18.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/88


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/814

tat-12 ta’ Ottubru 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì rigward is-sostituzzjoni tal-Artikolu 12 tal-Anness III għall-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) b’mod konġunt mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 38 tal-Anness III għall-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì (“il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Anness.

(2)

Fl-4 ta’ Novembru 2014, il-Kumitat Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini, stabbilit bl-Artikolu 81 tal-Ftehim, qabel li jirrakkomanda lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni li ssir emenda għall-Artikolu 12, dwar it-trasport dirett, tal-Anness III għall-Ftehim.

(3)

Il-vjeġġ tal-kunsinni minn Parti waħda tal-Ftehim għandu jasal direttament għand il-Parti l-oħra iżda, taħt ċerti restrizzjonijiet, jista’ jgħaddi wkoll minn pajjiż terz. Il-kundizzjonijiet għat-trasport minn pajjiż terz għandhom jiġu kkjarifikati b’mod li jippermettu espliċitament il-qsim tal-kunsinni iżda mingħajr ebda tnaqqis tar-restrizzjonijiet eżistenti.

(4)

L-emenda tal-Artikolu 12 tal-Anness III għall-Ftehim tipprovdi ċertezza legali għall-importaturi u l-esportaturi, kif ukoll konsistenza fl-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-Partijiet.

(5)

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni rigward is-sostituzzjoni tal-Artikolu 12 tal-Anness III għall-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, mingħajr l-ebda deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 352, 30.12.2002, p. 3 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Volum 053 p. 3).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU …TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U Ċ-ĊILÌ

ta’

li tissostitwixxi l-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U Ċ-ĊILÌ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Anness III għalih;

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jistabbilixxi li t-trattament preferenzjali japplika biss għall-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness III li huma ttrasportati direttament bejn ir-Repubblika taċ-Ċilì (“Ċilì”) u l-Unjoni Ewropea.

(2)

Iċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea kkonkludew diversi ftehimiet b’kontenut kummerċjali mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, li taw il-possibbiltà lill-operaturi ekonomiċi li jadattaw l-istrateġija ta’ esportazzjoni tagħhom biex jiffrankaw l-ispejjeż u jwieġbu aħjar għad-domanda tas-suq.

(3)

Iċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea ftiehmu li jemendaw l-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim sabiex l-operaturi ekonomiċi jkollhom aktar flessibbiltà,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Atikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim, dwar it-trasport dirett, huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara l-jum li fih tkun saret l-aħħar notifika li permezz tagħha l-partijiet jikkomunikaw it-tlestija tal-proċeduri legali domestiċi meħtieġa.

Magħmul fi…

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì

Il-President


(1)  ĠU L 352, 30.12.2002, p. 3 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Volum 053 p. 3).


ANNESS

“Artikolu 12

Trasport dirett

1.   It-trattament preferenzjali previst taħt dan il-Ftehim japplika biss għall-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-Anness, li huma trasportati direttament bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì. Madankollu, il-prodotti jistgħu jiġu trasportati minn territorji oħra bi trasbord jew ħażna temporanja f’dawn it-territorji, sakemm jibqgħu taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali fil-pajjiż ta’ tranżitu jew ta’ ħżin, u ma jsirux operazzjonijiet fuqhom għajr iż-żieda jew it-twaħħil ta’ marki, tikketti jew siġilli; ħatt l-art; tagħbija mill-ġdid; qsim ta’ kunsinni; jew kwalunkwe operazzjoni maħsuba biex il-prodotti jibqgħu f’kundizzjoni tajba.

2.   Għandu jitqies li jkun hemm konformità mal-paragrafu 1 sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx xi raġuni biex jemmnu mod ieħor. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrikjedu lill-importatur biex jipprovdi evidenza tal-konformità, li għandha tingħata bi kwalunkwe mezz adatt, inklużi dokumenti kuntrattwali tat-trasport, pereżempju poloz tal-kargu, jew evidenza fattwali jew konkreta bbażata fuq l-immarkar jew in-numerazzjoni tal-pakketti, jew kwalunkwe evidenza relatata mal-prodotti nfushom.”