6.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/100


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/652

tad-29 ta' Marzu 2017

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa”

(notifikata bid-dokument C(2017) 2200)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)5969 tat-13 ta' Settembru 2013, ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma favur id-diversità” ġiet miċħuda. Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Frar 2017 (il-kawża T-646/13) annullat dik id-Deċiżjoni, fuq il-bażi li l-Kummissjoni ma kinitx konformi mal-obbligu tagħha li tgħid x'inhuma r-raġunijiet billi ma indikatx liema miżuri, fost dawk stipulati fl-anness tal-IEĊ proposta, ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha, u lanqas ir-raġunijiet li jsostnu dik il-konklużjoni. Sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni jkollha tadottata Deċiżjoni ġdida dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

(2)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” jirreferi għas-segwenti “Nappellew lill-UE biex ittejjeb il-protezzjoni ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u sabiex issaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni”.

(3)

L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għas-segwenti “Nappellaw lill-UE tadotta ġabra ta' atti legali li jtejbu l-protezzjoni ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u li jsaħħu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. Hija għandha tinkludi azzjonijiet ta' politika fl-oqsma tal-lingwi reġjonali u minoritarji, l-edukazzjoni u l-kultura, il-politika reġjonali, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, il-kontenut awdjoviżiv u midja oħra kif ukoll għajnuna reġjonali (mill-istat)”.

(4)

L-anness tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jsemmi b'mod speċifiku 11-il att legali tal-Unjoni li, skont l-għan tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, għandhom, essenzjalment, jiġu proposti mill-Kummissjoni, jiġifieri:

(a)

rakkomandazzjoni tal-Kunsill “dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni” abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u t-tieni inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE;

(b)

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, li s-suġġett tagħha jew tiegħu jkun li jiġu adattati “programmi ta' fffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta' minoranza”;

(c)

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, li s-suġġett tagħha jew tiegħu ikun li jinħoloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta' minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livell kollha u li jkun iffinanzjat prinċipalment mill-Unjoni Ewropea;

(d)

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-Artikoli 177 TFUE u 178 TFUE, li s-suġġett tiegħu ikun li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-fondi reġjonali tal-UE b'tali mod li l-protezzjoni tal-minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika ikunu inklużi fihom bħala objettivi tematiċi;

(e)

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 173(3) TFUE u l-Artikolu 182(1) TFUE, li s-suġġett tiegħu ikun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm “Orizzont 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista' ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f'reġjuni tal-UE;

(f)

direttiva, regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 20(2) TFUE u l-Artikolu 25 TFUE għall-iskop ta' tisħiħ fi ħdan l-UE tal-post taċ-ċittadini li jappartjenu għal xi minoranza nazzjonali, bil-għan li jiġi żgurat li l-preokkupazzjonijiet leġittimi tagħhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

(g)

miżuri effikaċi biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u biex jippromwovu t-trattament indaqs, inkluż għall-minoranzi nazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' reviżjoni tad-direttivi eżistenti tal-Kunsill rigward it-trattament indaqs, abbażi tal-Artikolu 19(1) TFUE;

(h)

emendar tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex tiggarantixxi trattament indaqs approssimattiv bejn persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 79(2) TFUE;

(i)

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 118 TFUE, sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-UE kollha kemm hi tkun tista' tiġi kkunsidrata suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur;

(j)

emenda għad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għall-fini li tiġi ggarantita l-libertà tal-provvista ta' servizzi awdjoviżivi u r-riċezzjoni tagħhom f'reġjuni fejn ikunu jirreżjedu minoranzi nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 53(1) TFUE u l-Artikolu 63 TFUE;

(k)

regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, bil-għan li jkun hemm eżenzjoni ta' kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom, abbażi tal-Artikolu 109 TFUE, l-Artikolu 108(4) TFUE u l-Artikolu 107(3)(e) TFUE.

(5)

Jistgħu jiġu adottati atti legali tal-Unjoni għall-fini li jiġu implimentati t-Trattati

fl-oqsma tat-titjib tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej; il-konservazzjoni u s-salvagwardja tal-patrimonju kulturali ta' importanza Ewropea; skambji kulturali mhux kummerċjali; il-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi fis-settur awdjo-viżiv,

fl-oqsma tal-iżvilupp tal-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, inkluż fost oħrajn permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi tal-Istati Membri,

fid-definizzjoni tal-kompiti, l-objettivi ta' prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni,

rigward miżuri speċifiċi b'appoġġ għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri sabiex jinkisbu l-objettivi li jitħaffef l-aġġustament li jkollha tagħmel l-industrija minħabba bidliet strutturali, li jiġi inkoraġġit ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta' impriżi madwar l-Unjoni, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, jiġi inkoraġġit ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi, tisseddaq esplojtazzjoni aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku,

fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku fil-forma ta' programm qafas pluriennali li jistabbilixxi l-objettivi xjentifiċi u teknologiċi li jridu jinkisbu permezz tal-attivitajiet tal-Unjoni u li jiffissa l-prijoritajiet relevanti, bl-indikazzjoni tal-linji ġenerali ta' tali attivitajiet u billi jiġi stabbilit l-ammont kumplessiv massimu u r-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-programm qafas u l-ishma rispettivi f'kull attività li għaliha jkun hemm provvediment,

fil-qasam tad-drittijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta' moviment u ta' residenza fi Stati Membri oħra;

għall-ħolqien ta' drittijiet Ewropej ta' proprjetà intellettwali sabiex tingħata protezzjoni uniformi għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni u għall-istabbiliment ta' arranġamenti ta' awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni madwar l-Unjoni kollha,

għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġijiet, regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri rigward il-bidu u t-tkomplija tal-attivitajiet ta' dawk li jaħdmu għal rashom,

għad-determinazzjoni tal-kategoriji ta' għajnuna mogħtija mill-istat li huma eżenti mill-proċedura li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 108(2) TFUE.

(6)

Għal dawk ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, sal-punt safejn l-għan tagħha jkun li l-Kummissjoni tressaq proposti għal atti legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati kif imsemmi fil-punti (a)–(e) u (h)–(k) tal-premessa 4 ma taqax 'il barra b'mod manifest mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposti għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati ma jistax jiġi adottat għall-fini tat-tisħiħ fi ħdan l-UE tal-post taċ-ċittadini li jappartjenu għal minoranza nazzjonali, bil-għan li jiġi żgurat li l-preokkupazzjonijiet leġittimi tagħhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew. L-Artikolu 20(2) TFUE jipprovdi għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawk id-drittijiet jinkludu d-dritt tal-vot u li wieħed joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta' residenza, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat. L-Artikolu 25 TFUE jistipula li abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'unanimità skont proċedura leġislattiva speċjali u wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista' jadotta dispożizzjonijiet sabiex isaħħaħ jew iżid id-drittijiet elenkati fl-Artikolu 20(2) TFUE. Madankollu, id-drititjiet imsaħħa jew miżjuda b'tali dispożizzjonijiet iridu jkunu diretti kontra Stati Membri oħra, u mhux kontra dak li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikun ċittadin, jew inkella kontra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Bil-maqlub, l-att legali previst mill-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma favur id-diversità fl-Ewropa” ma fih l-ebda kwalifiki simili. Għaldaqstant, hija toħloq drittijiet infurzabbli kontra l-Istat Membru ta' ċittadinanza taċ-ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikoli 25 u 20(2) TFUE ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali għall-adozzjoni ta' att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati “għall-fini tat-tisħiħ fi ħdan l-UE tal-post taċ-ċittadini li jappartjenu għal minoranza nazzjonali, bil-għan li jiġi żgurat li l-preokkupazzjonijiet leġittimi tagħhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew”. Sa dak il-punt li l-att legali previst mill-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma favur id-diversità fl-Ewropa” ikun fil-qofol tiegħu jolqot id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-Membri tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, tkun l-istituzzjoni tal-aħħar li, f'konformità mal-Artikolu 223 TFUE, tfassal proposta biex jiġu stabbiliti dawn id-dispożizzjonijiet, skont proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew bi prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha. Għalhekk, it-Trattati ma jagħtux is-setgħa lill-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali bħal dan.

(8)

Att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati lanqas ma jista' jiġi adottat għar-rigward ta' miżuri effikaċi biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u biex jippromwovu t-trattament indaqs, inkluż għall-minoranzi nazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' reviżjoni tad-direttivi eżistenti tal-Kunsill li jolqtu t-trattament indaqs. Filwaqt li, irrispettivament mill-qasam ta' azzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta li jirrispettaw “id-diversità kulturali u lingwistika” skont l-Artikolu 3(3) TUE, u li ma jagħmlux diskriminazzjoni abbażi tal-“appartenenza għal minoranza lingwistika” skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tikkostitwixxi bażi legali għal xi azzjoni, tkun liema tkun, mill-istituzzjonijiet. L-Artikolu 19 TFUE jistipula li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tas-setgħat mogħtija minnhom lill-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond proċedura leġislattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista' jieħu azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali. Madankollu, din il-lista eżawrjenti ta' raġunijiet ta' diskriminazzjoni ma tinkludix l-appartenenza għal minoranza nazzjonali. Għalhekk, l-Artikolu 19 TFUE ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni ta' att legali tal-Unjoni għall-iskop tal-implimentazzjoni tal-proposti tat-Trattati għal “miżuri effettivi sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u biex jiġi promoss it-trattament indaqs, inkluż għal minoranzi nazzjonali”.

(9)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, sal-punt fejn l-għan tagħha jkun li l-Kummissjoni tippreżenta proposti għal atti legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati kif imsemmi fil-punti (f) u (g) tal-premessa 4 b'mod manifest taqa' 'il barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposti għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(10)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jsaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprovdi, fost affarijiet oħra, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(11)

Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(12)

Jenħtieġ għalhekk li tiġi rreġistra l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” Jenħtieġ li jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva sal-punt li din ikollha l-għan li jsiru proposti mill-Kummissjoni għal atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati kif imsemmi fil-punti (a) — (e) u (h) — (k) tal-premessa 4.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” hija b'dan irreġistrata.

2.   Jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, abbażi tal-fehim li jkollha l-għan li jsiru proposti mill-Kummissjoni għal

rakkomandazzjoni tal-Kunsill “dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni”;

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tagħha jew tiegħu jkun l-adozzjoni ta' “programmi ta' ffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta' minoranza”;

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li s-suġġett tiegħu jew tagħha jkun li jinħoloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta' minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u li jkun iffinanzjat priċipalment mill-Unjoni Ewropea;

regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali b'tali mod li jittieħed kont tal-protezzjoni ta' minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni;

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tiegħu jkun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm “Orizzont 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista' ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f'reġjuni tal-UE;

l-emendar tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi garantit trattament indaqs approssimattiv bejn persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni;

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-UE kollha kemm hi tkun tista' tiġi kkunsidrata suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur;

emenda għad-Direttiva 2010/13/UE, għall-fini li tiġi ggarantita l-libertà tal-provvista ta' servizzi ta' kontenut awdjoviżiv, u r-riċezzjoni tagħhom, f'reġjuni fejn ikunu jirreżjedu minoranzi nazzjonali;

regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, bil-għan li jkun hemm eżenzjoni ta' kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom mill-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-3 ta' April 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa”, rappreżentata mis-Sur Hans Heinrich HANSEN u s-Sur Hunor KELEMEN li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-ewwel Viċi President


(1)   ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).