18.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/290

tas-17 ta' Frar 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI fir-rigward tal-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni kklassifikata (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (3),

Billi

(1)

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI (4).

(2)

Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI jikkonferixxi lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni biex jiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet. F'konformità mad-Deċiżjonijiet 2009/371/ĠAI u 2009/935/ĠAI, dik il-lista tinsab fl-Anness mad-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI.

(3)

Hija r-responsabbiltà tal-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol li jirrieżamina l-lista meta dan ikun meħtieġ u li jiddeċiedi jekk jipproponix lill-Kunsill emendi għaliha.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-“Regolament dwar il-Europol”) ser japplika mill-1 ta' Mejju 2017. Skont il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex marbuta bir-Regolament dwar il-Europol jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, mill-1 ta' Mejju 2017, id-Danimarka ser titqies bħala pajjiż terz fir-rigward tal-Europol.

(5)

Minħabba l-importanza mogħtija mill-partijiet kollha lill-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li taffettwa tnejn jew aktar Stati Membri, lit-terroriżmu u forom ta' kriminalità li jaffettwaw interess komuni kopert minn linja politika tal-Unjoni, huwa importanti li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn il-Europol u d-Danimarka dwar materji ewlenin sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni għat-theddidiet tas-sigurtà.

(6)

F'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament dwar il-Europol, ftehim ta' kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta' data personali konkluż, qabel 1 ta' Mejju 2017, bejn il-Europol u pajjiż terz f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI jista' jkun il-bażi għat-trasferiment ta' data personali mill-Europol lil pajjiż terz, sa fejn tali trasferiment ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol.

(7)

Fl-20 ta' Diċembru 2016, il-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol iddeċieda li jirrakkomanda li l-Kunsill iżid lid-Danimarka mal-lista, waqt li spjega l-ħtieġa operazzjonali li jiġi konkluż ftehim ta' kooperazzjoni mad-Danimarka.

(8)

Sabiex tiġi evitata lakuna operazzjonali mill-1 ta' Mejju 2017, meta d-Danimarka ma tibqax tipparteċipa fil-Europol bħala Stat Membru, huwa importanti ħafna li l-Europol jibda l-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni mad-Danimarka bħala pajjiż terz mingħajr dewmien.

(9)

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

(10)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

(11)

Id-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI għandha għaldaqstant tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-punt 1 tal-Anness mad-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“—

Danimarka”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BARTOLO


(1)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(2)  ĠU L 325, 11.12.2009, p. 6.

(3)  Opinjoni tal-14 ta' Frar 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 12).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).