbli għal kull wild.

(c)

Il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jipprovdi lill-Amministrazzjoni tas-SATCEN l-evidenza kollha ta' sostenn fil-bidu ta' kull sena skolastika

5.   Allowance ta' tfal u dipendenti oħra b'diżabilità

(a)

Allowance ta' tfal u dipendenti oħra b'diżabilità għandha tingħata u titħallas kull xahar għal tfal jew dipendenti b'diżabilità lil kwalunkwe membru tal-persunal li huwa primarjament u kontinwament responsabbli għall-kura tagħhom. It-tifel jew dipendent irid jissodisfa l-kriterji u l-kondizzjonijiet imniżżla fl-Anness III.

(b)

Id-dettalji tal-allokazzjoni u l-ħlas tal-allowance huma mogħtija fl-Anness IV.

6.   Allowance tal-Kera

(a)

Allowance tal-kera għandha titħallas kull xahar lill-membri tal-persunal fil-gradi B, C, A1 u A2 li huma kerrejja jew subkerrejja ta' akkomodazzjoni u li jħallsu kera — esklużi l-ħlasijiet ta' servizz ikkunsidrati bħala r-responsabbiltà tal-kerrej fil-pajjiż tar-residenza — li taqbeż proporzjon speċifiku tal-qligħ mill-impjieg tagħhom.

(b)

Il-metodu kif tiġi kkalkulata l-allowance huwa mniżżel fl-Anness V.

(c)

Il-membri tal-persunal li jirċievu allowance tal-kera għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kap tal-Amministrazzjoni dwar xi tibdil fiċ-ċirkostanzi tagħhom li jista' jaffettwa d-dritt tagħhom għall-allowance jew l-ammont tagħha.

7.   Allowance tat-trasport

Peress li l-post tas-servizz huwa 'l bogħod minn żoni residenzjali u s-SATCEN jinsab f'bażi militari li mhijiex milħuqa mit-trasport pubbliku, il-membri tal-persunal li ma jgħixux fil-bażi militari fejn jinsab is-SATCEN għandhom jirċievu allowance tat-trasport kull xahar b'rata fissa. L-ammont tal-allowance għandu jiġi stabbilit mid-Direttur fil-bidu ta' kull sena kalendarja.

Artikolu 12

Allowance għal kompiti miżjuda

1.   Membru tal-persunal jista' jiġi rikjest sabiex jokkupa temporanjament pożizzjoni fi grad li huwa ogħla mill-grad preżenti tiegħu. Mill-bidu tat-tieni xahar ta' pożizzjoni temporanja bħal din, huwa għandu jirċievi allowance differenzjali ugwali għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni marbuta mal-grad u l-iskala preżenti tiegħu, u r-remunerazzjoni li huwa kien jirċievi fir-rigward tal-iskala li fiha huwa kien ikun klassifikat kieku kien appuntat fil-grad tal-pożizzjoni temporanja tiegħu.

Id-durata tal-pożizzjoni temporanja m'għandhiex teċċedi sena, ħlief fejn, direttament jew indirettament, il-pożizzjoni hija biex jissostitwixxi membru tal-persunal li huwa sekondat għal pożizzjoni oħra, imsejjaħ għal servizz militari jew assenti fuq leave tal-mard fit-tul.

2.   Allowance għal responsabbiltà addizzjonali tista' tagħmel parti minn ċerti pożizzjonijiet fuq bażi ta' każ b'każ mid-Direttur jekk il-membru tal-persunal ikollu jassumi responsabbiltà għal maniġġar ta' grupp fejn membru tal-persunal jew aktar huma fl-istess grad bħal tiegħu. L-ammont massimu ta' tali allowance għandu jiġi stabbilit mid-Direttur fil-bidu ta' kull sena kalendarja.

Artikolu 13

Allowance tal-installazzjoni u r-ristabbiliment

1.   Allowance tal-installazzjoni

(a)

Għandha titħallas allowance għall-installazzjoni lil membru tal-persunal li l-post tar-residenza privata tiegħu kien aktar minn 100 kilometru mill-post tas-servizz tiegħu fil-mument li huwa aċċetta l-impjieg mas-SATCEN jew meta ġie trasferit għal post ġdid ta' impjieg u li għalhekk ikun obbligat ibiddel il-post tar-residenza tiegħu.

(b)

F'każijiet fejn membru tal-persunal, il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tiegħu t-tnejn huma intitolati għall-allowance tal-Installazzjoni, l-allowance għandha tkun pagabbli biss lill-persuna li għandha l-ogħla salarju bażiku.

(c)

L-ammont tal-allowance għandu jkun is-salarju bażiku ta' xahar.

(d)

Allowance għall-installazzjoni għandha titħallas abbażi tal-preżentazzjoni tad-dokumenti li jistabbilixxu l-fatt li l-membru tal-persunal ikun installa ruħu fil-post tas-servizz il-ġdid tiegħu.

(e)

Il-membri tal-persunal għandhom jintalbu jroddu lura nofs l-allowance tal-installazzjoni jekk huma jirriżenjaw fi żmien sentejn mill-ħatra tagħhom.

(f)

Id-Direttur jista' jawtorizza eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas lura fejn l-applikazzjoni stretta tagħhom tista' tikkawża diffikultajiet speċjali.

2.   Allowance tar-ristabbiliment

(a)

Membru tal-persunal li jipprovdi evidenza ta' bidla fir-residenza privata tiegħu ta' aktar minn 100 kilometru mill-post tas-servizz tiegħu, għandu jkun intitolat fit-terminazzjoni tas-servizz għal allowance tar-ristabbiliment ugwali għal salarju bażiku ta' xahar, bil-kondizzjoni li huwa jkun ikkompleta erba' snin ta' servizz u ma jirċevix allowance simili fl-impjieg il-ġdid tiegħu.

(b)

F'każijiet fejn membru tal-persunal, il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tiegħu t-tnejn huma intitolati għal allowance tar-ristabbiliment, din l-allowance għandha tkun pagabbli biss lill-persuna li għandha l-ogħla salarju bażiku.

(c)

Membru tal-persunal li jkun ikkompleta servizz ta' aktar minn sentejn iżda ta' inqas minn erba' snin għandu jirċievi allowance tar-ristabbiliment proporzjonali għat-tul tas-servizz tiegħu.

(d)

Fil-każ tal-mewt ta' membru tal-persunal, l-allowance tar-ristabbiliment għandha titħallas lill-konjuġi superstiti, lis-sieħeb irreġistrat jew, fin-nuqqas ta' din il-persuna, lid-dipendenti fis-sens tal-Anness III, anke jekk ir-rekwiżit dwar it-tul tas-servizz stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu ma jiġix issodisfat.

(e)

L-allowance tar-ristabbiliment għandha titħallas fuq evidenza li l-membru tal-persunal u l-familja tiegħu, jew, fil-każ ta' membru tal-persunal li jkun miet, il-familja tiegħu biss, stabbilixxew ruħhom mill-ġdid, fi żmien sitt xhur mid-data tat-terminazzjoni tas-servizz tiegħu/ta' mewtu, f'post li qiegħed mhux inqas minn 100 km mill-post fejn il-membru tal-persunal kien impjegat.

Artikolu 14

Tnaqqis

1.   Taxxa interna

It-taxxa interna għandha tammonta għal 40 % tas-salarju bażiku fir-rigward ta' grad u skala partikolari. Din is-somma għandha tiżdied mas-salarju bażiku nett biex jirriżulta s-salarju gross. Din is-somma għandha tintwera bħala tnaqqis ta' kull xahar fuq il-karti tal-paga.

2.   Kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjoni

Tnaqqis ta' kull xahar kif approvat mill-Organizzazzjonijiet Koordinati għall-iskema tal-pensjoni applikata għall-membri tal-persunal u li tikkorrispondi għal perċentwal tas-salarju bażiku nett għandha ssir mill-qligħ tal-membri tal-persunal u titħallas fil-Fond ta' Riżerva tal-Pensjonijiet tas-SATCEN.

3.   Kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji tal-għajnuna soċjali

Għandu jsir tnaqqis ta' kull xahar mill-qligħ tal-membri tal-persunal għall-benefiċċji tal-għajnuna soċjali. Il-benefiċċji minimi tal-għajnuna soċjali għandhom ikopru l-kura medika, il-kopertura tal-inkapaċità/diżabbiltà u l-assigurazzjoni tal-ħajja.

Terz tal-Kontribuzzjonijiet tal-Iskema tal-Għajnuna Soċjali għandhom jitħallsu mill-membru tal-persunal; iż-żewġ terzi l-oħrajn għandhom jitħallsu mis-SATCEN.

Il-perċentwal għandu jkun determinat, fil-bidu tas-sena għat-tnax-il xahar ta' wara, bi ftehim bejn is-SATCEN u l-kumpannija tal-assigurazzjoni li topera l-iskema. L-ammont imnaqqas għandu jiżdied mal-kontribuzzjoni ta' min iħaddem.

4.   Kontribuzzjoni għal Allowance ta' Kuntratt b'Terminu Definit

Is-SATCEN għandu jikkontribwixxi għal membri tal-persunal li għandhom kuntratt b'terminu definit sabiex jiffinanzjaw allowance ta' kuntratt b'terminu definit.

Din il-kontribuzzjoni għal kuntratt b'terminu definit għandha tiġi stabbilita għal 8,4 % tar-remunerazzjoni netta ta' kull xahar tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

Il-kontribuzzjoni għandha titħallas f'fond kull xahar.

Artikolu 15

Avvanzi tas-salarju u rimborżi

1.   Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mid-Direttur, il-Kap tal-Amministrazzjoni tas-SATCEN jista', skont ir-riżorsi ta' flus kontanti disponibbli, jawtorizza avvanzi b'interessi lill-membri tal-persunal li jsibu lilhom infushom f'diffikultajiet finanzjarji personali imprevisti.

2.   L-ammont ta' dawk l-avvanzi m'għandhomx jeċċedu s-salarju bażiku nett ta' tliet xhur.

3.   Dan l-avvanz għandu jitħallas lura permezz ta' tnaqqis kull xahar mill-pagi tal-membri tal-persunal; il-ħlas lura għandu jsir fi żmien għaxar xhur mit-tmiem tax-xahar minn meta ngħata l-avvanz.

4.   Jekk il-kuntratt ta' membru tal-persunal jiġi terminat qabel ma avvanz tas-salarju jkun tħallas lura kompletament, il-bilanċ li jifdal għandu jsir dovut immedjatament. Huwa għandu l-ewwel nett jitnaqqas mir-remunerazzjonijiet u, jekk meħtieġ, mill-ħlas tal-pensjoni li għandu jsir minn SATCEN.

KAPITOLU IV

Spejjeż tal-Ivvjaġġar

Artikolu 16

Installazzjoni u tluq

1.   Il-membri tal-persunal għandhom id-dritt għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivjaġġar għall-vjaġġ mill-post tax-xogħol tagħhom ta' qabel sa fejn jinsab is-SATCEN, fir-rigward tagħhom infushom u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu magħhom.

2.   L-istess intitolament għandu japplika meta l-membri tal-persunal iħallu s-servizz tas-SATCEN u jirritornaw lejn il-pajjiż fejn huma kienu f'pożizzjoni qabel ma ngħaqdu mas-SATCEN jew l-ispiża ekwivalenti jekk il-membru tal-persunal jiċċaqlaq għal pajjiż ieħor, fi żmien sitt xhur mid-data tat-terminazzjoni tas-servizz.

3.   Ir-rimborż għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness VI, Taqsima I, għal dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 17

Spejjeż tar-rilokazzjoni

1.   Il-membri tal-persunal għandhom id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż tar-rilokazzjoni mill-post tax-xogħol tagħhom ta' qabel għal fejn jinsab is-SATCEN.

2.   L-istess intitolament għandu japplika meta membru tal-persunal iħalli s-servizz tas-SATCEN u jirritorna lejn il-pajjiż fejn kien ibbażat qabel ma ngħaqad mas-SATCEN, fi żmien sitt xhur mid-data tat-terminazzjoni tas-servizz.

3.   Ir-rimborż għandu jkopri l-ispejjeż tar-rilokazzjoni tal-oġġetti tad-dar personali tal-membri tal-persunal, minbarra karozzi, dgħajjes, jew mezzi oħra ta' trasport tagħhom, skont l-Anness VI.

4.   Ir-rimborż għandu jsir direttament mis-SATCEN, hekk kif jiġi pprovdut il-kont mill-kumpanija tar-rilokazzjoni.

Artikolu 18

Vjaġġar fuq xogħol

Il-membri tal-persunal għandhom ikunu intitolati għar-rimborż tal-ispejjeż magħmula f'konnessjoni ma' vjaġġar fuq xogħol uffiċjali ordnati mid-Direttur.

Ir-rimborż għandu jikkonċerna l-ispejjeż tal-ivjaġġar proprji, u spejjeż tal-akkomodazzjoni u spejjeż assoċjati fil-post fejn jintbagħtu l-membri tal-persunal. Il-kondizzjonijiet, ir-rati u dettalji oħra tar-rimborż huma indikati fl-Anness VII.

KAPITOLU V

Organizzazzjoni Interna

Artikolu 19

Sigħat tax-xogħol

1.   Il-membri tal-persunal għandhom f'kull ħin ikunu għad-dispożizzjoni tas-SATCEN.

2.   Is-sigħat ta' xogħol normali għall-membri tal-persunal għandhom ikunu 40 siegħa fil-ġimgħa, li jridu jsiru skont l-iskeda ġenerali stabbilita mid-Direttur. Fl-istess limiti, id-Direttur jista' jistabbilixxi s-sigħat li għandhom jinħadmu minn ċerti gruppi ta' persunal ingaġġat fi dmirijiet partikolari.

3.   Minħabba esiġenzi operazzjonali u fl-interess tas-servizz, id-Direttur, bi qbil mal-Kap tal-Amministrazzjoni, jista' jesiġi li x-xogħol jiġi organizzat f'xiftijiet. Is-sigħat normali ta' xogħol ta' membru tal-persunal li jaħdem bix-xift ma jistgħux jaqbżu t-total annwali tas-sigħat normali ta' xogħol.

4.   Id-Direttur jista' jaqbel li jinħadmu sigħat ta' xogħol flessibbli skont iċ-ċirkostanzi personali tal-membri tal-persunal jew l-obbligi speċifiċi tax-xogħol tagħhom.

5.   Għal esiġenzi tas-servizz, membru tal-persunal jista' jkun meħtieġ li jibqa' fuq standby fil-post tax-xogħol tiegħu jew f'daru barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol.

6.   Is-sahra maħduma mill-membri tal-persunal barra s-sigħat ta' xogħol normali speċifikati fil-paragrafu 2 għandha tintitolahom għal ħin frank in lieu jew għal ħlas għas-sahra. Madankollu, is-sahra maħduma biss bi ftehim minn qabel mal-kap tad-diviżjoni/rilevanti għandha tiġi kkunsidrata bħala sahra. Għandu jsir kull sforz biex is-sahra tinżamm minima.

Is-sahra maħduma għandha tintitola lill-membru tal-persunal ikkonċernat:

(a)

għal ħin frank in lieu; jew

(b)

fejn ma jistax jingħata ħin frank minħabba fir-rekwiżiti tas-servizz, għall-ħlas għas-sahra kkalkulat bir-rata ta' 133 % tas-salarju bażiku.

7.   Xogħol ta' billejl: is-sigħat maħdumin bejn it-20.30 u s-07.00 għandhom jitħallsu bir-rati ta' xogħol ta' billejl; madankollu, jekk dawn is-sigħat jinħadmu mingħajr waqfa wara jum tax-xogħol, huma m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala xogħol ta' bil-lejl sakemm ma jestendux fil-perijodu tal-lejl msemmi b'iktar minn 90 minuta.

(a)

Is-sigħat tax-xogħol ta' bil-lejl li ma jeċċedux in-numru mniżżel fil-paragrafu 2 għandhom jagħtu intitolament għal remunerazzjoni addizzjonali bir-rata ta' 50 % tas-salarju bażiku.

(b)

Is-sahra maħduma bil-lejl għandha titħallas bir-rata ta' 150 % tas-sahra maħduma matul il-jum.

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, deċiżi skont id-diskrezzjoni tad-Direttur, xi membri tal-persunal jistgħu jintalbu jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa. F'każijiet bħal dawn, is-sigħat maħdumin għandhom jagħtu intitolament għal ħin frank in lieu jew għal remunerazzjoni.

9.   Is-sahra jew ix-xogħol ta' billejl minn membri tal-persunal fil-gradi A4 jew 'il fuq m'għandhomx id-dritt għal kumpens jew remunerazzjoni.

10.   Id-Direttur għandu jistabbilixxi r-regoli implimentattivi fir-rigward ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 20

Xogħol part time u teleworking

1.   Membru tal-persunal jista' jitlob awtorizzazzjoni sabiex jaħdem part-time jew bit-teleworking.

Id-Direttur jista' jagħti awtorizzazzjoni bħal din jekk dan ikun kompatibbli mal-interessi tas-servizz.

2.   Is-SATCEN għandu jwieġeb lill-membru tal-persunal rigward talbietu fi żmien xahar.

Artikolu 21

Btajjel pubbliċi

Il-lista ta' btajjel pubbliċi għandha ssir mid-Direttur b'kont meħud tal-listi uffiċjali tal-btajjel pubbliċi ppubblikata annwalment fil-Boletín Oficial del Estado (BOE) u l-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dawk il-btajjel pubbliċi m'għandhomx jitnaqqsu mid-dritt tal-leave annwali tal-membri tal-persunal. Jekk wieħed minn dawk il-jiem ikun is-Sibt jew il-Ħadd, id-Direttur jista' jagħżel jum bħala btala ieħor minfloku.

Artikolu 22

Leave

1.   Leave annwali

2.   Leave mingħajr ħlas

(a)

Fuq talba minn membru tal-persunal, id-Direttur jista' jagħti leave mingħajr ħlas għal raġunijiet personali jekk dan ikun kompatibbli mal-interess tas-servizz.

(b)

Id-durata totali ta' leave bħal dan m'għandhiex teċċedi s-sena.

(c)

Waqt dak il-leave, il-membru tal-persunal m'għandux ikun intitolat biex javvanza għal skala ogħla jew promozzjoni fi grad; l-appartenenza tiegħu għall-iskema tal-għajnuna soċjali prevista fl-Artikoli 8 u 14 u l-kopertura għar-riskji taħt din l-iskema għandhom jiġu sospiżi.

Madankollu, membru tal-persunal li mhuwiex involut f'attività bi qligħ jista', mhux aktar tard minn xahar wara dak li fih jibda l-leave għal raġunijiet personali, japplika biex ikompli jkun kopert, bil-kondizzjoni li huwa jkun responsabbli għall-parti tal-kontribuzzjonijiet korrispondenti tiegħu.

Membru tal-persunal li jagħti prova li ma jistax jakkwista drittijiet tal-pensjoni minn skema tal-pensjoni oħra jista' japplika biex ikompli jakkwista aktar drittijiet tal-pensjoni, bil-kondizzjoni li huwa jkun responsabbli għall-parti tal-kontribuzzjonijiet korrispondenti tiegħu.

3.   Leave minħabba mard, leave tal-maternità u tal-paternità, leave għall-ġenituri u leave speċjali ieħor

Il-leave speċjali għandu jingħata, minbarra l-leave annwali, għall-mard, għall-maternità, il-paternità, il-leave għall-ġenituri u f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

Id-dettalji u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti huma mniżżla fl-Anness VIII.

Artikolu 23

Leave għall-pajjiż tal-oriġini

1.   Il-membri tal-persunal li għandhom id-dritt għal allowance tal-espatrijazzjoni għandhom ikunu eliġibbli għal-leave għall-pajjiż tal-oriġini, ħlief għal dawk il-membri tal-persunal li, meta nħatru, kellhom biss iċ-ċittadinanza tal-pajjiż fejn kellhom l-impjieg. Għandu japplika dan li ġej:

(a)

il-leave għall-pajjiż tal-oriġini għandu jammonta għal tmint ijiem tax-xogħol kull sentejn, flimkien mal-ħin meħtieġ għall-ivvjaġġar abbażi tal-iktar mezz ta' trasport mgħaġġel;

(b)

il-leave għall-pajjiż tal-oriġini jista' jittieħed sitt xhur qabel it-tmiem tal-perijodu li hu relatat miegħu.

(c)

Jekk ma jitteħidx fi żmien sitt xhur wara l-aħħar tal-perijodu li hu relatat miegħu, il-leave għall-pajjiż tal-oriġini għandu jiġi kkanċellat fir-rigward ta' dak il-perijodu ta' sentejn. Id-data li fiha l-leave għall-pajjiż tal-oriġini jittieħed verament, għal kwalunkwe perijodu ta' sentejn partikolari, m'għandhiex taffettwa d-data li fiha jrid jittieħed il-leave għall-pajjiż tal-oriġini li jmiss;

(d)

fejn konjuġi, jew sħab reġistrati, huma t-tnejn impjegati mis-SATCEN u fejn it-tnejn huma intitolati għal-leave għall-pajjiż tal-oriġini, dan għandu jingħata skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

fejn it-tnejn għandhom id-dar tagħhom fl-istess pajjiż, kull wieħed għandu d-dritt għal-leave għall-pajjiż tal-oriġini f'dak il-pajjiż kull sentejn;

(ii)

fejn id-djar tagħhom huma f'żewġ pajjiżi differenti, kull wieħed għandu d-dritt għal-leave għall-pajjiż tal-oriġini fil-pajjiż rispettiv tiegħu jew tagħha kull sentejn;

(iii)

it-tfal dipendenti tal-koppja u, jekk adatt, il-persuna li takkumpanja lil dawk it-tfal, għandhom ikunu intitolati għal perijodu wieħed biss ta' leave għall-pajjiż tal-oriġini kull sentejn; fejn il-ġenituri għandhom djarhom f'żewġ pajjiżi differenti, il-leave għall-pajjiż tal-oriġini jista' jittieħed f'wieħed minn dawk il-pajjiżi.

2.   Membru tal-persunal li jieħu l-leave għall-pajjiż tal-oriġini għandu jkun intitolat, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 18, għal pagament tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar għar-ritorn tiegħu nnifsu, għal uliedu u, jekk jirċievi allowance tal-familja, għall-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tiegħu, iżda mhux għal allowance ta' kuljum għall-ħin tal-ivvjaġġar.

3.   Il-membri tal-persunal li ma jeħdux il-leave għall-pajjiż tal-oriġini tagħhom m'għandux ikollhom intitolament għal kumpens.

4.   Il-leave għall-pajjiż tal-oriġini għandu jingħata bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jintrabat bil-miktub li jqatta l-leave għall-pajjiż tal-oriġini fil-pajjiż tad-dar uffiċjali tiegħu.

(b)

il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jintrabat bil-miktub li ma jirriżenjax mis-SATCEN fis-sitt xhur wara t-tmiem tal-perijodu li għalih id-dritt għal-leave għall-pajjiż tal-oriġini jalludi (irrispettivament mid-data li fiha l-leave jittieħed verament).

(c)

il-kap tad-diviżjoni għandu jiċċertifika li f'kull probabbiltà huwa ma jkunx ser jeħtieġ is-servizzi tal-membru tal-persunal matul il-perijodu tal-leave mitlub għall-pajjiż tal-oriġini.

Nuqqas ta' konformità mal-punt (a) jirriżulta f'li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun obbligat li jirrimborża lis-SATCEN l-pagamenti kollha li rċieva b'konnessjoni mal-leave għall-pajjiż tal-oriġini u jista' wkoll jirriżulta li l-leave annwali mhux meħud tal-membru tal-persunal jitnaqqas bin-numru ta' jiem ta' leave għall-pajjiż tal-oriġini mogħti. Id-Direttur jista' jiddeċiedi li jidderoga mid-dispożizzjonijiet fil-punti (b) u (c) jekk huwa jikkonsidra li l-applikazzjoni stretta tagħhom tista' tesponi lill-membru tal-persunal ikkonċernat għal inġustizzja jew diffikultajiet partikolari.

KAPITOLU VI

Rapporti u Promozzjoni

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Ix-xogħol fis-sena preċedenti tal-membri tal-persunal kollha, minbarra d-Direttur, għandu jiġi vvalutat sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena.

Ir-rapporti għandhom jikkummentaw fuq il-profiċjenza relattiva tal-membri tal-persunal u għandhom jipprovdu l-opportunità li jfaħħru xogħol tajjeb jew, b'mod kuntrarju, iwissu kontra xi nuqqasijiet bil-għan li s-servizz isir dejjem aħjar.

2.   Ir-rapporti għandhom jikkonċernaw il-prestazzjoni ġenerali marbuta mal-pożizzjoni okkupata mill-membru tal-persunal ikkonċernat u l-valuri tas-SATCEN (spirtu ta' tim, impenn, eċċellenza u proattività). Il-valutazzjoni sħiħa għandha tiġi mqassra f'formola tar-rapport annwali u tinżamm fil-fajl personali tal-membri tal-persunal.

3.   Fil-każ li r-rapport jindika sottoprestazzjoni, id-Direttur jista' jitlob rapport intermedju addizzjonali wara sitt xhur.

Artikolu 25

Proċedura

1.   Id-Direttur għandu jinnomina l-membri tal-persunal li huma responsabbli li jirrapportaw dwar il-persunal li jaqaw totalment jew parzjalment taħthom.

2.   Kull membru tal-persunal għandu jkun intervistat personalment mill-membru tal-persunal responsabbli għar-rapport tiegħu. Huwa għandu jiġi notifikat bil-valutazzjoni annwali tiegħu, u għandu jiffirma l-formola tar-rapport u b'hekk jagħti xiehda li huwa ġie infurmat dwarha.

3.   Ir-rapport annwali huwa att amministrattiv stabbilit għall-użu intern. Ma jista' jkun hemm l-ebda appell lil xi korp estern kontrih.

4.   Meta r-rapporti kollha jkunu nkitbu, id-Direttur għandu jsejjaħ Bord tal-Promozzjonijiet, ippresjedut minnu nnifsu, li jinkludi l-membri tal-persunal kollha li kitbu rapport wieħed jew aktar.

Id-Direttur għandu jadotta r-regoli implimentattivi tal-Bord tal-Promozzjonijiet.

Artikolu 26

Azzjoni ta' segwitu dwar rapporti

1.   Il-Bord tal-Promozzjonijiet jista' jipproponi lid-Direttur waħda mill-miżuri li ġejjin biex ikunu ppremjati membri tal-persunal li l-prestazzjoni tagħhom kienet rikonoxxuta bħala partikolarment tajba:

(a)

l-għoti ta' bonus finanzjarju;

(b)

avvanz eċċezzjonali fl-iskala;

(c)

promozzjoni għall-grad ogħla li jmiss bil-kondizzjoni li l-baġit għall-post jippermetti tali promozzjoni.

2.   Rapport ħażin jista' jiġġustifika li l-membru tal-persunal jibqa' fl-iskala preżenti tiegħu għal sena oħra.

3.   Żewġ rapporti ħżiena jew aktar suċċessivi jistgħu jiġġustifikaw li kuntratti jiġu terminati jew li ma jerġgħux jiġġeddu.

4.   Jekk ir-rapport intermedju addizzjonali msemmi fl-Artikolu 24(3) ma juri l-ebda titjib fil-prestazzjoni tal-membru tal-persunal, id-Direttur jista' jieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

iżomm lill-membru tal-persunal fl-iskala preżenti tiegħu għal perijodu addizzjonali ta' tnax-il xahar;

(b)

itemm il-kuntratt tal-membru tal-persunal skont il-punt 3 tal-Artikolu 7.

5.   L-ammont tal-bonus finanzjarju previst fil-paragrafu 1 u r-regoli implimentattivi l-oħrajn fir-rigward ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu deċiżi mid-Direttur fil-bidu ta' kull sena finanzjarja.

KAPITOLU VII

Miżuri Dixxiplinarji

Artikolu 27

Miżuri dixxiplinarji

1.   Azzjoni dixxiplinarja tista' tittieħed kontra membru tal-persunal jew ex-membru tal-persunal li jonqos b'mod intenzjonali jew b'traskuraġni milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

2.   Fejn id-Direttur isir konxju ta' evidenza ta' nuqqas fit-tifsira tal-paragrafu 1, huwa jista' jniedi investigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifika jekk seħħx dan in-nuqqas.

3.   Ir-regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji u r-regoli li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi huma stabbiliti fl-Anness IX.

KAPITOLU VIII

Appelli u Bord tal-Appelli

Artikolu 28

Appelli

1.   Kwalunkwe persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista' jitlob lid-Direttur biex jieħu deċiżjoni relatata miegħu rigward kwistjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Id-Direttur għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata dwar id-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien xahrejn mid-data li fiha tkun saret it-talba. Jekk, fit-tmiem ta' dak il-perijodu, ma jkunx hemm tweġiba għat-talba, dan għandu impliċitament ifisser li t-talba tkun inċaħdet, u kontra dan jista' jitressaq ilment skont il-paragrafi li ġejjin.

2.   Kwalunkwe persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista' tippreżenta lid-Direttur ilment kontra att li jaffettwaha ħażin, jew fejn id-Direttur ikun ħa deċiżjoni jew inkella fejn naqas milli jadotta miżura preskritta minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment għandu jkun ippreżentat fi żmien tliet xhur. Il-perijodu jibda jiddekorri:

(a)

fid-data ta' pubblikazzjoni tal-att jekk tkun miżura ta' natura ġenerali;

(b)

fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ aktar tard mid-data li fiha din tal-aħħar tkun irċeviet din in-notifika, jekk il-miżura taffettwa persuna speċifikata; jekk, madankollu, att li jaffettwa persuna speċifika jinkludi wkoll ilment kontra persuna oħra, il-perijodu jibda jiddekorri fir-rigward ta' dik il-persuna l-oħra mid-data li fiha hija tirċievi n-notifika tagħha iżda fl-ebda każ aktar tard mid-data tal-pubblikazzjoni;

(c)

fid-data tal-iskadenza tal-perijodu preskritt għat-tweġiba fejn l-ilment jikkonċerna deċiżjoni implikata li tiċħad talba kif previst fil-paragrafu 1.

3.   Id-Direttur għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata dwar id-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien xahar mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata t-talba. Jekk, fit-tmiem ta' dak il-perijodu, ma tkun ġiet riċevuta l-ebda tweġiba għall-ilment, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni implikata li tiċħadha, u li kontriha jista' jitressaq appell skont il-paragrafu 5.

Fil-każ ta' tweġiba negattiva, il-membru tal-persunal jista' jitlob għall-medjazzjoni. Tali medjazzjoni mhijiex mandatorja.

4.   Id-Direttur għandu jaħtar medjatur għal perijodu ta' tliet snin li jista' jiġġedded.

Il-medjatur għandu jkun espert legali kwalifikat u indipendenti.

Huwa għandu jirċievi mingħand id-Direttur u l-membru tal-persunal ikkonċernat id-dokumenti kollha li huwa jqis meħtieġa għall-eżami tal-każ.

Huwa għandu jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fi żmien 15-il jum mid-data li fiha ġie inkarigat bil-każ.

Dawk il-konklużjonijiet m'għandhomx jorbtu la lid-Direttur u lanqas lill-membru tal-persunal.

L-ispejjeż tal-medjazzjoni għandhom jitħallsu mis-SATCEN jekk il-konklużjonijiet ma jiġux aċċettati mid-Direttur; 50 % tal-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-membru tal-persunal jekk ikun huwa li jiċħad li jaċċetta s-sejbiet.

5.   Wara li jużaw il-possibbiltajiet kollha tal-ewwel rikors (appell amministrattiv intern), il-membri tal-persunal għandhom il-libertà li jirrikorru għal soluzzjoni quddiem il-Bord tal-Appelli tas-SATCEN.

Il-kompożizzjoni, l-operat u l-proċeduri speċifiċi ta' dak il-korp huma mogħtija fl-Anness X.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jorbtu liż-żewġ partijiet. M'għandu jkun hemm l-ebda appell minnhom. Il-Bord tal-Appell jista':

(a)

jannulla, jew jikkonferma, id-deċiżjonijiet ikkontestati;

(b)

jordna li s-SATCEN inċidentalment jikkumpensa lill-membru tal-persunal għal kwalunkwe ħsara materjali li jkun bata mill-jum minn meta beda jkollha effett id-deċiżjoni annullata;

(c)

jordna ulterjorment li s-SATCEN għandu jirrimborża, fil-limiti stabbiliti mill-Bord tal-Appell, spejjeż ġustifikati li saru minn min għamel it-talba, kif ukoll spejjeż relatati mat-trasport u l-għajxien li tħallsu mix-xhieda li nstemgħu. Dawk l-ispejjeż għandhom jinħadmu abbażi tal-Artikolu 18 u l-Anness VII ta' dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

KAPITOLU IX

Skemi tal-Pensjoni

Artikolu 29

Skemi tal-Pensjoni

1.   Ir-regoli u l-kondizzjonijiet li jinsabu fir-Regoli dwar l-Iskemi tal-Pensjoni tas-SATCEN, skont ir-Regoli dwar l-Iskemi tal-Pensjoni tal-Organizzazzjonijiet Koordinati, huma applikati għall-membri tal-persunal tas-SATCEN. L-Iskema Ġdida tal-Pensjoni (NPS) tas-SATCEN tapplika għall-membri tal-persunal li bdew jaħdmu wara t-30 ta' Ġunju 2005.

2.   Il-kontribuzzjonijiet kollha mill-persunal u s-SATCEN li jsiru b'applikazzjoni tal-paragrafu 1, għandhom isostnu l-Fond ta' Riżerva għall-Pensjonijiet u għandhom ikunu ġestiti f'konformità mar-Regoli Finanzjarji tas-SATCEN.

KAPITOLU X

Sekondar tal-Membri tal-Persunal tas-SATCEN

Artikolu 30

Sekondar tal-Membri tal-Persunal tas-SATCEN

Membru tal-persunal issekondat huwa membru tal-persunal li, b'deċiżjoni tad-Direttur, intbagħat fl-interessi tas-servizz biex iservi temporanjament f'pożizzjoni barra mis-SATCEN.

L-issekondar fl-interessi tas-servizz għandu jkun irregolat bir-regoli li ġejjin:

(a)

id-deċiżjoni dwar l-issekondar għandha tittieħed mid-Direttur wara li jisma' lill-membru tal-persunal ikkonċernat;

(b)

id-durata tal-issekondar għandha tkun iddeterminata mid-Direttur;

(c)

fit-tmiem ta' kull sitt xhur, il-membru tal-persunal ikkonċernat jista' jitlob li l-issekondar ikun terminat;

(d)

membru tal-persunal issekondat huwa intitolat li jirċievi pagament differenzjali fejn ir-remunerazzjoni totali għall-pożizzjoni li huwa ssekondat għaliha hija inqas minn dik għall-grad u l-iskala tiegħu fis-SATCEN; huwa għandu wkoll ikun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż addizzjonali kollha involuti fl-issekondar tiegħu;

(e)

membru tal-persunal issekondat għandu jkompli jħallas il-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni abbażi tas-salarju għall-impjieg attiv involut fil-grad u l-iskala tiegħu fis-SATCEN;

(f)

membru tal-persunal issekondat għandu jżomm il-pożizzjoni tiegħu, id-dritt tiegħu li javvanza għal skala ogħla u l-eliġibbiltà tiegħu għal promozzjoni;

(g)

meta jintemm l-issekondar tiegħu membru tal-persunal għandu jerġa' jingħata l-pożizzjoni li kien okkupa qabel.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦALL-PERSUNAL LOKALI

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet statutorji

Il-persunal lokali huwa persunal awżiljarju reklutat fil-prinċipju għal perijodi qosra. Huma m'għandhomx l-istatus ta' persunal internazzjonali, u huma suġġetti għal kollox għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat ospitanti fejn huma impjegati. Għandu japplika dan li ġej:

(a)

il-persunal lokali huma impjegati li ma jokkupawx pożizzjonijiet definiti fit-tabella tal-membri tal-persunal tas-SATCEN;

(b)

suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu, il-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-persunal lokali, b'mod partikolari:

(i)

il-kondizzjonijiet tar-reklutaġġ tagħhom u t-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom;

(ii)

il-leave tagħhom, u

(iii)

ir-remunerazzjoni tagħhom

huma determinati mis-SATCEN abbażi tar-regoli u l-prattiki eżistenti fil-post fejn huma għandhom iwettqu d-doveri tagħhom;

(c)

il-persunal huwa soġġett għat-Titolu I u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-Titolu II:

(i)

Kapitolu II: Artikoli 5 (limitu tal-età għall-impjieg) u 6 (eżamijiet mediċi);

(ii)

Kapitolu III: Artikolu 15 (avvanzi tas-salarju u rimborżi);

(iii)

Kapitolu IV: Artikolu 18 (ivvjaġġar fuq xogħol);

(iv)

Kapitolu V: Artikoli 19 (sigħat tax-xogħol) u 21 (btajjel pubbliċi);

(v)

Kapitolu VII: Art. 27 (miżuri dixxiplinarji) u Anness IX (proċedimenti dixxiplinarji).

u għal kwalunkwe regolament ibbażat fuqhom.

Artikolu 32

Sigurtà soċjali

Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, is-SATCEN għandu jkun responsabbli għas-sehem ta' min iħaddem tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali taħt ir-regolamenti attwali fil-post fejn l-impjegati ser iwettqu d-doveri tagħhom.

Artikolu 33

Remunerazzjoni

1.   Ir-remunerazzjoni tal-persunal temporanju għandha tkun stabbilita kuntrattwalment; għandha tkun tikkonsisti minn salarju nett ta' kull xahar li jeskludi kull allowance addizzjonali, tkun xi tkun is-sitwazzjoni familjari u soċjali tal-persuna kkonċernata.

2.   Ladarba persunal temporanju ma jibbenefikax mill-iskema tal-pensjoni, l-ebda tnaqqis m'għandu jsir f'dan ir-rigward.

3.   Fil-bidu tas-sena r-remunerazzjoni tal-persunal temporanju għandu jiġi miżjud bl-istess perċentwali bħal dik mogħtija lill-membri tal-persunal mill-Bord.

TITOLU IV

RAPPREŻENTANZA TAL-IMPJEGATI

Artikolu 34

Rappreżentazzjoni tal-persunal

1.   Il-Kumitat tal-Persunal għandu jirrappreżenta lill-impjegati kollha tas-SATCEN, kif definit fl-Artikolu 1.

2.   Il-Kumitat tal-Persunal għandu jkun elett mill-impjegati tas-SATCEN b'vot sigriet għal perijodu ta' sentejn.

3.   Il-Kumitat tal-persunal għandu:

(a)

jiddefendi l-interessi professjonali tal-impjegati kollha tas-SATCEN;

(b)

jagħmel proposti għat-titjib tal-benesseri tal-impjegati kollha;

(c)

jagħmel suġġerimenti rigward attivitajiet soċjali, kulturali u sportivi għall-impjegati;

(d)

jirrappreżenta lill-impjegati kollha fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet tal-persunal ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

4.   It-termini ta' referenza li jimplimentaw dan l-Artikolu għandhom ikunu approvati mid-Direttur wara li jikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


ANNESS I

INDENNIZZ GĦAL TELF TA' IMPJIEG U ALLOWANCE TA' KUNTRATT DEFINIT

(Kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal)

1.   Intitolament għal indennizz għal telf ta' impjieg jew Allowance ta' Kuntratt b'terminu definit

(a)

Indennizz għal telf ta' impjieg jew Allowance ta' Kuntratt b'terminu definit tista' tingħata lil membru tal-persunal li l-impjieg tiegħu jiġi terminat taħt il-punti (i) sa (vi) tal-Artikolu 7(3)(a) tar-Regolament tal-Persunal.

(b)

L-indennizz jew allowance m'għandhiex tkun dovuta jekk:

(i)

il-membru tal-persunal kiseb pożizzjoni oħra fl-istess grad jew ogħla fis-SATCEN;

(ii)

il-membru tal-persunal kiseb kariga ġdida f'organizzazzjoni internazzjonali oħra b'remunerazzjoni komparabbli;

(ii)

il-membru tal-persunal, fid-data li fiha tintemm il-kariga tiegħu, għandu d-dritt li jmur lura għall-impieg għand min kien jimpjegah qabel;

(iv)

il-kuntratt tal-membru tal-persunal ikun ġie terminat bħala riżultat ta' proċedura dixxiplinarja.

2.   Pagament tal-indennizz

Il-membri tal-persunal għandhom ikunu intitolati għal indennizz jew allowance li tammonta għal 100 % tar-remunerazzjoni ta' kull xahar nett tagħhom multiplikata bin-numru ta' snin ta' servizz mas-SATCEN.

Ir-remunerazzjoni netta għandha titqies li tfisser is-salarju bażiku magħdud bl-allowances u l-indennizzi addizzjonali mħallsa kull xahar.

Madankollu, l-ammont tal-indennizz jew tal-allowance ikkalkulat b'dan il-mod għandu jkun soġġett għal limitu massimu li huwa stabbilit għal 18-il xahar.

Barra minn hekk, l-ammont tal-indennizz m'għandux jirrappreżenta numru ta' xhur, jew frazzjonijiet tax-xhur li jaqbżu l-perijodu li l-membru tal-persunal kien xorta waħda jkollu jservi qabel jilħaq il-limitu ta' età speċifikat fl-Artikolu 5.

Finalment, tali indennizz jew allowance, meta tiżdied mal-pensjoni totali li għandha tiġi riċevuta fil-kuntest tal-Iskema tal-Pensjoni sal-età ta' 65 u mal-pagament minflok l-avviż, m'għandhiex tammonta għal aktar mill-emolumenti li l-membru tal-persunal ikun irċieva li kieku baqa' fil-kariga mal-Organizzazzjoni fl-aħħar grad u skala tiegħu sa tali età.


ANNESS II

ALLOWANCE TAL-ESPATRIJAZZJONI

(Kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal)

1.

Il-membri tal-persunal intitolati hekk taħt l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom kull xahar jirċievu allowance tal-espatrijazzjoni. L-ammont tal-allowance għandu jkun:

(a)

Il-membri tal-persunal reklutati qabel l-1 ta' Jannar 1996:

(i)

membri tal-persunal intitolati għall-allowance tal-familja: 20 % tas-salarju ta' referenza;

(ii)

membri tal-persunal mhux intitolati għall-allowance tal-familja: 16 % tas-salarju ta' referenza.

(b)

Il-membri tal-persunal reklutati mill-1 ta' Jannar 1996:

(i)

membri tal-persunal intitolati għall-allowance tal-familja: 18 % tas-salarju ta' referenza matul l-ewwel għaxar snin ta' servizz;

(ii)

membri tal-persunal mhux intitolati għall-allowance tal-familja: 14 % tas-salarju ta' referenza matul l-ewwel għaxar snin ta' servizz.

2.

L-allowance huwa kkalkulat fuq l-ewwel skala fil-grad ta' reklutaġġ jew promozzjoni. Fil-ħdax, it-tnax u t-tlettax-il sena, ir-rati ta' 14 u 18 % għandhom jitnaqqsu b'punt wieħed kull sena rispettivament għal 11 % u 15 %.

3.

L-ammont tal-allowance tal-espatrijazzjoni m'għandux ikun inqas mill-ammont ta' salarju bażiku pagabbli lill-membri tal-persunal fil-grad B3, skala 1.

4.

Il-membri tal-persunal intitolati għall-allowance tal-espatrijazzjoni b'ulied dipendenti li ma jitħallsux allowance tal-edukazzjoni huma intitolati li addizzjonalment jitħallsu allowance ta' tfal espatrijati kif stabbilit mill-Organizzazzjonijiet Koordinati.

ANNESS III

TFAL U DIPENDENTI OĦRAJN

(Kif imsemmi fl-Artikoli 11 u 13 tar-Regolamenti tal-Persunal)

1.   Tfal dipendenti

(a)

Wild naturali jew adottat rikonoxxut b'mod leġittimu jew legali tal-membru tal-persunal jew tal-konjuġi jew sieħeb/sieħba reġistrat/a tiegħu jew tagħha huwa meqjus li jkun dipendenti ta' membru tal-persunal jekk dan tal-aħħar imantni u jappoġġa b'mod prinċipali u kontinwu t-trobbija tal-wild; Wild ta' aġent li jinsab fil-kustodja tal-konjuġi divorzjat/a jew separat/a legalment, jew tal-ex-sieħeb/sieħba reġistrat/a huwa meqjus li jkun dipendenti fuq il-membru tal-persunal jekk dan tal-aħħar huwa mitlub iħallas il-manteniment, u fil-fatt jagħmel dan, għal dak il-wild bħala riżultat ta' divorzju jew att ta' separazzjoni, jew att awtentiku relatat ma' tali digriet, skont il-liġi nazzjonali rilevanti.

(b)

Wild b'diżabilità ta' membru tal-persunal jew tal-konjuġi jew sieħeb/sieħba reġistrat/a tiegħu jew tagħha, irrispettivament mill-età tal-wild, huwa meqjus li jkun dipendenti jekk il-membru tal-persunal imantni u jappoġġa b'mod ewlieni u kontinwu l-benesseri tal-wild.

(c)

Wild, li mhux impjegat bi qligħ, għandu jitqies dipendent tal-membru tal-persunal meta:

(i)

ikun taħt l-età ta' tmintax-il sena, jew

(ii)

ikollu bejn tmintax u sitta u għoxrin sena u jkun qed jirċievi taħriġ skolastiku, universitarju jew vokazzjonali fi stabbiliment edukattiv fuq bażi full-time.

(d)

Wild impjegat bi qligħ

(i)

Wild taħt l-età ta' 26 sena għandu jitqies bħala impjegat bi qligħ jekk jirċievi salarju fix-xahar ugwali għal 50 % qabel kwalunkwe tnaqqis, tas-salarju tal-membru tal-persunal fil-grad C1, skala 1 (l-iskala tal-pajjiż ta' residenza tal-wild); f'tali każ il-membru tal-persunal għandu javża minnufih lill-Kap tal-Amministrazzjoni b'dan.

(ii)

Il-qligħ okkażjonali ta' student għal ftit xhur għandu jitqassam fuq 12-il xahar (1 ta' Jannar sa 31 ta' Diċembru).

2.   Dipendenti oħra

Persuna oħra minbarra minn wild dipendenti kif definit fil-paragrafu 1 tista' tkun ikkunsidrata bħala dipendenti tal-membru tal-persunal skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

hija ġenitur jew qarib strett, dirett jew biż-żwieġ;

(ii)

tgħix kontinwament mal-membru tal-persunal jew il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tiegħu, jew tattendi regolarment f'istituzzjoni li tagħti kura medika speċjalizzata;

(iii)

il-persuna konċernata m'għandhiex riżorsi adegwati tagħha biex tmantni lilha nnifisha.


ANNESS IV

DIPENDENTI B'DIŻABILITÀ

(Kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal)

1.

Dipendent jitqies b'diżabilità jekk jiġi stabbilit b'evidenza medika li qed ibati minn diżabilità serja u permanenti li teħtieġ kura speċjali jew superviżjoni jew edukazzjoni jew taħriġ speċjali.

2.

Id-deċiżjoni li tingħata l-allowance għandha ssir mid-Direttur wara li jikkonsulta bord ad hoc li huwa għandu jikkostitwixxi apposta, u li għandu jinkludi tal-anqas tabib wieħed.

Id-deċiżjoni tad-Direttur għandha tispeċifika l-perijodu li għalih għandha titħallas l-allowance, soġġett għal rieżami.

3.

Il-kriterju għall-intitolament għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jkun dak tal-inkapaċità serja u kontinwa tal-funzjonijiet u attivitajiet fiżiċi u mentali.

Persuni dipendenti jistgħu għalhekk jiġu kkunsidrati bħala b'diżabilità jekk dawn isofru minn:

(a)

problema gravi jew kronika tas-sistema nervuża ċentrali jew awtonomika, tkun xi tkun il-kawża, bħall-enċefalopatiji, il-mijopatiji u l-paraliżi awtonomika;

(b)

problema gravi tas-sistema lokomotorja;

(c)

problema gravi ta' waħda jew aktar mis-sistemi sensorji;

(d)

mard mentali kroniku u diżabilitanti.

Din il-lista m'għandhiex titqies eżawrjenti. Hija qed tingħata biss bħala indikazzjoni, u m'għandhiex tittieħed bħala bażi biex jiġi valutat il-grad ta' diżabilità jew inkapaċità.

L-ammont ta' allowance għandu jkun ugwali għall-ammont ta' allowance għal wild dipendenti, u għandu jkun addizzjonali għal kwalunkwe tali l-allowance.


ANNESS V

ALLOWANCE GĦALL-KERA

(Kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal)

1.

L-ammont t l-allowance għandu jkun proporzjon tad-differenza bejn ir-renta mħallsa, esklużi l-ħlasijiet kollha msemmija fl-Artikolu 11 (6)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, u somma maħduma kif ġej:

(a)

15 % tas-salarju bażiku nett għall-membri tal-persunal tal-gradi C u B, sa u inkluż il-grad B.4;

(b)

20 % tas-salarju bażiku nett għall-membri tal-persunal tal-gradi B5 u B6;

(c)

22 % tas-salarju bażiku nett għall-membri tal-persunal fil-gradi A1 u A2.

2.

Il-proporzjon imsemmi għandu jkun:

(a)

50 % għall-membri tal-persunal mhux miżżewġa u l-membri tal-persunal miżżewġa li m'għandhomx dipendenti;

(b)

55 % għall-membri tal-persunal b'dipendent wieħed;

(c)

60 % għall-membri tal-persunal b'żewġ dipendenti jew aktar.

3.

L-allowance m'għandhiex taqbeż:

(a)

10 % tas-salarju bażiku nett tal-membru tal-persunal konċernat fil-każ tal-gradi C sa B4 inklużi;

(b)

15 % % tas-salarju bażiku nett fil-każ tal-gradi B5 u B6, u A1 u A2.

Is-salarju bażiku nett għandu jitqies li jfisser is-salarju bażiku kif imniżżel fl-iskali annwali approvati mill-Bord, iżda jeskludi kull żieda oħra jew tnaqqis mir-rimunerazzjoni.


ANNESS VI

SPEJJEŻ TAL-IVVJAĠĠAR U TAR-RILOKAZZJONI

(Kif imsemmi fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolamenti tal-Persunal)

Taqsima I

Spejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-persunal u l-familji tagħhom bejn il-post ta' residenza tagħhom u l-post tas-servizz

1.

Il-membri tal-persunal li l-post tar-residenza tagħhom huwa aktar minn 100 km 'il bogħod mill-post tas-servizz għandhom ikunu intitolati, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal, għar-rimborż tal-ispejjeż reali tal-ivvjaġġar:

(a)

malli jassumu l-kariga tagħhom, għall-ivvjaġġar mill-post ta' residenza tagħhom għall-post tas-servizz tagħhom;

(b)

mat-trasferiment mill-post tas-servizz fejn kienu reklutati lejn post tas-servizz ieħor li jkun iktar minn 100 km 'l bogħod;

(c)

malli jitilqu mill-ħatra:

(i)

jew għall-vjaġġ mill-post tas-servizz tagħhom lejn il-post ta' residenza meta ġew reklutati;

(ii)

jew, għall-vjaġġ mill-post tas-servizz tagħhom għal post ta' residenza li ma jkunx dak imsemmi hawn fuq, bil-kondizzjoni li l-ispiża li trid tiġi rimborżata ma tkunx ikbar.

2.

Ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi rifjutat totalment jew parzjalment fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-intitolament ma jkunx ġie stabbilit fil-mument li membru tal-persunal jassumi l-kariga tiegħu;

(b)

jekk l-ispiża kollha inkwistjoni, jew parti minnha, tħallset minn gvern jew korp ieħor;

(c)

meta membru tal-persunal jitlaq mis-servizz, jekk il-vjaġġ ma jseħħx fi żmien perijodu ta' tliet xhur li jibda mid-data meta jieqfu d-doveri tal-membru tal-persunal, jew jekk l-applikazzjoni għar-rimborż ma tkunx ġiet irċevuta mill-Amministrazzjoni tas-SATCEN fi żmien 30 jum mill-vjaġġ;

(d)

meta jieqfu d-dmirijiet tal-aġent kuntrattwali, jekk il-persuna kkonċernata rriżenjat qabel ma tkun tat tnax-il xahar servizz fis-SATCEN.

3.

Il-membri tal-persunal li jissodisfaw il-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 u 2, u li jirċievu l-allowance tal-familja, għandhom ukoll ikunu intitolati għal:

(a)

ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li realment tħallsu mill-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tagħhom u minn tfal dipendenti meta dawn jingħaqdu mal-membru tal-persunal fil-post tas-servizz tiegħu;

(b)

ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li realment tħallsu mill-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba reġistrata tagħhom u minn ulied dipendenti meta jintemmu d-doveri tagħhom, bl-eċċezzjoni li r-rimborż jista' jinċaħad jekk il-membru tal-persunal jirriżenja qabel ma jkun ikkompleta tnax-il xahar ta' servizz mas-SATCEN.

4.

Il-konjuġi, is-sħab reġistrati, l-ulied dipendenti jew persuni dipendenti oħra kif definit fl-Anness III għandhom jitqiesu bħala tal-istess grad bħal-membru tal-persunal ikkonċernat.

Taqsima II

Spejjeż tar-Rilokazzjoni

1.

Il-membri tal-persunal li l-post tar-residenza tagħhom huwa iktar minn 100 km 'il bogħod mill-post tas-servizz tagħhom għandhom ikunu intitolati għar-rimborż tal-ispejjeż li realment ħallsu għar-rilokazzjoni tal-oġġetti personali tagħhom fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta jaċċettaw il-ħatra;

(b)

mat-trasferiment għal durata li teċċedi 12-il xahar minn post tas-servizz għal post tas-servizz ieħor li jkun iktar minn 100 km 'il bogħod;

(c)

meta jitilqu mis-SATCEN, ħlief li r-rimborż jista' jiġi miċħud jekk l-aġent kuntrattwali jirriżenja qabel ma jkun ikkompleta tnax-il xahar servizz fis-SATCEN.

2.

Ir-rimborż ikopri spejjeż li saru għar-rilokazzjoni tal-oġġetti personali, inkluż l-imballaġġ u l-ispiża tal-assigurazzjoni għar-riskji ordinarji (ħsara waqt il-ġarr, serq, nar).

Biex jitolbu r-rimborż ta' spejjeż taħt din it-Taqsima, il-membri tal-persunal għandhom jippreżentaw tal-inqas żewġ stimi għall-approvazzjoni minn qabel mill-Kap tal-Amministrazzjoni. L-istimi għandhom jirreferu għall-istess piż (jew volum), ittrasportat għall-istess distanza.

Il-Kap tal-Amministrazzjoni jista', jekk huwa jikkunsidra l-istimi eċċessivi, jitlob stimi minn ditti oħra tar-rilokazzjoni.

3.

Il-membri tal-persunal jistgħu jitolbu rimborż taħt din it-Taqsima biss jekk l-ispiża in kwistjoni ma tistax tiġi rimborżata minn xi gvern jew awtorità oħra.

ANNESS VII

SPEJJEŻ GĦAL DOVERI UFFIĊJALI

(Kif imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolamenti tal-Persunal)

Il-membri tal-persunal li jivvjaġġaw fuq xogħol uffiċjali tas-SATCEN għandhom ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż kollha tal-ivvjaġġar tagħhom u għal allowance ta' kuljum għall-għajxien meta ma jkunux fil-post tas-servizz tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Taqsima I

Mezzi ta' Trasport

1.   Regoli ġenerali

L-ivvjaġġar fuq xogħol tal-membri tal-persunal għandu jsir bil-mezzi l-aktar ekonomiċi disponibbli, suġġett għad-derogi previsti f'din it-Taqsima.

L-ivvjaġġar bl-ajru u bil-ferrovija huma meqjusa bħala l-mezz normali ta' trasport. Id-Direttur jista', madankollu, jawtorizza lill-membri tal-persunal fuq xogħol uffiċjali biex jużaw karozza privata jew uffiċjali, b'mod partikolari meta tabib jiċċertifika li ma jistgħux jivvjaġġaw bl-ajru għal raġunijiet mediċi, u fejn vjaġġ bil-ferrovija mhuwiex possibbli, huwa għali wisq jew twil wisq.

Jekk membru tal-persunal li jivvjaġġa fuq xogħol uffiċjali jagħżel, u huwa awtorizzat, li jivvjaġġa b'mezz li mhux l-aktar wieħed ekonomiku disponibbli, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

huwa għandu jkun intitolat biss għar-rimborż tal-ispiża tal-vjaġġ bl-aktar mezz ta' trasport ekonomiku;

(b)

huwa għandu jkun intitolat għall-allowance tas-sussistenza għat-tul ta' żmien biss li kien jieħu kieku l-vjaġġ tiegħu sar bl-aktar mezz ekonomiku disponibbli;

(c)

it-tul ta' żmien ta' xogħol li ħa minħabba tali vvjaġġar li jaqbeż iż-żmien li kien jieħu kieku vvjaġġa bl-aktar mezz ekonomiku disponibbli jittieħidlu mil-leave annwali li għalih huwa intitolat.

2.   Vjaġġar bl-ajru

(a)

Ħlief bl-awtorizzazzjoni tad-Direttur, kull vjaġġ bl-ajru għandu jkun fil-klassi ekonomika jew l-ekwivalenti.

(b)

Il-membri tal-persunal għandhom ikunu intitolati għal ivvjaġġar fil-klassi “business” jew l-ekwivalenti għal vjaġġi li jinvolvu titjira ta' aktar minn 4 sigħat jew ħin totali ta' vvjaġġar ta' mill-inqas erba' sigħat li jinvolvi żewġ titjiriet.

3.   Vjaġġar bil-Ferrovija

(a)

Membri tal-persunal tal-gradi A u B għandhom ikunu intitolati għal vjaġġar fl-ewwel klassi.

(b)

Għal vjaġġi bil-ferrovija bil-lejl b'durata minima ta' sitt sigħat, il-membri tal-persunal għandhom ikunu intitolati għal rimborż għall-ispejjeż ta' post għall-irqad jew ta' kompartimenti tal-irqad.

4.   Vjaġġar bit-triq — l-użu ta' karozzi privati

(a)

Il-membri tal-persunal jistgħu jiġu awtorizzati li jivvjaġġaw b'karozza privata fejn dan huwa fl-interessi tas-SATCEN. F'tali każijiet, huma għandhom ikunu intitolati għal allowance għal kull kilometru maħdum abbażi tal-eħfef rotta normali. L-allowance għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-rati li japplikaw fil-pajjiż fejn jinsab fis-SATCEN, irrispettivament mill-pajjiż jew il-pajjiżi fejn isir l-ivvjaġġar. Ir-rati li jintużaw għandhom ikunu ddikjarati f'memorandum amministrattiv. Is-somma totali mħallsa ma tistax teċċedi l-ammont li s-SATCEN kieku kien ikollu jħallas.

(b)

Jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat ikun ġie awtorizzat li jieħu miegħu xi membri oħra tas-SATCEN, huwa għandu jitħallas allowance addizzjonali għal kull kilometru ugwali għal 10 % tar-rata tal-allowance għal kull kilometru għall-ewwel passiġġier, u 8 % tar-rata għall-allowance għal kull kilometru, għall-kull passiġġier addizzjonali. F'tali każijiet, il-passiġġieri m'għandhomx ikunu intitolati għall-ebda rimborż ta' spejjeż tal-ivvjaġġar. Jekk ir-rotta użata tinvolvi spejjeż speċjali (bħal pedaġġi, jew trasport tal-karozza b'bastiment jew vapurett), spejjez bħal dawn għandhom jiġu rimborżati mal-preżentazzjoni tal-irċevuti li jappoġġaw l-ispiża, ħlief għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar bl-ajru.

(c)

Il-membri tal-persunal li jużaw il-karrozzi tagħhom stess għandhom juru minn qabel li għandhom polza tal-assigurazzjoni li tkopri r-riskji ta' partijiet terzi u b'mod partikolari r-riskji għall-

(d)

passiġġieri.F'każ ta' aċċident, is-SATCEN mhux ser jagħti rifużjoni tal-ispiża ta' kwalunkwe dannu lil proprjetà.

Taqsima II

Allowance tas-Sussistenza Għall-Membri tal-Persunal li Jivvjaġġaw Fuq Xogħol Uffiċjali

1.   Il-membri tal-persunal li jivvjaġġaw fuq xogħol uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal allowance tas-sussistenza bir-rati li jiġu deċiżi kull sena mill-Bord.

Madankollu, id-Direttur jista' jawtorizza:

(a)

rati speċjali għal pajjiżi fejn l-għoli tal-ħajja huwa ogħla jew irħas mir-rati normali;

(b)

il-ħlas ta' allowance tas-sussistenza b'rata ogħla minn dik li normalment ikunu intitolati għaliha l-membri tal-persunal jekk dan jiffaċilita t-transazzjoni tal-ħidma uffiċjali;

(c)

il-ħlas ta' allowance jekk ikollu jingħata leave tal-mard matul l-ivvjaġġar fuq xogħol uffiċjali, ħlief meta l-ivjaġġar fuq xogħol uffiċjali qed jitwettaq fil-post fejn jgħix il-membru tal-persunal.

2.   L-allowance ta' sussistenza għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

(a)

jekk l-ivvjaġġar fuq xogħol uffiċjali jinvolvi akkomodazzjoni f'lukanda l-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jitħallas l-allowance sħiħ ta' kuljum;

(b)

jekk l-ivvjaġġar fuq xogħol uffiċjali ma jinvolvix akkomodazzjoni f'lukanda:

(i)

l-ebda allowance tas-sussistenza m'għandu jitħallas għal perijodi ta' inqas minn erba' sigħat;

(ii)

fejn il-perijodu ta' xogħol huwa ta' bejn erba' sigħat u tmien sigħat il-membru tal-persunal għandu jkun intitolat għal 25 % tal-allowance ta' kuljum. Għal perijodu ta' aktar minn tmien sigħat iżda inqas minn 24 siegħa, il-membru tal-persunal għandu jkunu intitolat għal 50 % mill-allowance ta' kuljum;

(c)

Il-vjaġġi uffiċjali mwettqin fil-provinċja ta' Madrid mhumiex ser ikunu intitolati għal rimborż ta' allowance tas-sussistenza. L-infiq minuri debitament awtorizzat (spejjeż għall-ipparkjar ta' karozza, kilometri vvjaġġati, taxi, spejjeż tat-trasport pubbliku eċċ) jitħallsu mal-preżentazzjoni tal-irċevuta;

(d)

għandu jingħadd perijodu nozzjonali mal-ħin kemm fil-fatt idum il-vjaġġ għall-iskop li jkun ikkalkulat l-allowance tas-sussistenza biex ikopri għall-ħin tal-vjaġġ lejn/minn l-istazzjon jew l-ajruport ewlieni. Dan il-perijodu għandu jkun kif ġej:

(i)

jiżdiedu sagħtejn qabel il-bidu tal-vjaġġ bil-ferrovija (ħin reali ta' tluq il-ferrovija) u sagħtejn oħra jiżdiedu wara t-tmiem (ħin reali ta' waslet il-ferrovija);

(ii)

tliet sigħat qabel il-bidu tal-vjaġġ bl-ajru (ħin reali ta' tluq it-titjira) u tliet sigħat oħra jiżdiedu wara t-tmiem (ħin reali ta' waslet it-titjira);

(e)

il-membri tal-persunal li jixtiequ jżidu tmiem il-ġimgħa jew leave li jiġi immedjatament qabel l-ivvjaġġar fuq xogħol uffiċjali jirċievu allowance tas-sussistenza kkalkulat mit-15:00 tal-jum qabel l-ivvjaġġar fuq xogħol uffiċjali;

(f)

il-membri tal-persunal li jixtiequ jżidu tmiem il-ġimgħa jew leave li jiġi immedjatament wara l-ivjaġġar fuq xogħol uffiċjali jirċievu allowance tas-sussistenza kkalkulat sal-22:00 tal-jum li fih jintemm l-ivjaġġar fuq xogħol uffiċjali;

(g)

fil-każ ta' akkomodazzjoni bil-lejl l-allowance għandha titnaqqas bi 30 % jekk hija inkluża fil-prezzijiet għall-ivvjaġġar (vapurett ta' bil-lejl, kabina jew kompartiment għall-irqad, bil-ferrovija jew bl-ajru) u b'50 % jekk hija pprovduta minn korp estern.

3.   L-allowance għandu jitqies li jkopri l-ispejjeż kollha li jista' jkollu jħallas membru tal-persunal li jivvjaġġa fuq xogħol uffiċjali, ħlief għall-ispejjeż elenkati hawn taħt, li għalihom jista' jintalab rimborż miżjud:

(a)

ħlasijiet ta' viża u ħlasijiet simili li jirriżultaw direttament mill-vjaġġ fuq xogħol uffiċjali;

(b)

ħlasijiet għal piż eċċessiv ta' bagalji awtorizzati espressament mid-Direttur;

(c)

ħlasijiet għall-komunikazzjoni debitament ġustifikati (Internet, postali, telegrafiċi u telefonati minn pajjiż għall-ieħor, eċċ) li jintefqu għal skopijiet uffiċjali;

(d)

spejjeż ta' ospitalità li tħallsu mill-membri tal-persunal f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti mid-Direttur;

(e)

ħlasijiet ta' taxis, bil-kondizzjoni li d-Direttur ikun ta approvazzjoni minn qabel u tintwera evidenza tan-nefqa.

Jekk, f'ċerti ċirkostanzi, l-ispiża għall-akkomodazzjoni teċċedi s-60 % tal-allowance tas-sussistenza ta' kuljum, is-SATCEN jista' jirrimborża parzjalment jew totalment l-ammont żejjed mal-preżentazzjoni tad-dokumenti tal-ħlas u provi suffiċjenti li n-nefqa addizzjonali kienet inevitabbli. Dan ir-rimborż ma jistax jeċċedi it-30 % tal-allowance tas-sussistenza ta' kuljum.


ANNESS VIII

LEAVE TAL-MARD, TAL-MATERNITÀ U TAL-PATERNITÀ, LEAVE TAL-ĠENITURI U LEAVE SPEĊJALI IEĦOR

(Kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal)

1.   Assenza għal raġunijiet ta' saħħa u leave tal-mard

(a)

Il-membri tal-persunal assenti minħabba mard jew inċident għal aktar minn tlett ijiem konsekuttivi jeħtieġu li jipproduċu ċertifikat mediku fi żmien tlett ijiem minn meta jieqfu mix-xogħol.

(b)

Assenzi kkawżati minn mard jew aċċident li ma jdumux aktar minn tlett ijiem u li għalihom ma jiġi pprovdut l-ebda ċertifikat mediku jistgħu, jekk jeċċedu d-disat ijiem ta' xogħol f'sena kalendarja waħda, jagħtu lok għal tnaqqis korrispondenti mil-leave annwali dovut lill-membru tal-persunal ikkonċernat jew tnaqqis korrispondenti fl-emolumenti tiegħu jekk diġà ħa l-leave annwali kollu tiegħu.

(c)

Membri tal-persunal li huma assenti minħabba mard jew aċċident għandhom ikunu intitolati, malli jippreżentaw ċertifikat mediku, għal-leave tal-mard bi ħlas sħiħ u allowances għal perijodu massimu ta' 13-il ġimgħa konsekuttiva.

(d)

Membru tal-persunal jista' jintalab li jsirlu eżami mediku skont l-Artikolu 6 paragrafu 4 fil-każ ta' assenza kontinwa li teċċedi t-13-il ġimgħa konsekuttiva minħabba mard jew aċċident, jew fil-każ tar-rikorrenza frekwenti ta' perijodi qosra ta' mard.

(e)

Fi kwalunkwe żmien waqt il-leave tal-mard ta' membru tal-persunal, is-SATCEN jista' jitlob kontroll mediku minn korp indipendenti.

2.   Mard li jittieħed, tilqim u aċċidenti

(a)

Kull membru tal-persunal li taqbdu marda li tittieħed m'għandux jattendi għax-xogħol u għandu minnufih jirrapporta ċ-ċirkostanzi lill-Kap tal-Amministrazzjoni. Jekk tiġi rapportata marda li tittieħed fost il-familja jew il-ħbieb intimi ta' membru tal-persunal, dan tal-aħħar għandu minnufih jinforma lill-Kap tal-Amministrazzjoni u jikkonforma ma' tali prekawzjonijiet tas-saħħa li jista' jippreskrivi dak l-uffiċjal. Il-membri tal-persunal kollha li ġew f'kuntatt ma' persuna li għandha marda li tittieħed u li huma, għal din ir-raġuni, obbligati li jitilqu mix-xogħol, għandhom ikunu intitolati għall-emolumenti kollu tagħhom; assenza bħal din m'għandhiex titnaqqas la mill-intitolamenti tal-leave tal-mard u lanqas mil-leave annwali tagħhom.

(b)

Il-membri tal-persunal għandhom jissottomettu ruħhom għal kull tilqim preventiv li jista' jkun meħtieġ.

(c)

Kull aċċident li jsofru l-membri tal-persunal, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll barra mis-SATCEN, jidher kemm jidher trivjali f'dak il-waqt, għandu jiġi rrapportat immedjatament mill-membru tal-persunal lill-Kap tal-Amministrazzjoni, flimkien mal-ismijiet u l-indirizzi ta' kwalunkwe xhieda.

3.   Leave speċjali, leave taż-żwieġ u leave tal-maternità, leave tal-paternità, leave tal-ġenituri u leave speċjali mħallas

(a)

Il-leave speċjali mħallas kollu jew parzjalment, li ma jeċċedix tmint ijiem tax-xogħol kull sena, jew mingħajr ħlas, jista' jingħata mid-Direttur tas-SATCEN għal raġunijiet privati eċċezzjonali jew urġenti.

(b)

Fl-okkażjoni taż-żwieġ tal-membru tal-persunal għandu jingħata leave speċjali għal sitt ijiem tax-xogħol bi ħlas sħiħ.

(c)

Għandu jingħata leave tal-maternità bi ħlas sħiħ, li ma jitteħidx mil-leave tal-mard jew dak annwali, lill-membri tal-persunal li jipproduċu ċertifikat mediku adatt. Il-leave tal-maternità għandu jkun ta' 16-il ġimgħa.

(d)

Il-leave għandu jibda mhux qabel sitt ġimgħat qabel id-data mistennija tat-twelid kif tidher fiċ-ċertifikat u jintemm mhux qabel l-għaxar ġimgħa u mhux aktar tard minn 16-il ġimgħa wara d-data tat-twelid.

Fil-każ ta' twelid multiplu jew prematur jew it-twelid ta' tarbija b'diżabilità, id-durata tkun ta' 20 ġimgħa.

(e)

Għandu jingħata leave tal-maternità bi ħlas sħiħ, li ma jitteħidx mil-leave tal-mard jew dak annwali, lill-membri tal-persunal femminili li legalment jadottaw wild taħt l-età ta' 18-il sena.

Il-leave tal-maternità għandu jkun ta' 16-il ġimgħa u leave bħal dan għandu jibda mid-data ta' meta jasal il-wild fid-dar il-ġdida tal-wild.

Fil-każ ta' adozzjonijiet multipli jew l-adozzjoni ta' wild b'diżabilità, id-durata tal-leave tal-maternità għandha tkun ta' 20 ġimgħa.

(f)

Il-leave tal-paternità ta' għaxart ijiem tax-xogħol b'emolumenti sħaħ għandu jingħata lill-membri maskili tal-persunal mat-twelid jew l-adozzjoni ta' wild li huwa rikonoxxut bħala dipendenti (kif definit fl-Artikolu 11) u, f'każ ta' adozzjoni, li jkun taħt it-18-sena. Huwa għandu jiżdied għal tnax-il jum tax-xogħol fil-każ ta' twelid multiplu jew fil-każ ta' twelid ta' wild b'diżabilità.

Il-leave għandu jibda mid-data tat-twelid tal-wild jew mal-wasla tal-wild fid-dar il-ġdida tal-wild, iżda jista' jkun pospost jekk il-wild jinżamm l-isptar.

(g)

Membru tal-persunal għandu jkun intitolat sa xahrejn leave tal-ġenitur mingħajr salarju bażiku għal kull wild, li għandhom jittieħdu matul l-ewwel tnax-il xahar wara t-twelid jew l-adozzjoni tal-wild. Il-leave minimu li jista' jittieħed f'ħin partikolari m'għandux ikun inqas minn xahar u l-perijodu m'għandux jgħodd għall-akkumulazzjoni ta' leave annwali.

Waqt il-leave tal-ġenitur, is-sħubija tal-membru tal-persunal fl-iskema tas-sigurtà soċjali għandha tkompli; l-akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni, l-allowance tat-tfal dipendenti, l-allowance tal-edukazzjoni u l-allowance għal persuna b'diżabilità dipendenti għandhom jinżammu. Il-membru tal-persunal għandu jżomm il-pożizzjoni tiegħu, u jkompli jkun intitolat biex javvanza għal skala ogħla jew promozzjoni fil-grad

Waqt il-leave tal-ġenitur, il-membru tal-persunal għandu jkun intitolat għal allowance ta' EUR 800 kull xahar, iżda ma għandux jeżerċita impjieg ieħor bi qligħ.

Il-kontribuzzjoni sħiħa tal-iskema tas-sigurtà soċjali għandu jidħol għaliha s-SATCEN. Il-membru tal-persunal għandu jkompli jħallas il-kontribuzzjoni personali tiegħu għall-Iskema tal-Pensjoni, u għandu jkun intitolat għall-benefiċċji rilevanti.

(h)

Il-membri tal-persunal imsejħa biex iservu fil-forzi armati għal perijodu ta' taħriġ għandhom dritt għal leave speċjali mħallas ta' massimu ta' ġimagħtejn fis-sena jew erba' ġimgħat kull sentejn.

Il-perijodi ta' sejħa, li jestendu lil hinn minn dawn il-limiti, għandhom jitnaqqsu mil-leave annwali tal-membru tal-persunal.

Jekk membru tal-persunal jirċievi kumpens finanzjarju mill-awtorità nazzjonali li sejħitlu, l-ammont ta' tali kumpens għandu jitnaqqas mis-salarju tiegħu.


ANNESS IX

PROĊEDIMENTI DIXXIPLINARJI

(Kif imsemmi fl-Artikoli 2, 27 u 31 tar-Regolamenti tal-Persunal)

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

1.   Kull meta investigazzjoni Amministrattiva turi l-possibbiltà ta' involviment personali ta' membru tal-persunal, jew ta' ex membru tal-persunal, dik il-persuna għandha tiġi nfurmata bla telf ta' żmien, sakemm dan ma jkunx ta' dannu għall-investigazzjoni.

2.   F'każijiet li jirrikjedu segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni u jeħtieġu l-użu ta' proċeduri investigattivi li jaqgħu fil-mandat tal-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, konformità mal-obbligu li jiġi mistieden il-membru tal-persunal biex jikkummenta jista', bi ftehim mad-Direttur, jiġi differit.

F'każijiet ta' segretezza assoluta, ebda proċediment dixxiplinarju ma jista' jinfetaħ qabel ma l-membru tal-persunal ikun ingħata opportunità li jikkummenta.

3.   Jekk, wara investigazzjoni Amministrattiva, ma jkunx hemm każ kontra membru tal-persunal li dwaru jkunu saru l-allegazzjonijiet, l-investigazzjoni inkwistjoni għandha tingħalaq, mingħajr ma tittieħed aktar azzjoni, b'deċiżjoni tad-Direttur, li għandu jinforma bil-miktub lill-membru tal-persunal. Il-membru tal-persunal jista' jitlob li din id-deċiżjoni tidħol fil-fajl personali tiegħu.

4.   Fi kwalunkwe każ, ladarba l-investigazzjoni tkun kompluta, ma jistgħux jittieħdu konklużjonijiet li jirreferu għal membru tal-persunal b'ismu mingħajr ma tingħata l-opportunità lill-membru tal-persunal ikkonċernat li jikkummenta dwar il-fatti li jikkonċernawh. Il-konklużjonijiet għandhom jagħmlu referenza għal dawn il-kummenti.

Artikolu 2

Id-Direttur għandu jinforma lill-persuna kkonċernata meta tintemm l-investigazzjoni, u għandu jikkomunikalha l-konklużjonijiet tar-rapport Amministrattiv tal-investigazzjoni.

Abbażi tar-rapport tal-investigazzjoni, wara li jkun għarraf lill-membru tal-persunal ikkonċernat dwar il-provi kollha fil-fajls u wara li jkun sema' lill-membru tal-persunal ikkonċernat, id-Direttur jista':

(a)

jiddeċiedi li m'hemm l-ebda każ kontra l-membru tal-persunal, f'liema każ huwa għandu jiġi infurmat skont dan bil-miktub; jew

(b)

jiddeċiedi, anki jekk hemm jew jidher li kien hemm nuqqas li jikkonforma mal-obbligi, li m'għandha tittieħed ebda miżura dixxiplinarja u, jekk adatt, jindirizza twissija lill-membru tal-persunal; jew

(c)

fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi fit-tifsira tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal:

(i)

jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proċeduri dixxiplinarji previsti fit-Taqsima 4 ta' dan l-Anness, jew

(ii)

jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Bord Dixxiplinari.

Artikolu 3

Membru tal-persunal li, għal raġunijiet oġġettivi, ma jistax jinstema' taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, jista' jintalab biex jikkummenta bil-miktub jew jiġi rappreżentat minn persuna magħżula minnu.

Taqsima 2

Bord Dixxiplinari

Artikolu 4

1.   Meta Bord Dixxiplinari jkun stabbilit skont l-Artikolu 2 ta' dan l-Anness, il-Membri jistgħu jintgħażlu minn fost il-membri tal-persunal SATCEN jew minn Istituzzjonijiet jew Korpi Ewropej.

2.   Il-Bord Dixxiplinari għandu jikkonsisti minn president u żewġ membri, li jistgħu jkunu sostitwiti minn membri supplenti.

3.   Qabel ma jibda jaqdi dmirijietu, il-Bord Dixxiplinari għandu jaħtar Segretarju fost il-membri tal-persunal tas-SATCEN u għandu jistabbilixxi r-regoli interni tiegħu, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness.

4.   Is-Segretarju tal-Bord Dixxiplinari għandu jkun soġġett biss għall-awtorità tal-Bord Dixxiplinari.

Is-Segretarju tal-Bord Dixxiplinari għandu jkunu b'mod partikolari responsabbli għal kwistjonijiet ta' amministrazzjoni attwali tal-Bord Dixxiplinari u għall-komunikazzjonijiet kollha.

Artikolu 5

1.   Id-Direttur u l-Kumitat tal-Persunal imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom kull wieħed jaħtru fl-istess ħin membru u membru supplenti. Jekk, għal kwalunkwe raġuni, ma jkun inħatar l-ebda membru u l-ebda membru supplenti mill-Kumitat tal-Persunal, id-Direttur jista' jaħtar membru temporanji biex jissostitwixxuhom sakemm jinħatru.

2.   Il-president u l-viċi għall-president għandhom jiġu maħtura mid-Direttur.

3.   Il-president, il-membri u s-supplenti għandhom jiġu maħtura għal perijodu ta' tliet snin. Madankollu, is-SATCEN jista' jipprovdi għal perijodu iqsar għall-membri u l-membri supplenti, soġġett għal minimu ta' sena.

4.   Il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jkun intitolat li jirrifjuta wieħed mill-membri tal-Bord Dixxiplinari fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol min-notifika tal-istabbiliment tal-Bord Dixxiplinari. Id-Direttur għandu wkoll ikun intitolat li jiċħad wieħed mill-membri tal-Bord Dixxiplinari. Fl-istess limitu ta' żmien, il-membri tal-Bord Dixxiplinari jistgħu jitolbu li jkunu skużati mix-xogħol għal raġunijiet leġittimi u għandhom jirtiraw jekk ikun hemm konflitt ta' interessi.

Artikolu 6

1.   Il-president u l-membri tal-Bord Dixxiplinari għandhom ikunu kompletament indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

2.   Id-deliberazzjonijiet u l-proċedimenti tal-Bord Dixxiplinari m'għandhomx jinkixfu.

Taqsima 3

Miżuri Dixxiplinarji

Artikolu 7

1.   Id-Direttur jista' jimponi waħda mill-pieni li ġejjin:

(a)

twissija bil-miktub;

(b)

twiddiba;

(c)

differiment ta' promozzjoni għal skala ogħla għal perijodu ta' bejn xahar u 23 xahar;

(d)

relegazzjoni fl-iskala;

(e)

tnaqqis temporanju fil-grad għal perijodu ta' bejn 15-il jum u sena;

(f)

tnaqqis fil-grad;

(g)

tneħħija mill-pożizzjoni, li tinvolvi t-terminazzjoni tal-kuntratt, flimkien mat-telfien totali tal-indennizz għat-telf tal-impjieg jew allowance għal kuntratt b'terminu definit.

2.   Fejn il-membru tal-persunal qed jirċievi pensjoni tal-irtirar jew allowance tal-invalidità, id-Direttur jista' jiddeċiedi li jżomm ammont mill-pensjoni jew mill-allowance tal-invalidità għal perijodu partikolari; l-effetti ta' din il-miżura m'għandhomx jestendu għad-dipendenti tal-membru tal-persunal. Madankollu, id-dħul tal-membru tal-persunal ma jistax ikun inqas miċ-ċifra minima ta' sussistenza li tikkorrispondi għas-salarju bażiku ta' membru tal-persunal fil-pożizzjoni C1/1, biż-żieda ta' kwalunkwe allowance tal-familja li huwa pagabbli.

3.   Każ wieħed ta' komportament skorrett ma għandux iwassal għal aktar minn piena dixxiplinarja waħda.

Artikolu 8

Is-severità tal-pieni dixxiplinarji imposti għandha tkun proporzjonata mas-serjetà tal-komportament skorrett. Sabiex tiġi determinata s-serjetà tal-komportament skorrett u sabiex tiġi deċiża l-piena dixxiplinarja li għandha tiġi imposta, b'mod partikolari għandu jitqies:

(a)

it-tip ta' komportament skorrett u f'liema ċirkostanzi seħħ;

(b)

sa liema punt il-komportament skorrett jaffettwa ħażin l-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interessi tas-SATCEN;

(c)

sa liema punt il-komportament skorrett jinvolvi azzjonijiet intenzjonali jew negliġenza;

(d)

ir-raġunijiet għall-komportament skorrett tal-membru tal-persunal;

(e)

il-grad u s-senjorità tal-membru tal-persunal;

(f)

il-livell tar-responsabbiltà personali tal-membru tal-persunal;

(g)

il-livell tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-membru tal-persunal;

(h)

jekk il-komportament skorrett jinvolvix azzjoni jew imġiba ripetuta;

(i)

il-komportament tal-membru tal-persunal matul il-karriera tiegħu.

Taqsima 4

Proċedimenti dixxiplinarji li ma jinvolvux lill-Bord Dixxiplinari

Artikolu 9

Id-Direttur jista', mingħajr ma jikkonsulta lill-Bord Dixxiplinari, jiddeċiedi li jġib fi tmiem il-proċedimenti dixxiplinarji billi jagħti twissija bil-miktub jew twiddiba. F'tali każ, qabel ma tali azzjoni tittieħed mid-Direttur, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jinstema'.

Taqsima 5

Proċedimenti dixxiplinarji quddiem il-Bord Dixxiplinari

Artikolu 10

1.   Id-Direttur għandu jissottometti rapport lill-Bord Dixxiplinari, fejn tiddikjara b'mod ċar il-fatti lmentati u, fejn xieraq, iċ-ċirkostanzi li fihom seħħew, inklużi kwalunkwe fatti aggravanti jew estenwanti.

2.   Ir-rapport għandu jiġi kkomunikat lill-membru tal-persunal u lill-president tal-Bord Dixxiplinari, li għandu jġibu għall-attenzjoni tal-membri tal-Bord Dixxiplinari.

Artikolu 11

1.   Meta jirċievi r-rapport, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jkollu d-dritt jitlob u jottjeni mingħand l-Amministrazzjoni tas-SATCEN, fi żmien raġonevoli, il-fajl personali komplut tiegħu u li jottjeni kopji tad-dokumenti kollha rilevanti għall-proċedimenti, inklużi provi eżoneranti.

2.   Il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jkollu mhux inqas minn xahar mid-data li fiha ikun irċieva r-rapport li jagħti bidu għall-proċedimenti dixxiplinari biex jipprepara difiża.

3.   Il-membru tal-persunal jista' jkun assistit minn persuna magħżula minnu.

Artikolu 12

Jekk, fil-preżenza tal-President tal-Bord Dixxiplinari, il-membru tal-persunal ikkonċernat jammetti l-komportament skorrett min-naħa tiegħu u jaċċetta bla riżerva r-rapport imsemmi fl-Artikolu 10 ta' dan l-Anness, id-Direttur jista', skont il-prinċipju tal-proporzjonalità bejn in-natura tal-komportament skorrett u l-piena li tkun qed tiġi kkunsidrata, jirtira l-każ mill-Bord Dixxiplinari.

Fejn każ jiġi rtirat mill-Bord Dixxiplinari l-President għandu jagħti opinjoni dwar il-piena kkunsidrata. Taħt din il-proċedura d-Direttur jista', b'deroga mill-Artikolu 9 ta' dan l-Anness, jimponi waħda mill-pieni previsti fl-Artikolu 7(1) (a) sa (d) ta' dan l-Anness.

Il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jiġi infurmat qabel ma jiġi rikonoxxut il-komportament skorrett tiegħu bil-konsegwenzi possibbli ta' tali rikonoxximent.

Artikolu 13

Qabel l-ewwel laqgħa tal-Bord Dixxiplinari, il-president għandu jagħti lil wieħed mill-membri tiegħu l-kompitu li jipprepara rapport ġenerali dwar il-kwistjoni u għandu jinforma lill-membri l-oħrajn tal-Bord Dixxiplinari kif meħtieġ.

Il-Bord Dixxiplinari jista' jitlob li jiġu ċċarati xi elementi tar-Rapport tad-Direttur. Iż-żewġ partijiet għandhom ikunu notifikati dwar l-eżitu.

Artikolu 14

1.   Il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jinstema' mill-Bord Dixxiplinari; fis-seduta, huwa jista' jagħmel osservazzjonijiet bil-miktub jew bil-fomm, jew personalment jew permezz ta' rappreżentant.

2.   Il-membru tal-persunal ikkonċernat u d-Direttur jistgħu jipproponu lill-Bord Dixxiplinari biex isejjaħ xhieda.

3.   Is-SATCEN għandu jkun rappreżentat quddiem il-Bord Dixxiplinari minn membru tal-persunal b'mandat tad-Direttur għal dan l-effett.

Artikolu 15

Wara li jikkunsidra d-dokumenti ppreżentati u kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula kemm bil-fomm jew bil-miktub, il-Bord Dixxiplinari għandu, b'vot ta' maġġoranza, jagħti opinjoni motivata dwar jekk il-fatti li sar ilment dwarhom humiex stabbiliti u dwar kwalunkwe piena li tirriżulta minn dawk il-fatti. L-opinjoni għandha tkun iffirmata mill-membri kollha tal-Bord. Il-Bord Dixxiplinari għandu jittrasmetti l-opinjoni lid-Direttur u lill-membru tal-persunal ikkonċernat fi żmien xahrejn mid-data li fiha jkun irċieva r-rapport lid-Direttur, bil-kondizzjoni li dan il-limitu ta' żmien ikun proporzjonat mal-grad ta' kumplessità tal-każ.

Artikolu 16

1.   L-ispejjeż magħmulin fuq l-inizjattiva tal-membru tal-persunal ikkonċernat waqt proċedimenti dixxiplinarji, u b'mod partikolari kumpensi mħallsa lil persuna magħżula biex tgħin lill-membru tal-persunal jew għad-difiża tiegħu, għandhom jitħallsu mill-membru tal-persunal fejn il-proċedimenti dixxiplinarji jirriżultaw fl-impożizzjoni ta' waħda mill-pieni previsti fl-Artikolu 7 ta' dan l-Anness.

2.   Madankollu, id-Direttur jista' jiddeċiedi mod ieħor f'każijiet eċċezzjonali fejn il-piż fuq il-membru tal-persunal ikkonċernat ma jkunx ġust.

Artikolu 17

1.   Wara li jisma' lill-membru tal-persunal id-Direttur għandu jasal għad-deċiżjoni tiegħu kif previst fl-Artikoli 8 u 9 ta' dan l-Anness fi żmien xahrejn mill-irċevuta tal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari. Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni.

2.   Jekk id-Direttur jiddeċiedi li jagħlaq il-każ mingħajr ma jimponi kwalunkwe piena dixxiplinarja, huwa għandu wkoll jinforma lill-membru tal-persunal ikkonċernat b'dan bil-miktub u mingħajr dewmien. Il-membru tal-persunal ikkonċernat jista' jitlob li d-deċiżjoni tiddaħħal fil-fajl personali tiegħu.

Taqsima 6

Sospensjoni

Artikolu 18

1.   Jekk id-Direttur jakkuża lil membru tal-persunal b'komportament serjament skorrett, kemm minħabba nuqqas li jonora l-obbligi professjonali tiegħu jew minħabba ksur tal-liġi, huwa jista' jissospendi minnufih lill-persuna akkużata b'dak il-komportament skorrett għal perijodu speċifikat jew indefinit.

2.   Id-Direttur jista' jieħu din id-deċiżjoni wara li jkun sema' lill-membru tal-persunal ikkonċernat, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

Artikolu 19

1.   Id-deċiżjoni li tissospendi membru tal-persunal għandha tiddikjara jekk il-membru tal-persunal għandux ikompli jirċievi r-rimunerazzjoni sħiħa tiegħu waqt il-perijodu ta' sospensjoni jew liema parti minnha għandha tinżamm. L-ammont imħallas lill-membru tal-persunal m'għandu taħt l-ebda ċirkostanza jkun inqas miċ-ċifra minima ta' sussistenza li tikkorrispondi għas-salarju bażiku ta' membru tal-persunal fil-grad C 1. skala 1, biż-żieda ta' kwalunkwe allowance tal-familja pagabbli.

2.   Is-sitwazzjoni ta' membru tal-persunal sospiż għandha tiġi deċiża fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tieħu effett is-sospensjoni. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jkun intitolat li jirċievi mill-ġdid ir-rimunerazzjoni sħiħa, soġġett għall-paragrafu 3.

3.   Parti mir-rimunerazzjoni tista' tkompli tinżamm wara l-iskadenza ta' sitt xhur imsemmija fil-paragrafu 2 jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat huwa s-soġġett ta' proċedimenti kriminali għall-istess atti u huwa f'kustodja bħala riżultat ta' dawk il-proċedimenti. F'każijiet bħal dawn il-membru tal-persunal m'għandux jirċievi r-rimunerazzjoni sħiħa sakemm il-qorti kompetenti ma tkunx ordnat il-ħelsien tiegħu.

4.   Is-somom miżmuma skont il-paragrafu 1 għandhom jitħallsu lura lill-membru tal-persunal jekk id-deċiżjoni finali timponi piena dixxiplinarja li ma tkunx aktar ħarxa minn twissija bil-miktub, twiddiba, jew differiment ta' promozzjoni għal skala ogħla, jew jekk l-ebda piena dixxiplinarja ma tiġi imposta; fil-każ tal-aħħar, il-ħlas lura għandu jsir b'interessi komposti bir-rata ta' 3,5 % fis-sena.

Taqsima 7

Prosekuzzjoni kriminali parallela

Artikolu 20

Meta membru tal-persunal jiġi pproċessat fir-rigward ta' atti li jagħtu lok ukoll għal proċedimenti dixxiplinarji taħt dan l-Anness, għandha tittieħed deċiżjoni finali fil-proċedimenti dixxiplinarji biss wara li sentenza finali tingħata mill-qorti li tismal-kawża.

Taqsima 8

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 21

Membru tal-persunal li kontrih ġiet ordnata piena dixxiplinarja barra minn tneħħija mill-post jista', wara tliet snin fil-każ ta' twissija bil-miktub jew twiddiba jew wara sitt snin fil-każ ta' kwalunkwe piena oħra, jippreżenta talba għat-tħassir ta' kwalunkwe referenza għal tali miżuri mill-fajl personali tiegħu. Id-Direttur għandu jiddeċiedi jekk jilqax din it-talba.

Artikolu 22

Fejn jitfaċċaw fatti ġodda sostnuti minn provi rilevanti, jistgħu jerġgħu jinfetħu proċedimenti dixxiplinarji mid-Direttur fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara applikazzjoni mill-membru tal-persunal ikkonċernat.

Artikolu 23

Jekk ma jitressaq l-ebda każ kontra l-membru tal-persunal skont l-Artikolu 15 ta' dan l-Anness, il-membru tal-persunal għandu jkun intitolat li l-ħsara li ġarrab tissewwa permezz ta' pubbliċità adatta tad-deċiżjoni tad-Direttur.

Artikolu 24

Id-Direttur jista' jadotta regoli implimentattivi għal dawn il-proċeduri.


ANNESS X

BORD TAL-APPELL

(Kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal)

1.   Kompetenza

Il-Bord tal-Appell għandu jkollu l-awtorità li jiddeċiedi tilwim li jirriżulta minn ksur ta' dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew tal-kuntratti previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għal dan il-għan għandu jkollu kompetenza fir-rigward tal-appelli miġjuba minn membri tal-persunal waqt il-kariga jew ex membri tal-persunal, jew mill-werrieta u/jew rappreżentanti tagħhom, kontra deċiżjoni tad-Direttur.

Il-Bord tal-Appell għandu jkollu kompetenza wkoll f'każijiet fejn membru tal-persunal jixtieq ifittex membru tal-persunal ieħor permezz ta' ġurisdizzjoni nazzjonali u tali azzjoni tkun ġiet imblokkata bir-rifjut tad-Direttur li jneħħi l-immunità ta' dan tal-aħħar.

Il-Bord tal-Appell għandu wkoll ikun kompetenti li jsolvi t-tilwim dwar il-kompetenza tiegħu, kif definita f'dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, jew kwalunkwe kwistjoni ta' proċedura.

2.   Kompożizzjoni u status

(a)

Il-Bord tal-Appell għandu jkun kompost minn President u żewġ membri. Huma jistgħu jiġu sostitwiti minn supplenti. Il-President jew wieħed mill-membri u wieħed mis-supplenti tagħhom għandu jkollu formazzjoni ġuridika.

(b)

Il-President, is-supplenti tiegħu, il-membri u s-supplenti tagħhom għandhom jinħatru mill-Bord tas-SATCEN, għal perijodu ta' erba' snin. Jekk wieħed minnhom f'xi żmien ma jkunx jista' iservi, għandha ssir ħatra ġdida għat-terminu li jkun baqa'.

(c)

Il-kandidati għandhom ikunu proposti mir-Rappreżentanti tal-Istati Membri fuq il-Bord tas-SATCEN. Id-Direttur jista' wkoll jipproponi l-kandidati wara li jqis il-proposti li jistgħu jkunu saru mill-Kumitat tal-Persunal.

(d)

Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu għal kollox indipendenti fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom; huma la għandhom ikunu membri tal-persunal tas-SATCEN u lanqas ta' delegazzjoni ta' Stat Membru. Huma la għandhom ifittxu u lanqas jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi persuna tkun min tkun.

(e)

Membru tal-Bord tal-Appell li tkun, jew tidher li tkun, f'konflitt ta' interess kif definit fil-punt (f) ta' dan il-paragrafu għandu jillimita lilu nnifsu mill-każ u għandu jinforma lill-President. Parti tista' tagħmel talba motivata lill-President tal-Bord tal-Appell biex membru jkun limitat għal raġunijiet ta' konflitt ta' interess, li, wara li jkun talab kummenti mingħand il-membru kkonċernat, jiddeċiedi dwar it-talba u għandu jinforma lill-parti bid-deċiżjoni bil-miktub. Talba għal-limitazzjoni tal-President għandha titressaq għal deċiżjoni quddiem bord ta' żewġ membri. Is-Segretarjat tal-Bord tal-Appell għandu jikkomunika d-deċiżjoni lill-partijiet ikkonċernati

(f)

It-terminu “konflitt ta' interess” jfisser kwalunkwe fattur li jista' jxekkel, jew raġonevolment jagħti l-idea li qed ixekkel, il-kapaċità ta' membru milli b'mod indipendenti u imparzjali jiddeċiedi kawża assenjata lilu.

Jinqala' konflitt ta' interess meta kawża assenjata lil membru tkun tinvolvi xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

Persuna li magħha l-membru jkollu relazzjoni personali, familjari jew professjonali;

(ii)

Kwistjoni li fiha l-membru jkun serva qabel f'kapaċità oħra, inkluż bħala konsulent, avukat, espert jew xhud;

(iii)

Kwalunkwe ċirkostanza oħra, li tista' tidher quddiem osservatur raġonevoli u imparzjali li l-parteċipazzjoni tal-membru fl-aġġudikazzjoni tal-kawża ma tkunx xierqa.

(g)

Qabel ma jibda jaqdi dmirijietu, kull membru tal-Bord tal-Appell għandu joħroġ dikjarazzjoni fejn huwa jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'imparzjalità u skont il-kuxjenza u jaħlef li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Appell.

(h)

It-termini dettaljati tal-ħatra għandhom jiġu mniżżla f'ittra ta' ħatra ffirmata mis-Segretarjat tal-Bord tas-SATCEN.

(i)

L-emolumenti tal-President, tal-membri u l-viċijiet għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord tas-SATCEN.

(ii)

Il-Bord tal-Appell għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness.

3.   Segretarjat tal-Bord tal-Appell

(a)

Is-Segretarju tal-Bord tal-Appell u l-viċi tiegħu għandhom jiġu maħtura għal perijodu ta' erba' snin mid-Direttur minn fost il-membri tal-persunal tas-SATCEN.

(b)

Fl-eżerċizzju ta' dmirijietu, is-Segretarju tal-Bord tal-Appell u l-viċi tiegħu għandhom jaġixxu ta' reġistratur u għandhom ikunu soġġetti biss għall-awtorità tal-Bord tal-Appell.

(c)

Is-Segretarju tal-Bord tal-Appell għandu jkun responsabbli għal kwistjonijiet amministrattivi, inklużi l-komunikazzjonijiet.

(d)

Qabel ma jassumi l-kariga tiegħu, is-Segretarju tal-Bord tal-Appell u l-viċi tiegħu għandhom joħorġu dikjarazzjoni deskritta fil-punt 2(e) ta' dan l-Anness.

4.   Appelli

(a)

L-appelli ppreżentati lill-Bord tal-Appell għandhom ikunu ammissibbli biss jekk l-appellant ikun preċedentement ipprova mingħajr suċċess jikseb sodisfazzjon permezz ta' appell amministrattiv lid-Direttur.

(b)

L-appellant għandu jkollu perijodu ta' 20 jum min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata jew id-data taċ-ċaħda minn waħda mill-partijiet tas-sejbiet tal-medjatur biex jippreżenta talba bil-miktub li tali deċiżjoni tkun irtirata jew modifikata mill-Bord tal-Appell. Dik it-talba għandha tiġi indirizzata lis-Segretarju tal-Bord tal-Appell, li għandu jirrikonoxxi li rċevieha, jinforma lid-Direttur tas-SATCEN u għandu jagħti bidu għall-proċedura biex ilaqqa' l-Bord tal-Appell.

(c)

L-appelli għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarjat tal-Bord tal-Appell fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-pensjonijiet, il-Bord tal-Appell jista' jaċċetta appelli ddepożitati fi żmien sena mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

(d)

L-appelli għandhom isiru bil-miktub; għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet kollha għall-appell imressqin mill-appellant u fl-istess waqt għandha tiġi ppreżentata l-provi dokumentarji ta' appoġġ.

(e)

L-appelli m'għandhomx jissospendu t-twettiq tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ħlief fil-każ previst fil-paragrafu 9(a) ta' dan l-Anness.

5.   Proċedura preliminari

(a)

L-appelli għandhom jintbagħtu minnufih lid-Direttur, li għandu jagħti l-kummenti tiegħu dwarhom bil-miktub. Kopja ta' dawk il-kummenti għandha, fi żmien xahar min-notifika tal-appell lid-Direttur jew lir-rappreżentant tiegħu, tiġi komunikata lis-Segretarju tal-Bord tal-Appell, u lill-appellant. Dan tal-aħħar jista' fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol min-notifika lilu jew lir-rappreżentant legali tiegħu, jagħti tweġiba bil-miktub, liema kopja tagħha tkun immedjatament notifikata lid-Direttur jew lir-rappreżentant tiegħu mis-Segretarju tal-Bord tal-Appell.

(b)

L-appelli, flimkien mal-argumentazzjonijiet bil-miktub u l-provi dokumentarji ppreżentati, il-kummenti tad-Direttur u t-tweġiba tal-appellant, jekk ikun hemm, għandhom jiġu komunikati lill-membri tal-Bord tal-Appell mis-Segretarjat tiegħu fi żmien tliet xhur mid-depożitu tal-appell u mill-inqas ħmistax-il jum qabel id-data tal-udjenza li fiha għandhom jiġu kkunsidrati.

(c)

Il-Bord tal-Appell jista' jwettaq l-inkjesti kollha li huwa jqis meħtieġa, u jista' b'mod partikolari jitlob lill-partijiet sabiex jipproduċu d-dokumenti kollha u biex jipprovdu l-informazzjoni kollha li huwa jqis meħtieġa għall-proċedimenti.

(d)

Barra minn hekk il-Bord tal-Appelli jista' fi kwalunkwe ħin jinkariga persuna jew korp tal-għażla tiegħu stess biex jipproduċi opinjoni ta' espert.

(e)

Il-partijiet kollha jistgħu jipproponu lill-Bord tal-Appell biex isejjaħ xhieda u jista' jippreżenta forom oħrajn xierqa ta' evidenza. Membri tal-persunal, jekk hekk mitluba mill-Bord tal-Appell, għandhom jidhru quddiemu sabiex jagħtu evidenza u jixhdu.

6.   Tlaqqigħ tal-Bord tal-Appell

Il-Bord tal-Appell għandu jitlaqqa' mill-President tiegħu, li ser jiddetermina l-post fejn ser issir l-udjenza u l-aġenda għal kull sessjoni.

Id-data tal-udjenza għandha tkun ikkomunikata mis-Segretarju tal-Bord tal-Appell lill-membri tal-Bord, id-Direttur, u l-appellant, minn tal-anqas 15-il ġurnata tax-xogħol minn qabel. Għandhom jintbagħtu kopja tal-fajls, kif iddikjarat fil-paragrafu 5(b) ta' dan l-Anness, fl-istess limitu ta' żmien, lil kull membru tal-Bord tal-Appell.

Il-Bord tal-Appell għandu, taħt ċirkustanzi normali, jikkunsidra l-appelli ppreżentati lilu fi żmien erba' xhur mid-data li fiha ġew depożitati.

L-ebda udjenza tal-Bord tal-Appell ma għandha tiġi kkunsidrata li laħqet quorum sakemm il-President, jew il-viċi tiegħu, u tal-inqas żewġ membri, jew is-supplenti tagħhom, ma jkunux preżenti.

7.   Udjenzi tal-Bord tal-Appell

(a)

L-udjenzi tal-Bord tal-Appell għandha tkun pubblika (sakemm il-Bord tal-Appell ma jiddeċidix mod ieħor). Il-Bord tal-Appell għandu jiddelibera fis-sigriet.

(b)

Id-Direttur jew/u r-rappreżentant tiegħu, flimkien mal-appellant u/jew ir-rappreżentant legali tiegħu, għandhom jattendu l-udjenza u jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet verbali b'appoġġ tar-raġunijiet miġjuba fl-argumentazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

(c)

Il-Bord tal-Appell jista' jitlob il-preżentazzjoni ta' kwalunkwe dokument li jaħseb li huwa utli għall-konsiderazzjoni tal-appell li għandu quddiemu. Id-dokumenti hekk ipprovduti għandhom jiġu komunikati wkoll lid-Direttur u lill-appellant.

(d)

Il-Bord tal-Appell għandu jismal-partijiet u tali xhieda li jqis li jistgħu jkunu utli fil-proċedimenti. Kwalunkwe membru tal-persunal imsejjaħ bħala xhud għandu jidher quddiem il-Bord tal-Appell u ma jistax jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni meħtieġa.

(e)

L-appellant għandu jkunu intitolat għal kontribuzzjoni ta' rata fissa li tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni skont l-Anness VI għar-Regolamenti tal-Persunal.

8.   Udjenzi in absentia

(a)

Il-Bord tal-Appell jista' jiddeċiedi li jeżamina l-każ fl-assenza ta' parti waħda jew it-tnejn li huma, dment li d-data tal-udjenza tkun ġiet debitament notifikata lill-partijiet ikkonċernati.

(b)

Jekk parti waħda jew it-tnejn li huma, minkejja li jkunu konvokati, ma jidhrux quddiem il-Bord tal-Appell, mingħajr ma jipproduċu raġuni valida, il-Bord tal-Appell jista' jġib fi tmiem l-udjenza u jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu.

9.   Deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell

(a)

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord tal-Appell jista' jagħti ordni temporanja li tissospendi t-twettiq tal-miżura kkontestata, sakemm tittieħed deċiżjoni aħħarija skont il-punt (b).

(b)

Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'vot ta' maġġoranza. Huma għandhom jingħataw bil-miktub u jsemmu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. M'għandu jkun hemm ebda appell minnhom, u għandhom jiġu infurzati għaż-żewġ partijiet fi żmien jum liberu min-notifika tagħhom.

(c)

Il-Bord tal-Appell jista', madankollu, jiġi mitlub jirrettifika żbalji ta' kitba, ta' kalkolu u difetti ovvji f'deċiżjoni mogħtija. Talbiet għal rettifika iridu jiġu ppreżentati fi żmien sitt xhur mid-data meta l-iżball ġie nnutat.