25.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 107/33 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/728
tal-20 ta' April 2017
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE dwar is-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal għall-ippakkjar tal-injam li bħalissa jintuża fit-trasport ta' prodotti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina
(notifikata bid-dokument C(2017) 2429)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/92/UE (2) tipprevedi s-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal għall-ippakkjar tal-injam li bħalissa jintuża fit-trasport ta' prodotti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina |
(2) |
L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE wriet li l-materjal għall-ippakkjar tal-injam li jintuża fit-trasport ta' ċerti prodotti li joriġinaw fiċ-Ċina għadu jippreżenta riskju fitosanitarju lill-Unjoni. Għalhekk, is-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri previsti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jenħtieġ li jkomplu japplikaw sal-31 ta' Lulju 2018 u jenħtieġ li tiġi stabbilita kif xieraq id-data li fiha l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar il-kontrolli fitosanitarji għall-importazzjoni. |
(3) |
Il-Kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda ta' ċerti prodotti ġew aġġornati permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 (3). Għalhekk, il-formularji tar-rappurtar stabbiliti fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2013/92/UE jenħtieġ li jiġu allinjati man-nomenklatura aġġornata. |
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/92/UE tiġi emendata skont dan. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE hija emendata kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 5 Rappurtar Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kummissjoni 94/3/KE (*1), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Lulju 2017 għall-perjodu mill-1 ta' April 2016 sal-31 ta' Marzu 2017 u sat-30 ta' April 2018 għall-perjodu mill-1 ta' April 2017 sal-31 ta' Marzu 2018, in-numru u r-riżultati tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti mwettqa f'konformità mal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Deċiżjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jużaw il-formularju tar-rapportar stabbilit fl-Anness II. (*1) Id-Direttiva tal-KummissjonI 94/3/KE tal-21 ta' Jannar 1994 li tistabbilixxi proċedura għan-notifika ta' interċettazzjoni ta' kunsinna jew organiżmu jikkawżaw ħsara minn pajjiżi terzi u li jkun ta' periklu fitosanitarju imminenti (ĠU L 32, 5.2.1994, p. 37).”" |
(2) |
Fl-Artikolu 7, it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej: “L-Artikoli 1 sa 4 għandhom japplikaw sal-31 ta' Lulju 2018.” |
(3) |
L-Annessi I u II huma emendati f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2017.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/92/UE tat-18 ta' Frar 2013 dwar is-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal għall-ippakkjar tal-injam li bħalissa jintuża fit-trasport ta' prodotti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina (ĠU L 47, 20.2.2013, p. 74).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta' Ottubru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 294, 28.10.2016, p. 1).
ANNESS
1. |
Fit-tmien ringiela tat-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE, in-numru “6908” jinbidel b'“6907”. |
2. |
Fit-tmien ringiela tat-tabella fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE, in-numru “6908” jinbidel b'“6907”. |