7.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/206

tas-6 ta' Frar 2017

li ttemm rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċertu polietilentereftalat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Fid-29 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' ċertu polietilentereftalat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

It-talba tressqet mill-Kumitat tal-Manifatturi tal-Polietilentereftalat (PET) fl-Ewropa (“C.P.M.E”) (“l-applikant”) f'isem il-produtturi, li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali ta' PET tal-Unjoni.

(3)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma ta' dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1030/2010 (2). It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza ta' dawn il-miżuri x'aktarx se tirriżulta f'rikorrenza ta' dumping u rikorrenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(4)

Fit-13 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni ħabbret b'avviż, ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), li kien se jinbeda rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' PET li joriġina mir-RPĊ.

(5)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-esportaturi/produtturi fir-RPĊ, lill-importaturi, lill-utenti u lil xi assoċjazzjonijiet magħrufa li għandhom x'jaqsmu, lill-awtoritajiet tar-RPĊ u lill-produtturi kollha magħrufa tal-Unjoni dwar il-bidu ta' proċedura ta' rieżami. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta' bidu.

(6)

Il-partijiet interessati kollha li talbu għal smigħ u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex jenħtieġ jinstemgħu, ingħataw dan is-smigħ.

B.   IRTIRAR TAT-TALBA GĦAL RIEŻAMI TA' SKADENZA U TWAQQIF TAL-PROĊEDIMENT

(7)

Permezz tal-ittra tas-17 ta' Novembru 2016 indirizzata lill-Kummissjoni, l-applikant irtira formalment it-talba għal rieżami tal-iskadenza tiegħu.

(8)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista' jinġieb fi tmiemu meta jiġi irtirat l-ilment, sakemm it-tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

(9)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li din it-terminazzjoni tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċediment tar-rieżami attwali jenħtieġ jinġieb fi tmiemu. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw ċans jikkummentaw. Madankollu l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment li jista' jwassal għall-konklużjoni li din it-terminazzjoni tkun kontra l-interessi tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni, għaldaqstant, tikkonkludi li r-rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' PET li joriġina fir-RPĊ jenħtieġ jinġieb fi tmiemu.

(11)

It-terminazzjoni tal-proċedura prevista f'din id-deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċertu polietilentereftalat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li fil-preżent jaqa' taħt il-kodiċi NM 3907610000, b'dan jinġieb fi tmiemu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1030/2010 tas-17 ta' Novembru 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 300, 17.11.2010, p. 1).

(3)  ĠU C 376, 13.11.2015, p. 13.