|
18.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 73/15 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/477
tat-3 ta' Marzu 2017
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-arranġamenti ta' ħidma tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta' kwalunkwe korp ieħor
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 281(3) tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”) jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim fl-intier tiegħu jew parti minnu. |
|
(2) |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/123 (2) jistabbilixxi liema partijiet tal-Ftehim għandhom jiġu applikati provviżorjament. Dawk il-partijiet tal-Ftehim ġew applikati b'mod provviżorju mill-1 ta' Mejju 2016. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 268(7) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 268(6) u 269(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni u l-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom jiġu ppreseduti b'mod alternat minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tar-Repubblika tal-Każakistan. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 269(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkun assistit fit-twettiq ta' dmirijietu minn Kumitat ta' Kooperazzjoni. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 269(7) tal-Ftehim, fir-regoli ta' proċedura tiegħu l-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jiddetermina d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u ta' kull sottokumitat jew korp stabbilit mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 269(5) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċjali biex jindirizza l-kwistjonijiet rilevanti marbuta mat-Titolu III (Kummerċ u Negozju). Skont l-Artikolu 269(6) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta' dawn is-sottokumitati jew korpi u dwar kif għandhom jiffunzjonaw. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 268(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jwettaq superviżjoni u jirrieżamina regolarment l-implimentazzjoni tal-Ftehim. F'konformità mal-Artikolu 268(4) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddelega kwalunkwe setgħa tiegħu lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti. Skont l-Artikolu 268(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu s-setgħa jaġġorna jew jemenda l-Annessi ta' dan il-Ftehim, abbażi ta' kunsens bejn il-Partijiet, mingħajr preġudizzju għall-ebda dispożizzjoni speċifika taħt it-Titolu III (Kummerċ u Negozju). |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 25(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Dogonali. Skont l-Artikolu 25(4) tal-Ftehim, għandu jsir djalogu regolari dwar il-kwistjonijiet koperti mill-Kapitolu 2 tal-Ftehim. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jistabbilixxi wkoll regoli għat-twettiq ta' tali djalogu, kif stabbilit fl-Artikolu 25(4) tal-Ftehim. |
|
(10) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u tas-sottokumitati jenħtieġ li jiġu adottati malajr kemm jista' jkun. |
|
(11) |
Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjonijiet mehmużin, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 268(1) tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni fir-rigward ta':
|
— |
l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta' kwalunkwe korp ieħor; |
|
— |
l-istabbiliment ta' Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, Sottokumitat dwar l-Enerġija, it-Trasport, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima u Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali. |
2. Korrezzjonijiet tekniċi żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkun ippresedut min-naħa tal-Unjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, skont ir-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha taħt it-Trattati u fil-kapaċità tiegħu jew tagħha bħala President tal-Kunsill Affarijiet Barranin.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Marzu 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
M. FARRUGIA
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/123 tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (ĠU L 29, 4.2.2016, p. 1).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN
ta' …
Li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta' kwalunkwe korp ieħor
IL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 268 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 281(3) tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Mejju 2016. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 268(7) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 269(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkun megħjun fit-twettiq ta' dmirijietu minn Kumitat ta' Kooperazzjoni. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 269(6) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta' dawn is-sottokumitati jew korpi u dwar kif għandhom jiffunzjonaw. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 25(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Dogonali. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 269(7) tal-Ftehim, fir-regoli ta' proċedura tiegħu, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jiddetermina d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u ta' kull sottokumitat jew korp stabbilit mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni. |
|
(7) |
Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni li sar fis-6 ta' Ottubru 2016 fi Brussell iddeċieda li jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu permezz ta' skambju ta' Noti Verbali. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor stabbilit mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni, kif stabbilit fl-Annessi I u II rispettivament, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …,
Għall-Kunsill ta' Kooperazzjoni
Il-President
ANNESS I
IR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL TAL-KOOPERAZZJONI
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 268(1) tal-Ftehim għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu skont l-Artikolu 268 tal-Ftehim.
2. Skont l-Artikolu 268(5) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Il-kompożizzjoni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandha tqis il-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f'kull sessjoni partikolari. Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandu jiltaqa' fil-livell ministerjali.
3. Skont l-Artikolu 268(2) tal-Ftehim, u biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkollu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jieħu l-miżuri xierqa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, billi jagħti s-setgħa lil korpi speċifiċi stabbiliti skont il-Ftehim sabiex jaġixxu f'ismu. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddelega s-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni.
4. Il-Partijiet soġġetti għal dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 285 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-partijiet għandhom ikollhom il-presidenza tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, b'mod alternat, għal perijodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u jispiċċa fl-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u meta meħtieġ skont iċ-ċirkostanzi, bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jsir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
2. Kull laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandha ssir f'data miftiehma bejn il-Partijiet.
3. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni bi qbil mal-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
Artikolu 4
Rappreżentanza
1. Il-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jkun jixtieq jiġi rrappreżentat, dan għandu jinforma lill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, bil-miktub, dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu jew tagħha qabel il-laqgħa.
2. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.
Artikolu 5
Delegazzjonijiet
1. Il-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati b'uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jiġi infurmat, permezz tas-segretarjat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta' kull Parti.
2. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista', bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'qasam partikolari biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom dawk l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat.
Artikolu 6
Segretarjat
Uffiċjal tas-segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Każakistan għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
Artikolu 7
Korrispondenza
1. Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandha tintbagħat lil wieħed mis-segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, li min-naħa tiegħu jinforma lis-segretarju l-ieħor.
2. Is-segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom jassiguraw li l-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u ċċirkolata, meta xieraq, mal-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
3. Il-korrispondenza mill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandha tintbagħat f'ismu jew f'isimha lid-destinatarji mis-segretarjati tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni. Tali korrispondenza għandha tiġi ċċirkolata, meta xieraq, lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu bil-magħluq. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1. Il-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni. Din għandha tintbagħat mis-segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7(3) mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa.
L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti kollha proposti lill-president tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni biex jiddaħħlu fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Tali punti ma għandhomx jiġu inklużi fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti ta' sostenn rilevanti ma jkunux intbagħtu lis-segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni qabel id-data li fiha tintbagħat l-aġenda.
2. L-aġenda għandha tkun approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti oħrajn apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu dwarhom.
3. Il-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-perijodi ta' żmien previsti fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu ċirkustanzi partikolari.
Artikolu 10
Minuti
1. L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jitħejja b'mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
2. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw għal kull punt fuq l-aġenda:
|
(a) |
id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni; |
|
(b) |
dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u |
|
(c) |
kwistjonijiet li dwarhom ikun intlaħaq qbil bejn il-Partijiet, bħad-deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u kwalunkwe konklużjoni. |
3. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu japprova dak l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Inkella, dak l-abbozz tal-minuti jista' jiġi approvat bil-miktub.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u mat-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.
2. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Għal dak l-għan, l-abbozz ta' deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ċċirkolat bil-miktub mill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni lill-membri tiegħu skont l-Artikolu 7(3), mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Il-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom jgħarrfu dwar kwalunkwe riżerva jew emenda li jkunu jixtiequ jagħmlu f'dak il-limitu ta' żmien. Il-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-perijodi ta' żmien sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' ċirkustanzi partikolari.
3. L-atti tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 268(2) tal-Ftehim, għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament, segwiti b'numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ffirmati mill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u awtentikati miż-żewġ segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati skont l-Artikolu 7(3) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tal-Kunsil ta' Kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
4. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni ma tipprevedix mod ieħor.
Artikolu 12
Lingwi
1. Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2. Il-lingwi ta' ħidma tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu l-Ingliż u r-Russu. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f'dawk il-lingwi.
Artikolu 13
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel biex tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa tas-sussistenza kif ukoll tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2. In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Unjoni.
3. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jitħallsu mill-parti li tospita dawk il-laqgħat.
Artikolu 14
Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni u s-sottokumitati speċjalizzati
1. Skont l-Artikolu 269(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkun assistit fil-qadi ta' dmirijietu mill-Kumitat ta' Kooperazzjoni f'oqsma li fihom il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jkun iddelegalu setgħat. Skont l-Artikolu 269(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' uffiċjali pubbliċi anzjani.
2. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b'mod ġenerali. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta' Kooperazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjoni jew ta' rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-approvazzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 268(4) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddelega kwalunkwe setgħa tiegħu lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.
3. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li għalihom huwa jkun ġie awtorizzat skont il-Ftehim.
4. F'każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu ta' konsultazzjoni jew possibbiltà ta' konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim komuni biex jikkonsultaw lil xulxin, din il-konsultazzjoni tista' ssir fi ħdan il-Kumitat ta' Kooperazzjoni, ħlief fejn previst mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista' tissokta fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.
5. Skont l-Artikolu 269(6) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta' dawn is-sottokumitati jew korpi u dwar kif għandhom jiffunzjonaw.
6. Skont l-Artikolu 25(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Dogonali.
Artikolu 15
Emenda tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati skont l-Artikolu 11.
ANNESS II
IR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA' KOOPERAZZJONI U TAS-SOTTOKUMITATI SPEĊJALIZZATI JEW TA' KWALUNKWE KORP IEĦOR STABBILITI MILL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 269(1) tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jassisti lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni fit-twettiq ta' dmirijietu u jwettaq il-kompiti previsti fil-Ftehim u assenjati lilu mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni. Skont l-Artikolu 269(7) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jiddetermina d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni fir-regoli ta' proċedura tiegħu.
2. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b'mod ġenerali. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta' Kooperazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' fl-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjoni jew ta' rakkomandazzjoni għall-adozzjoni mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
3. Skont l-Artikolu 269(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' uffiċjali pubbliċi anzjani. Dawn ir-rappreżentanti huma responsabbli għal kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati fi kwalunkwe laqgħa partikolari tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Skont l-Artikolu 2 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jiġi ppresjedut b'mod alternat minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tar-Repubblika tal-Każakistan.
4. Skont l-Artikolu 269(5) tal-Ftehim, meta l-Kumitat ta' Kooperazzjoni jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċjali biex jindirizza kwistjonijiet rilevanti marbuta mat-Titolu III (Kummerċ u Negozju) tal-Ftehim (“il-konfigurazzjoni tal-kummerċ”), dan għandu jkun kompost minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Każakistan li jkunu responsabbli għall-kummerċ u għall-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Skont l-Artikolu 2 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, rappreżentant anzjan tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan li jkun responsabbli għall-kummerċ u għall-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ għandu jaġixxi bħala l-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni meta jiltaqa' f'konfigurazzjoni tal-kummerċ. Fil-laqgħat ser jattend wkoll rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
5. Skont l-Artikolu 269(4) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jkollu s-setgħa jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim u f'oqsma li fihom il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jkun iddelegalu setgħat. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara li jitlestew il-proċeduri ta' adozzjoni interni rispettivi.
6. Il-Partijiet soġġetti għal dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk stipulati fl-Artikolu 285 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-partijiet għandhom ikollhom il-presidenza tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, b'mod alternat, għal perijodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u jispiċċa fl-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Ħlief meta jkun miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jiltaqa' regolarment u mill-inqas darba fis-sena. Laqgħat speċjali tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jistgħu jsiru fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu.
2. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom jitlaqqgħu mill-President tiegħu f'post u f'data li l-Partijiet jaqblu dwarhom. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-segretarjat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni sa mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, bi ftehim reċiproku tal-partijiet. Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ f'post, f'data, u bil-mezzi maqbula mill-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-segretarjat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor.
4. Kull fejn possibbli, il-laqgħat regolari tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom jissejħu fi żmien xieraq qabel il-laqgħat regolari tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
5. F'każijiet eċċezzjonali, u jekk jaqblu dwar dan il-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jistgħu jsiru permezz ta' kwalunkwe mezz teknoloġiku li jintlaħaq qbil dwaru, bħal vidjokonferenza.
Artikolu 4
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom jiġu infurmati, permezz tas-segretarjat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni li ser tattendi l-laqgħa fuq kull naħa.
Artikolu 5
Segretarjat
1. Uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Każakistan għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Huma għandhom iwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt u fi spirtu ta' fiduċja u kooperazzjoni reċiproċi, sakemm dawn ir-Regoli ta' Proċedura ma jipprovdux mod ieħor.
2. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Każakistan li jkunu responsabbli għall-kummerċ u għall-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
Artikolu 6
Korrispondenza
1. Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandha tintbagħat lil wieħed mis-segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, li min-naħa tiegħu ser jinforma lis-segretarju l-ieħor.
2. Is-segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom jiżguraw li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni tintbagħat lill-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.
3. Il-korrispondenza mill-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni f'ismu jew f'isimha lid-destinatarji mis-segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Din il-korrispondenza għandha tiġi ċċirkolata, meta xieraq, skont l-Artikolu 7.
Artikolu 7
Dokumenti
1. Id-dokumenti għandhom jiġu ċċirkolati permezz tas-segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni.
2. Parti għandha tibgħat id-dokumenti tagħha lis-segretarju tagħha li għandu jittrażmetti dawn id-dokumenti lis-segretarju tal-Parti l-oħra.
3. Is-segretarju tal-Unjoni għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u għandu jikkopja sistematikament lis-segretarju tar-Repubblika tal-Każakistan f'din il-korrispondenza.
4. Is-segretarju tar-Repubblika tal-Każakistan għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tar-Repubblika tal-Każakistan u għandu jikkopja sistematikament lis-segretarju tal-Unjoni f'din il-korrispondenza.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu bil-magħluq. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1. Is-segretarjat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jfassal aġenda provviżorja kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operattivi kif previst fl-Artikolu 10 abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet għal kull laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. L-aġenda provviżorja għandha tinkludi punti li s-segretarjat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jkun rċieva mingħand xi waħda mill-Partijiet biex jiddaħħlu fl-aġenda. Punti fuq l-aġenda għandhom ikunu appoġġati b'dokumenti rilevanti u ppreżentati mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa.
2. L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, għandha tiġi ċċirkolata skont l-Artikolu 7, u mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa.
3. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Kwalunkwe punt għajr dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jiddaħħal fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu dwaru.
4. Il-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista', bi qbil mal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'xi qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-partijiet għandhom jiżguraw li dawk ir-rappreżentanti jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.
5. Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-perijodi ta' żmien previsti fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jitqiesu ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 10
Minuti u konklużjonijiet operattivi
1. L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jitħejja b'mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
2. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw għal kull punt fl-aġenda:
|
(a) |
lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, lista tal-uffiċjali li jakkumpanjawhom u lista ta' kull osservatur jew espert li jattendi l-laqgħa; |
|
(b) |
dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitta ta' Kooperazzjoni; |
|
(c) |
dikjarazzjonijiet li l-Kumitat ta' Kooperazzjoni jitlob li jiddaħħlu fil-minuti; u |
|
(d) |
konklużjonijiet operattivi mil-laqgħa, kif previst fil-paragrafu 4. |
3. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-approvazzjoni fil-laqgħa tiegħu li jkun tmiss. Inkella, dak l-abbozz tal-minuti jista' jiġi approvat bil-miktub. L-abbozz tal-minuti tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiġi approvat fi żmien 28 jum kalendarju minn kull laqgħa. Għandha tintbagħat kopja lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.
4. Abbozz tal-konklużjonijiet operattivi ta' kull laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jitħejja mis-segretarju tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni tal-Parti li jkollha l-presidenza tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Dak l-abbozz tal-konklużjonijiet operattivi għandu jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa li jmiss. Dak l-abbozz tal-konklużjonijiet operattivi għandu jiġi aġġornat waqt li tkun għaddejja l-laqgħa biex fi tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jadotta konklużjonijiet operattivi li jkunu jirriflettu l-azzjonijiet ta' segwitu mill-Partijiet. Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, il-konklużjonijiet operattivi għandhom jiġu mehmużin mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi rieżaminata waqt kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Għal dak l-għan, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jadotta mudell li jippermetti li kull punt ta' azzjoni jiġi identifikat fi skadenza speċifika.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. F'każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim jagħti s-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet jew jagħmlu rakkomandazzjonijiet jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jieħu dawk id-deċiżjonijiet jew jagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u malli jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u awtentikata mis-segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni.
2. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Għal dak l-għan, l-abbozz ta' deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ċċirkolat bil-miktub skont l-Artikolu 7 sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa, f'liema perijodu ta' żmien kwalunkwe riżerva jew emenda trid issir magħrufa. Il-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista' jqassar, f'konsultazzjoni mal-Partijiet, il-perijodi ta' żmien speċifikati f'dan il-paragrafu biex jitqiesu ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u awtentikata mis-segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni.
3. L-atti tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Kull Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha sakemm ma jkunx previst mod ieħor.
4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet skont l-Artikolu 7.
5. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 12
Rapporti
Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jirrapporta għand il-Kunsill ta' Kooperazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u tas-sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor f'kull laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.
Artikolu 13
Lingwi
1. Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2. Il-lingwi ta' ħidma tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu l-Ingliż u r-Russu. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f'dawk il-lingwi.
Artikolu 14
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel biex tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa tas-sussistenza kif ukoll tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2. In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tospita dawk il-laqgħat.
3. L-ispejjeż marbuta mal-interpretazzjoni waqt il-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u mat-traduzzjoni ta' dokumenti mill-Ingliż għar-Russu jew mir-Russu għall-Ingliż, kif imsemmi fl-Artikolu 13(2), għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita dawk il-laqgħat.
L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni minn lingwi oħra jew għalihom għandhom jitħallsu direttament mill-Parti li titlobhom.
4. F'każijiet meta tkun meħtieġa t-traduzzjoni ta' dokumenti għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, l-ispiża għandha titħallas mill-Unjoni.
Artikolu 15
Emendar tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni skont l-Artikolu 268(1) tal-Ftehim.
Artikolu 16
Sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor
1. Is-sottokumitati huma komposti minn rappreżentanti tal-Partijiet involuti fil-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati minn kull sottokumitat speċjalizzat. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim jew miftiehem fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni, dawn ir-Regoli ta' Proċeduri għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għal kull sottokumitat jew korp ieħor.
2. Is-sottokumitati jistgħu, fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom, fost l-oħrajn:
|
(a) |
jiskambjaw opinjonijiet dwar kwalunkwe punt ta' interess komuni, inkluż miżuri futuri u r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom; |
|
(b) |
jagħmlu konsultazzjonijiet regolari u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim; |
|
(c) |
jadotta arranġamenti prattiċi u miżuri dwar kwistjonijiet definiti fil-Ftehim; |
|
(d) |
jagħmlu rakkomandazzjonijiet; |
|
(e) |
jekk tingħatalhom is-setgħa mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni, jaġixxu f'ismu biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 1(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni. |
3. Il-laqgħat tas-sottokumitati jew ta' kwalunkwe korp ieħor jistgħu jsiru b'mod flessibbli skont il-bżonn, personalment, jew fi Brussell inkella fir-Repubblika tal-Każakistan jew, pereżempju, permezz ta' vidjokonferenza. Is-sottokumitati u kwalunkwe korp ieħor għandhom jaġixxu bħala pjattaforma għall-monitoraġġ tal-progress, biex jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dan il-proċess u biex jifformulaw rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet operazzjonali.
4. Is-segretarjat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jirċievi kopja tal-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha li jikkonċernaw kwalunkwe sottokumitat jew korp ieħor.
Artikolu 17
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom japplikaw mutandis mutatis għall-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 2/2017 TAL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN
ta' …
dwar l-istabbiliment ta' tliet sottokumitati speċjalizzati
IL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 269(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 281(3) tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Mejju 2016. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 269(6) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew xi korpi oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 25(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Dogonali. |
|
(4) |
Sabiex ikunu jistgħu jsiru diskussjonijiet fil-livell ta' esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġu stabbiliti żewġ sottokumitati speċjalizzati. |
|
(5) |
Jenħtieġ li bi ftehim tal-Partijiet, ikun possibbli li l-lista tas-sottokumitati tiġi mmodifikata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-sottokumitati speċjalizzati elenkati fl-Anness huma b'dan stabbiliti.
Artikolu 2
Ir-Regoli ta' Proċedura tas-sottokumitati speċjalizzati elenkati fl-Anness huma regolati mill-Artikolu 16 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u tas-sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor stabbilit mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Każakistan.
Artikolu 3
Bi qbil mal-Partijiet, il-lista tas-sottokumitati speċjalizzati mniżżla fl-Anness tista' tiġi mmodifikata.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …,
Għall-Kunsill ta' Kooperazzjoni
Il-President
ANNESS
LISTA TA' SOTTOKUMITATI SPEĊJALIZZATI
|
(1) |
Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà |
|
(2) |
Sottokumitat dwar l-Enerġija, it-Trasport, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima |
|
(3) |
Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali |