28.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/594

tal-21 ta' Marzu 2017

dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Uzbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'konsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Ġunju 2010 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tidħol f'negozjati mar-Repubblika tal-Uzbekistan biex jiġi emendat il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (2) (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”), sabiex jiġi żgurat li l-prinċipji li japplikaw għall-kummerċ f'oġġetti oħra jiġu estiżi formalment ukoll għall-kummerċ tal-prodotti tat-tessuti. Dawn in-negozjati ġew konklużi b'suċċess u l-Protokoll li jemenda l-Ftehim billi tħassar l-Artikolu 16, u r-referenzi kollha għalih, ġie iniżjalat fl-1 ta' Lulju 2010.

(2)

Fil-qafas tan-negozjati sar qbil bejn iż-żewġ partijiet biex isir eżerċizju ta' tindif u titħassar dispożizzjoni teknika li m'għadx għandha użu li skadiet fl-1998 u l-Anness korrispondenti li jirreferi għaliha.

(3)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/250/UE (3) il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Uzbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali tat-tessuti, b'konsiderazzjoni għall-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll”), ġie ffirmat fis-7 ta' April 2011, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(4)

Il-Protokoll għandu jiġi konkluż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Uzbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'konsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti, b'dan huwa approvat f'isem l-Unjoni (4).

It-trst tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2 tal-Protokoll.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  Il-kunsens ingħata fl-14.12.2016.

(2)  ĠU L 229, 31.8.1999, p. 3.

(3)  ĠU L 106, 27.4.2011, p. 1.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.