9.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/109


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/414

tas-7 ta' Marzu 2017

li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740.

(2)

Fit-12 ta' Jannar 2017, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti aġġorna l-informazzjoni li tirrigwarda sitt persuni soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  ĠU L 117, 8.5.2015, p. 52.


ANNESS

L-entrati li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

“A.   PERSUNI

1.   Gabriel JOK RIAK (psewdonimu: a) Gabriel Jok b) Jok Riak c) Jock Riak)

Titolu: Logutenent Ġeneral

Deżinjazzjoni: Kmandant ta' Sector One tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA)

Data ta' Twelid:1966

Post tat-Twelid: BOR, is-Sudan/is-Sudan t'Isfel

Nazzjonalità: Is-Sudan t'Isfel

Indirizz: a) L-Istat ta' Unity, is-Sudan t'Isfel b) Wau, Bahr El Ghazal tal-Punent, is-Sudan t'Isfel

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

Informazzjoni oħra: Ikkmanda lis-Sector One tal-SPLA, li jopera prinċipalment fi ħdan l-Istat ta' Unity, sa minn Jannar 2013. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala kmandant ta' Sector One tal-SPLA, kabbar u estenda l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel permezz ta' ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet. L-SPLA hija entità militari tas-Sudan t'Isfel li kienet involuta f'azzjonijiet li estendew l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim ta' Jannar 2014 dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet u l-Ftehim tad-9 ta' Mejju 2014 biex tiġi Solvuta l-Kriżi fis-Sudan t'Isfel, li kien impenn mill-ġdid lejn is-CoHA (Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet) u ostakolat l-attivitajiet tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD (Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp). Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5879060

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Gabriel Jok Riak ġie elenkat fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 7(a), 7(f) u 8 tar-riżoluzzjoni 2206 (2015) għal “azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jkabbru jew jestendu l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jostakolaw it-taħditiet jew il-proċessi ta' rikonċiljazzjoni jew paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet”; “it-tfixkil tal-attivitajiet ta' missjonijiet ta' żamma tal-paċi internazzjonali, diplomatiċi, jew umanitarji fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD jew tal-kunsinna jew id-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja jew l-aċċess għaliha”; u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienet involuta, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

Gabriel Jok Riak huwa l-kmandant ta' Sector One tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA), entità militari tas-Sudan t'Isfel li kienet involuta f'azzjonijiet li estendew il-kunflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim ta' Jannar 2014 dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet (CoHA) u l-Ftehim tad-9 ta' Mejju 2014 biex tiġi Solvuta l-Kriżi fis-Sudan t'Isfel (Il-Ftehim ta' Mejju), li kien impenn mill-ġdid lejn is-CoHA.

Jok Riak ikkmanda lis-Sector One tal-SPLA, li jopera prinċipalment fi ħdan l-Istat ta' Unity, sa minn Jannar 2013. Id-Diviżjonijiet tal-SPLA Tlieta, Erbgħa u Ħamsa huma subordinati għal Sector One u l-kmandant tiegħu, Jok Riak.

Jok Riak u l-forzi ta' Sector One u Three tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali tiegħu kienu involuti f'bosta azzjonijiet, kif dettaljati hawn taħt, bi ksur tal-impenji tas-CoHA ta' Jannar 2014 biex jieqfu l-azzjonijiet militari kollha mmirati lejn il-forzi ta' oppożizzjoni, kif ukoll azzjonijiet provokatorji oħra, jiġu ffriżati l-forzi fis-siti attwali tagħhom, u joqogħdu lura minn attivitajiet bħall-moviment ta' forzi jew ir-riforniment ta' munizzjon li jistgħu jwasslu għal konfront militari.

Il-forzi tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali ta' Jok Riak kisru diversi drabi il-ftehim dwar il-waqfien mill-ostilitajiet (CoHA) permezz ta' ostilitajiet evidenti.

Fl-10 ta' Jannar 2014, forza tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali tal-kmandant tas-Sector One Jok Riak ħatfet Bentiu, li kienet tqiegħdet preċedentement taħt il-kontroll tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLM-IO) mill-20 ta' Diċembru 2013. It-Tielet Diviżjoni tal-SPLA għamlu imbuskata u bbumbardjaw ġellieda tal-SLPM-IO qrib Leer ftit wara li ġie ffirmat is-CoHA ta' Jannar 2014 u f'nofs April 2014 ħatfu Mayom u qatlu aktar minn 300 truppa tal-SPLM-IO.

Fl-4 ta' Mejju 2014, forza tal-SPLA mmexxija minn Jok Riak reġgħu ħatfu Bentiu. Fuq it-televiżjoni statali f'Juba, kelliem għal-SPLA stqarr li l-armata tal-gvern taħt il-kmand ta' Jok Riak kienet ħatfet Bentiu fl-erbgħa ta' waranofsinhar, filwaqt li żied jgħid li kienu involuti it-Tielet Diviżjoni u taskforce speċjali tal-SPLA. Sigħat wara li tħabbar il-Ftehim ta' Mejju, il-forzi tat-Tielet u r-Raba' Diviżjoni tal-SPLA ġġieldu kontra u reġġgħu lura l-ġellieda tal-oppożizzjoni li aktar kmieni kienu attakkaw il-pożizzjonijiet tal-SPLA qrib Bentiu u fir-reġjuni taż-żejt tat-tramuntana tas-Sudan t'Isfel.

Ukoll wara l-iffirmar tal-Ftehim ta' Mejju it-truppi tat-Tielet Diviżjoni tal-SPLA reġgħu ħatfu Wang Kai, u l-kmandant tad-diviżjoni Santino Deng Wol, awtorizza lill-forzi tiegħu biex joqtlu lil kull min ikun qed iġorr fuqu xi arma jew ikun qed jinħeba d-dar, u ordnalhom biex jaħarqu kwalunkwe dar li fiha jkun hemm xi forzi tal-oppożizzjoni.

Lejn l-aħħar ta' April u Mejju 2015, il-forzi tas-Sector One tal-SPLA mmexxija minn Jok Riak wettqu offensiva militari fuq skala sħiħa kontra l-forzi tal-oppożizzjoni fl-Istat ta' Unity mill-Istat ta' Lakes.

Bi ksur tat-termini tas-CoHA kif deskritt hawn fuq, Jok Riak allegatament ipprova jsewwi t-tankijiet u jimmodifikahom għall-użu kontra l-forzi tal-oppożizzjoni kmieni f'Settembru 2014. Fl-aħħar ta' Ottubru 2014, mill-inqas 7 000 truppa u armi b'saħħithom tal-SPLA mit-Tielet u r-Raba' Diviżjoni ġew riallokati biex isaħħu t-truppi tar-Raba' Diviżjoni li kienu qed iġarrbu l-piż ta' attakk mill-oppożizzjoni qrib Bentiu. F'Novembru 2014, l-SPLA daħħlet tagħmir u armi militari ġodda, inklużi trasportaturi armati tal-persunal, ħelikopters, xkubetti tal-artillerija u munizzjon fil-qasam ta' responsabbiltà tas-Sector One, x'aktarx bi tħejjija għall-ġlied kontra l-oppożizzjoni. Kmieni fi Frar 2015, Jok Riak allegatament ordna li jintbagħtu trasportaturi armati tal-persunal Bentiu, possibbilment biex jirreaġixxu għall-imbuskati reċenti mill-oppożizzjoni.

Wara l-offensiva ta' April u Mejju 2015 fl-Istat ta' Unity, is-Sector One tal-SPLA ċaħad talbiet mit-Tim ta' Monitoraġġ u Verifika tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD-MVM) f'Bentiu biex jinvestiga dan il-ksur tas-CoHA; b'hekk ċaħad lill-IGAD-MVM mil-libertà ta' moviment biex iwettaq il-mandat tiegħu.

Minbarra dan, f'April 2014, Jok Riak espanda l-konflitt fis-Sudan t'Isfel billi allegatament għen biex jarma u jimmobilizza daqs 1 000 żagħżugħ Dinka biex jissupplimentaw il-forzi tradizzjonali tal-SPLA.

2.   Simon Gatewech DUAL (psewdonimu magħruf ukoll bħala: a) Simon Gatwich Dual b) Simon Getwech Dual c) Simon Gatwec Duel d) Simon Gatweach e) Simon Gatwick f) Simon Gatwech g) Simon Garwich h) General Gaduel i) Dhual

Titolu: Maġġur Ġeneral

Deżinjazzjoni: Kap tal-Persunal Ġenerali, SPLA fl-Oppożizzjoni

Data tat-Twelid: 1953

Post tat-Twelid: a) Akobo, Stat ta' Jonglei, is-Sudan/is-Sudan t'Isfel b) il-Kontea ta' Uror, Stat ta' Jonglei, is-Sudan/is-Sudan t'Isfel

Indirizz: Stat ta' Jonglei, is-Sudan/is-Sudan t'Isfel

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

Informazzjoni oħra: Huwa l-Kap tal-Persunal Ġenerali, tal-SPLA-IO u kien preċedentement il-kmandant tal-forzi tal-oppożizzjoni fl-Istat ta' Jonglei. Il-forzi tiegħu wettqu attakk kmieni fi Frar 2015 fl-Istat ta' Jonglei, u minn Marzu 2015, huwa pprova jkisser il-paċi fl-Istat ta' Jonglei permezz ta' attakki fuq il-popolazzjoni ċivili. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5879066

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Simon Gatwech Dual iddaħħal fil-lista fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 6, 7(a), 7(d), u 8 tar-riżoluzzjoni 2206 (2015) bħala, “responsabbli għal jew kompliċi fi, jew li involva ruħu, direttament jew indirettament f'azzjonijiet jew linji ta' politika li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel”; “azzjonijiet jew linji ta' politika li għandhom l-għan jew l-effett li jżidu jew jestendu l-konflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jxekklu t-taħditiet jew il-proċessi għar-rikonċiljazzjoni jew il-paċi, inkluż ksur tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ostilitajiet”; “il-mira ta' persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju, jew permezz ta' aġir li jikkostitwixxi abbuż serju jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali”; u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienet involuta, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

Simon Gatwech Dual (Gatwech Dual) impenja ruħu f'azzjonijiet jew linji ta' politika li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel u huwa mexxej tal-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż fl-Oppożizzjoni (SPLM-IO), entità li involviet ruħha fi: azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t-Isfel; u mmirat kontra l-popolazzjoni ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal, billi wettqet atti ta' vjolenza.

Gatwech Dual huwa l-Kap tal-Persunal Ġenerali, tal-SPLM-IO u kien preċedentement il-kmandant tal-forzi tal-oppożizzjoni fl-Istat ta' Jonglei.

Mill-2014 sal-2015, Gatwech Dual kellu għadd kbir ta' truppi taħt il-kmand tiegħu u opera b'xi mod awtonomu fit-tmexxija tal-attakki. Gatwech Dual jissorvelja l-iskjerament tal-SPLM-IO u x'aktarx l-iskjerament ta' xi forzi ta' Armata Bajda (milizzja taż-żgħażagħ Nuer) ukoll.

Lejn l-aħħar ta' April 2014, forzi taħt il-kmand ġenerali ta' Gatwech Dual kienu qed jirbħu territorji fl-Istat ta' Jonglei hekk kif imxew fuq il-belt kapitali tal-istat Bor. Gatwech Dual seta' uża l-aħbar tal-attakk tas-17 ta' April 2014 fuq persuni Nuer spustjati internament fil-kampament tan-NU f'Bor biex jinċita lit-truppi tiegħu jivvendikaw ruħhom. Il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD fl-Istati ta' Upper Nile, Unity u Jonglei semma' wkoll forzi taħt Gatwech Dual fis-sinteżi tiegħu tal-14 ta' Awwissu 2014 dwar il-ksur tal-waqfien mill-ġlied.

Il-forzi ta' Gatwech Dual wettqu attakk kmieni fi Frar 2015 fl-Istat ta' Jonglei. Minn Marzu 2015, Gatwech Dual ipprova jkisser il-paċi fl-Istat ta' Jonglei permezz ta' attakki fuq il-popolazzjoni ċivili.

Lejn l-aħħar ta' April 2015, Gatwech Dual kien involut fl-ippjanar u l-koordinazzjoni ta' attakki sorpriża kontra l-forzi tal-gvern tas-Sudan t'Isfel fl-Istat ta' Upper Nile. Ir-rapport ta' sinteżi tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD dwar il-ksur tal-waqfien mill-ostilitajiet mit-12-31 ta' Mejju 2015 jelenka ksur mill-forzi tal-oppożizzjoni taħt il-kontroll ta' Gatwech, inkluż attakk fuq il-forzi tal-gvern f'Ayod.

Il-forzi tal-SPLM-IO taħt il-kmand ta' Gatwech Dual immiraw lin-nisa, it-tfal u l-popolazzjoni ċivili. Gatwech Dual allegatament ordna lil unitajiet taħt il-kmand tiegħu biex joqtlu lil priġunieri tal-gwerra (POWs) Dinka, nisa u tfal, u uffiċjali taħt il-kmand tiegħu stqarru li l-forzi tal-oppożizzjoni m'għandhom jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn it-tribujiet Dinka differenti u għandhom joqtluhom kollha.

3.   James Koang CHUOL (psewdonimu: a) James Koang Chol Ranley b) James Koang Chol c) Koang Chuol Ranley d) James Koang Chual

Titolu: Maġġur Ġeneral

Data tat-Twelid: 1961

Nazzjonalità: Is-Sudan t'Isfel Nru tal-passaport: R00012098, is-Sudan t'Isfel

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

Informazzjoni oħra: Kmandant maħtur tad-Diviżjoni Speċjali tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLA-IO) f'Diċembru 2014. Il-forzi tiegħu kienu involuti f'attakki kontra l-popolazzjoni ċivili. Fi Frar 2014, il-forzi taħt il-kmand tiegħu attakkaw kampijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, sptarijiet, knejjes, u skejjel, b'involviment mifrux fi stupru, tortura, u l-qerda ta' proprjetà, f'tentattiv biex jeħilsu miċ-ċivili, is-suldati u l-pulizija alleati mal-gvern. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5879069

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

James Koang Chuol (Koang) ġie elenkat fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 6, 7 (a), 7 (d) u 8 tar-riżoluzzjoni 2206 (2015) bħala, “responsabbli għal jew kompliċi fi, jew li kien involut, direttament jew indirettament, f'azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel”; “azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jespandu jew jestendu l-konflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jfixklu r-rikonċiljazzjoni jew taħditiet jew proċessi ta' paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet”; “il-mira ta' persuni ċivili, inkluż in-nisa u t-tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju, jew permezz ta' aġir li jikkostitwixxi abbuż serju jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali”; u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienet involuta, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

James Koang Chuol (Koang) hedded il-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel fil-pożizzjoni tiegħu bħala mexxej tal-forzi kontra l-gvern fl-Istat ta' Unity, fis-Sudan t'Isfel, fejn il-membri tiegħu mmiraw l-popolazzjoni ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal, bi qtil u vjolenza sesswali, u wettqu attakki fuq skejjel, sptarijiet, postijiet reliġjużi, u postijiet fejn il-popolazzjoni ċivili kienet qed tfittex il-kenn.

Koang telaq mill-pożizzjoni tiegħu bħala l-kmandant tar-Raba' Diviżjoni tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA) f'Diċembru 2013. Taħt l-ordnijiet ta' Koang, is-suldati diżerturi ġġustizzjaw daqs 260 mill-kontroparti tagħhom qabel ma mmiraw u qatlu lil ċivili fil-belt kapitali tal-istat Bentiu.

Koang inħatar Kmandant tad-Diviżjoni Speċjali tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLA-IO) f'Diċembru 2014. Fil-pożizzjoni l-ġdida tiegħu, Koang mexxa attakki fuq forzi tal-gvern fil-kontei ta' Renk u Maban tal-Istat ta' Upper Nile f'Jannar 2015 li kienu ċċitati mill-Awtorità Intergovernattiva dwar il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika dwar l-Iżvilupp bħala ksur tas-CoHA.

Fi Frar 2014, wara li Koang ingħata l-kmand tal-forzi kontra l-gvern fl-Istat ta' Unity, dawk il-forzi attakkaw kampijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, sptarijiet, knejjes, u skejjel, b'involviment mifrux fi stupru, tortura, u l-qerda ta' proprjetà, f'tentattiv biex jeħilsu miċ-ċittadini, suldati u pulizija alleati mal-gvern. Fl-14-15 ta' April 2014, il-forzi ta' Koang qabdu lil Bentiu wara ġlied qalil u wettqu attakki kontra l-popolazzjoni ċivili. F'inċidenti separati fuq moskea, knisja, u ċentru abbandunat tal-ikel f'Bentiu, il-forzi sseparaw lill-persuni ċivili li kienu qed jistkennu minħabba l-etniċità u n-nazzjonalità tagħhom qabel ma jwettqu qtil immirat, u ħallew mill-anqas 200 persuna mejta u 400 feruti. F'nofs Settembru 2014, Koang allegatament ordna l-forzi tiegħu biex jimmiraw persuni ċivili ta' Dinka waqt attakk fl-Istat ta' Upper Nile.

4.   Santino Deng WOL (Psewdonimu: a) Santino Deng Wuol b) Santino Deng Kuol

Titolu: Maġġur Ġeneral

Deżinjazzjoni: Kmandant tat-Tielet Diviżjoni tal-SPLA

Data tat-twelid: 9 ta' Novembru 1962

Post tat-Twelid: Aweil, is-Sudan/is-Sudan t'Isfel

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

Informazzjoni oħra: Wassal u mexxa azzjonijiet militari kontra l-forzi tal-oppożizzjoni u mexxa movimenti ta' truppi konfrontazzjonali bi ksur tas-CoHA. Matul Mejju 2015, forzi taħt il-kmand tiegħu qatlu tfal, nisa u rġiel anzjani, ħarqu proprjetà, u serqu bhejjem filwaqt li kienu qed javvanzaw mill-Istat ta' Unity lejn il-faċilità taż-żejt ta' Thorjath. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5879071

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Santino Deng WOL ġie inkluż fil-lista fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 7(a), 7(d) u 8 tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015) għal, “azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jespandu jew jestendu l-konflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jfixklu r-rikonċiljazzjoni jew taħditiet jew proċessi ta' paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet”; “il-mira ta' persuni ċivili, inkluż in-nisa u t-tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju, jew permezz ta' aġir li jikkostitwixxi abbuż serju jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali”; u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern tas-Sudan t'Isfel, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor, li għandu, jew li l-membri tiegħu jkunu, involuti fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

Santino Deng WOL (Deng Wol) huwa Maġġur Ġeneral tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA) u Kmandant tat-Tielet Diviżjoni tal-SPLA, entità militari tas-Sudan t'Isfel li involviet ruħha f'azzjonijiet li estendew il-konflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet (CoHA) ta' Jannar 2014 u l-Ftehim biex tiġi Solvuta l-Kriżi fis-Sudan t'Isfel (Ftehim ta' Mejju), tad-9 ta' Mejju, 2014, li kien impenn mil-ġdid għas-CoHA.

Deng Wol wassal u mexxa azzjonijiet militari kontra l-forzi tal-oppożizzjoni u mexxa movimenti ta' truppi konfrontazzjonali bi ksur tas-CoHA.

Ftit wara li n-negozjaturi miż-żewġ naħiet qablu li jtemmu l-ostilitajiet, DENG WOL ħejja l-forzi tiegħu biex javvanza lejn il-belt żgħira ta' Leer fl-Istat ta' Unity. Sussegwentement huma mbuskaw u bbumbardjaw il-ġellieda ribelli ħdejn Leer.

F'nofs April 2014, huwa rrapurtat li l-forzi ta' Deng Wol ħejjew biex jerġgħu jaħtfu lil Bentiu minn forzi kontra l-gvern. Aktar tard dak ix-xahar, il-forzi ta' Deng Wol qabdu lil Mayom wara ġlieda ħarxa fejn qatlu aktar minn 300 mill-forzi tal-oppożizzjoni. Imbagħad, fil-bidu ta' Mejju 2014, il-forzi ta' Deng Wol ħatfu lil Tor Abyad, u fil-proċess qatlu forzi tal-oppożizzjoni. Ftit wara dan, il-forzi tal-SPLA, inkluż il-forzi ta' Deng Wol, attakkaw u reġgħu ħatfu l-belt żgħira ta' Wang Kai fl-Istat ta' Unity. Deng Wol awtorizza lill-forzi tiegħu biex joqtlu lil kull min ikun qed iġorru armi jew jistaħba fid-djar, u ordnalhom jaħarqu dawk id-djar li jkun fihom partitarji tal-oppożizzjoni.

It-Tielet Diviżjoni tal-SPLA ta' Deng Wol ħadet sehem fl-offensiva ta' April-Mejju 2015 fl-Istat ta' Unity, li matulha l-SPLA nediet offensiva koordinat biex tieħu fortizzi tal-oppożizzjoni fil-kontei ta' Mayom, Guit, Koch, Mayendit, u Leer. Il-forzi ta' Deng Wol qatlu tfal, nisa u rġiel anzjani, ħarqu proprjetà, u serqu bhejjem filwaqt li kienu qed javvanzaw mill-Istat ta' Unity lejn il-faċilità taż-żejt ta' Thorjath matul Mejju 2015. Barra minn hekk, aktar kmieni dak ix-xahar, huwa rrapportat li Deng Wol insista għall-eżekuzzjoni ta' suldati tal-oppożizzjoni maqbuda.

5.   Marial Chanuong Yol MANGOK (Psewdonimu: a) Marial Chinuong b) Marial Chan c) Marial Chanoung Yol d) Marial Chinoum

Deżinjazzjoni: a) Maġġur Ġeneral tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan b) Kmandant, Unità tal-Gwardja Presidenzjali

Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1960

Post tat-Twelid: Yirol, l-Istat ta' Lakes

Nazzjonalità: Is-Sudan t'Isfel, Nru tal-passaport: R 00005943, is-Sudan t'Isfel

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

Informazzjoni oħra: Il-Gwardja Presidenzjali tiegħu mexxiet il-qtil ta' persuni ċivili f'Nuer f'Juba u madwarha, li ħafna minnhom ġew midfuna f'oqbra tal-massa. Wieħed minn dawn l-oqbra kien maħsub biex jinkludi 200-300 ċivili. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/72684667

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Marial Chanuong Yol Mangok ġie elenkat fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 7(a), 7(c), 7(d) u 8 tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015) għal, “azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jespandu jew jestendu l-konflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jfixklu r-rikonċiljazzjoni jew taħditiet jew proċessi ta' paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet”; “ippjanar, tmexxija jew twettiq ta' atti bi ksur tal-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijet tal-bniedem, fis-Sudan t'Isfel”; “il-mira ta' persuni ċivili, inkluż in-nisa u t-tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju, jew permezz ta' aġir li jikkostitwixxi abbuż serju jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali”; u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern tas-Sudan t'Isfel, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor, li għandu, jew li l-membri tiegħu jkunu, involuti fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

Mangok huwa l-Kmandant tal-Gwardja Presidenzjali tal-Gvern tas-Sudan t'Isfel, li mexxa l-operazzjonijiet f'Juba wara l-ġlied li beda fil-15 ta' Diċembru, 2013. Huwa esegwixxa ordnijiet għad-diżarm tas-suldati Nuer imbagħad ordna l-użu ta' tankijiet biex jimmiraw persuni politiċi f'Juba, fejn inqatlu 22 gwardja personali mhux armati tal-mexxej tal-oppożizzjoni Riek Machar u seba' gwardji personali tal-ex Ministru għall-Intern Gier Chuang Aluong.

Fl-operazzjonijiet inizjali f'Juba, skont għadd ta' għidut kredibbli, il-Gwardji Presidenzjali ta' Mangok mexxew il-qtil ta' persuni ċivili ta' Nuer f'Juba u madwarha, li bosta minnhom ġew midfuna f'oqbra tal-massa. Wieħed minn dawn l-oqbra kien maħsub biex jinkludi 200-300 ċivili.

6.   Peter GADET (psewdonimu: a) Peter Gatdet Yaka b) Peter Gadet Yak c) Peter Gadet Yaak d) Peter Gatdet Yaak e) Peter Gatdet f) Peter Gatdeet Yaka

Titolu: a) Ġeneral b) Maġġur Ġeneral

Data tat-Twelid: Bejn l-1957 u l-1959

Post tat-Twelid: a) Il-Kontea ta' Mayom Stat ta' Unity b) Mayan, Stat ta' Unity

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

Informazzjoni oħra: Maħtur il-Viċi Kap tal-Persunal għal Operazzjonijiet tal-SPLA-IO fil-21 ta' Diċembru, 2014. Forzi taħt il-kmand tiegħu mmiraw persuni ċivili, inklużi nisa, f'April 2014 waqt attakk fuq Bentiu, inkluż qtil immirat fuq abbażi ta' etniċità. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5879076

Peter Gadet ġie elenkat fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 7(a), 7(d), 7(e) u 8 tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015) għal, “azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jespandu jew jestendu l-konflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jfixklu r-rikonċiljazzjoni jew taħditiet jew proċessi ta' paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet”; “il-mira ta' persuni ċivili, inkluż in-nisa u t-tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju, jew permezz ta' aġir li jikkostitwixxi abbuż serju jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali”; “ir-reklutaġġ ta' tfal minn gruppi armati jew forzi armati fil-kuntest tal-konflitt armat fis-Sudan t'Isfel”; u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienet involuta, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

Informazzjoni addizzjonali

Peter Gadet huwa l-Kmandant tal-forzi tal-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLA-IO) li kienu involuti f'azzjonijiet li estendew l-konflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet ta' Jannar 2014 (CoHA).

Forzi mmexxija minn Gadet attakkaw u ħatfu Kaka, l-Istat ta' Upper Nile mill-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA) fl-aħħar ta' Marzu 2014. Sussegwentement, Gadet ġie trasferit mill-Istat ta' Jonglei għal Bentiu, fejn huwa ġie nnominat gvernatur militari tal-Istat ta' Unity, biex jassisti l-forzi ta' kontra l-gvern fl-isforzi tagħhom biex jimmobilizzaw il-popolazzjoni predominanti ta' Bol Nuer. Sussegwentement, Gadet mexxa l-attakki tal-SPLA-IO fl-Istat ta' Unity. Il-forzi ta' Gadet kienu responsabbli għal ħsara li saret fuq raffinerija taż-żejt parzjalment mibnija fl-Istat ta' Unity, li qed tinbena minn kumpannija Russa. Il-forzi ta' Gadet ħadu wkoll kontroll taż-żoni ta' Tor Abyad u Kilo 30 fil-faċilitajiet taż-żejt tal-Istat ta' Unity.

Sa min-nofs April 2014, 50 000 truppa tal-forzi ta' kontra l-gvern iċċirkondaw Malakal bi tħejjija għal attakk fuq Bentiu. Fil-15 ta' April 2014, il-forzi ta' Gadet attakkaw u ħadu kontroll fuq Bentiu, qabel ma' sussegwentement tilfu l-kontroll tal-belt. Forzi mmexxija minn Gadet attakkaw persuni ċivili, inklużi nisa, f'April 2014 waqt attakk fuq Bentiu, inkluż qtil immirat abbażi ta' etniċità.

F'Ġunju 2014, Peter Gadet ħareġ Direttiva lill-kmandanti tal-SPLA-IO biex jirreklutaw żgħażagħ fil-kontei kollha f'idejn ir-ribelli.

Mill-25 sad-29 ta' Ottubru 2014, forzi taħt il-kmand ta' Gadet iċċirkondaw u attakkaw Bentiu u Rubkona, u ħatfu għal żmien qasir il-belt ta' Bentiu fid-29 ta' Ottubru qabel irtiraw.

Fil-21 ta' Diċembru 2014, Gadet inħatar Viċi Kap tal-Persunal għal Operazzjonijiet tal-SPLA-IO. Sussegwentement għal din il-ħatra, il-forzi tal-SPLA-IO ġew iċċitati mill-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD għal ksur multiplu fl-Istati ta' Unity, Upper Nile u Jonglei.”