24.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/320

tal-21 ta' Frar 2017

li tawtorizza lil Franza tikkonkludi ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-Ajruport Basel-Mulhouse li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 396(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE rigward il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' dik id-Direttiva, is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) hija, bħala regola, applikabbli fit-territorju ta' Stat Membru.

(2)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-24 ta' Settembru 2015, Franza talbet awtorizzazzjoni sabiex tikkonkludi ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera (“l-Iżvizzera”) dwar l-Ajruport Basel-Mulhouse (“l-Ajruport”) li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mid-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 396(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn permezz ta' ittra datata l-24 ta' Ottubru 2016 bit-talba magħmula minn Franza. Permezz ta' ittra datata l-25 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lil Franza li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.

(4)

L-Ajruport jinstab kollu kemm hu fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, il-Konvenzjoni bejn Franza u l-Iżvizzera tal-4 tal-Lulju 1949 rigward il-bini u t-tħaddim tal-ajruport ta' Basel-Mulhouse, fi Blotzheim (“il-Konvenzjoni”) tipprovdi settur speċjali tad-dwana Żvizzeru f'żona delimitata tal-ajruport fejn l-awtoritajiet Żvizzeri jistgħu jeżerċitaw kontroll fuq l-oġġetti u l-passiġġieri ħerġin minn jew deħlin fl-Iżvizzera. Fil-konvenzjoni kien previst ukoll li ftehim separat bejn il-pajjiżi rispettati jiġi konkluż, inter alia, dwar ir-regoli fiskali li jirregolaw dak is-settur.

(5)

Inqalgħu problemi rigward is-settur tad-dwana Żvizzeru, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontroll fuq l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-VAT minn negozji stabbiliti fi ħdan dak is-settur.

(6)

Fl-2015 Franza u l-Iżvizzera qablu li jikkonkludu ftehim internazzjonali li skontu s-settur tad-dwana Żvizzeru jkun meqjus bħala territorju Żvizzeru għal skopijiet ta' VAT. Billi dak il-fatt jidderoga mid-Direttiva 2006/112/KE, jeħtieġ li jkun hemm awtorizzazzjoni fl-Artikolu 396 ta' dik id-Direttiva.

(7)

Franza ser tiżgura li d-deroga ma jkollha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija b'dan awtorizzata tikkonkludi ftehim mal-Iżvizzera dwar l-Ajruport BaselMulhouse li jipprovdi, b'deroga mid-Direttiva 2006/112/KE, li s-settur tad-dwana Żvizzeru fl-Ajruport, stabbilit skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni bejn Franza u l-Iżvizzera tal-4 ta' Lulju 1949 rigward il-bini u t-tħaddim tal-ajruport tal-Ajruport Basel-Mulhouse, fi Blotzheim, m'għandux ikun meqjus li jifforma parti mit-territorju ta' Stat Membru fit-tifsira tal-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.