|
25.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 80/33 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/563
tal-21 ta' Marzu 2017
li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta' Mejju 2016, l-Estonja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”), li tippermetti lill-Estonja teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 40 000 mill-1 ta' Jannar 2018. |
|
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn permezz ta' ittra datata l-4 ta' Ottubru 2016 bit-talba li għamlet l-Estonja. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja b'ittra datata l-5 ta' Ottubru 2016 li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba. |
|
(3) |
Taħt il-punt 8 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja tista' teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta' mhux aktar mill-ekwivalenti ta' EUR 16 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. |
|
(4) |
Il-miżura speċjali mitluba hija skont l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008, intitolata “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ — ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”. |
|
(5) |
Minħabba li din il-miżura speċjali se tirriżulta f'obbligi mnaqqsin tal-VAT għan-negozji ż-żgħar, l-Estonja għandha tkun awtorizzata tapplikaha għal perjodu limitat ta' żmien, sal-31 ta' Diċembru 2020. Il-persuni taxxabbli xorta waħda għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT. |
|
(6) |
Ladarba l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huma soġġetti għal rieżami, huwa possibbli li direttiva li temenda dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE tidħol fis-seħħ qabel il-31 ta' Diċembru 2020. |
|
(7) |
Fuq il-bażi tal-informazzjoni li pprovdiet l-Estonja, il-limitu miżjud se jkollu impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali. |
|
(8) |
Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-punt 8 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja hija awtorizzata teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 40 000.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta' direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar, skont liema data tiġi l-ewwel.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
E. SCICLUNA