21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/32


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/487

tas-17 ta' Marzu 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2005/51/KE fir-rigward tal-perjodu li fih il-ħamrija li hija kkontaminata mill-pestiċidi jew minn sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu, tista' tiġi introdotta fl-Unjoni għall-għanijiet ta' dekontaminazzjoni

(notifikata bid-dokument C(2017) 1693)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, flimkien mal-punt 14 tal-Parti A tal-Anness III ta' dik id-Direttiva, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ħamrija li toriġina f'ċertu pajjiżi terzi hija pprojbita.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/51/KE (2) l-Istati Membri kienu temporanjament awtorizzati li jipprevedu deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet, soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, fir-rigward ta' ħamrija kkontaminata mill-pestiċidi jew sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu, meta tkun importata għal finijiet ta' dekontaminazzjoni u destinata għat-trattament f'inċineraturi magħmulin apposta għal skart perikoluż.

(3)

Xi Stati Membri talbu estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex jipprevedu dik id-deroga. F'dan ir-rigward, mill-provi ppreżentati mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni 2005/51/KE, jidher li, meta jsir użu minn dik id-deroga, il-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati f'din id-Deċiżjoni huma suffiċjenti biex jimpedixxu l-introduzzjoni ta' organiżmi perikolużi fl-Unjoni u kien hemm konformità magħhom. Konsegwentement, ma hemmx riskju fitosanitarju mill-attività koperta mid-Deċiżjoni 2005/51/KE.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li d-deroga tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2019.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2005/51/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/51/KE, id-data “it-28 ta' Frar 2017” tinbidel bid-data “il-31 ta' Diċembru 2019”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċizjoni tal-Kummissjoni 2005/51/KE tal-21 ta' Jannar 2005 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jipprovdu temporanjament għal derogi minn ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-importazzjoni tal-ħamrija kkontaminata mill-pestiċidi jew sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu għall-għanijiet ta' dekontaminazzjoni (ĠU L 21, 25.1.2005, p. 21).