10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/418

tat-28 ta' Frar 2017

dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni u l-Gvern tal-Gżejjer Cook innegozjaw Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (“il-Ftehim”) għal perijodu ta' ħames snin, li jiġġedded b'mod taċitu, kif ukoll Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (“il-Protokoll”), biex il-bastimenti tal-Unjoni jingħataw opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li tagħhom il-Gżejjer Cook għandhom id-drittijiet ta' sovranità jew il-ġuriżdizzjoni fejn jidħol is-sajd.

(2)

Il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/776 (2) u japplikaw b'mod provviżorju mill-14 ta' Ottubru 2016.

(3)

Il-Ftehim stabbilixxa Kumitat Konġunt li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tat-twettiq, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex jiffaċilita l-approvazzjoni ta' tali modifiki, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa, soġġetta għal kondizzjonijiet speċifiċi, li tapprovahom skont proċedura simplifikata.

(4)

Il-Ftehim u l-Protokoll għandhom jiġu approvati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu b'dan huma approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifiki previsti fl-Artikolu 17 tal-Ftehim u fl-Artikolu 13 tal-Protokoll (3).

Artikolu 3

Suġġett għad-dispożizzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tapprova, f'isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

J. HERRERA


(1)  Il-kunsens tal-14 ta' Frar 2017 (għadu ma ġiex ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/776 tad-29 ta' April 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 131, 20.5.2016, p. 1).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

Il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat mogħtija u l-proċedura biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt

(1)

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mal-Gvern tal-Gżejjer Cook u, meta jkun xieraq u sakemm tkun konformi mal-punt 3 ta' dan l-Anness, tapprova l-modifiki għall-Protokoll fejn jidħlu l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-reviżjoni tal-livell ta' opportunitajiet tas-sajd u, konsegwentement, tal-kontribuzzjoni finanzjarja, f'konformità mal-Artikolu 5 u l-punt (a) tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim u l-Artikoli 5 u 6 tal-Protokoll;

(b)

id-deċiżjonijiet dwar il-modalitajiet tal-appoġġ settorjali skont il-punt (b) tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim u l-Artikolu 3 tal-Protokoll;

(c)

il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tekniċi skont liema l-bastimenti tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim u l-Artikoli 4 u 6 tal-Protokoll.

(2)

Fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi skont l-għanijiet li ssegwi l-Unjoni fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(b)

tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(c)

tippromwovi pożizzjonijiet li huma konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u fil-kuntest tal-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali.

(3)

Meta waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt ikun maħsub li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-emendi fil-Protokoll imsemmija fil-punt 1, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-pożizzjoni li tittieħed f'isem l-Unjoni tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, dokument li jispjega fid-dettall il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni għandha tiġi trażmessa mis-servizzi tal-Kummissjoni, f'ħin suffiċjentement qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt, lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu għall-analiżi u għall-approvazzjoni.

Fejn jidħlu l-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 1(a), l-approvazzjoni tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni għandha teħtieġ maġġoranza kkwalifikata tal-voti. Fil-każijiet l-oħra, il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni mogħtija fid-dokument ta' tħejjija għandha titqies li tkun ġiet approvata, ħlief meta għadd ta' Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka joġġezzjonaw għaliha waqt laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien għoxrin jum minn meta jasal id-dokument ta' tħejjija, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. F'każ li jkun hemm tali oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill.

Jekk, waqt il-bqija tal-laqgħat, fosthom laqgħat fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

(4)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu, fi żmien dovut, kwalunkwe pass meħtieġ sabiex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn ikun xieraq, billi tippubblika d-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u billi tressaq kwalnukwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni.