3.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/61


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/190

tal-1 ta' Frar 2017

li tawtorizza lil Franza tidderoga skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minn ċerti regoli komuni tas-sikurezza tal-avjazzjoni li jikkonċernaw l-istallazzjoni ta' komponenti

(notifikata bid-dokument C(2017) 458)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Franza innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti approvazzjoni li tidderoga mir-regoli komuni tas-sikurezza tal-avjazzjoni li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 li hemm fir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 (2). Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa għad-deroga proposta u l-livell ta' protezzjoni li jirriżulta minnha, abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa EASA) tal-24 ta' Settembru 2015 (3).

(2)

Id-deroga proposta, notifikata minn Franza fl-24 ta' Lulju 2015, tikkonċerna l-punt M.A.501 tal-Anness I (Parti-M) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, li jirrikjedi li l-ebda komponent ma jista' jitwaħħal fuq inġenju tal-ajru sakemm ma jkunx ġie rilaxxat b'mod xieraq għas-servizz fuq il-Formola 1 tal-EASA jew ekwivalenti.

(3)

Id-deroga proposta tirrigwarda installazzjoni ta' magni R755B2M fuq l-inġenji tal-ajru YMF5C irreġistrati fi Franza. Dawk l-inġenji tal-ajru huma prodotti minn WACO Classic Aircraft Corporation, stabbilita fl-Istati Uniti, li hija fil-pussess taċ-ċertifikat tat-tip approvat tal-EASA EASA.IM.A.055 u taċ-ċertifikat tal-produzzjoni tal-FAA Nru 328CE li japprova l-produzzjoni tat-tip relatat ta' inġenju tal-ajru. Il-magni R755B2M huma prodotti minn AIR REPAIR, li hija wkoll stabbilita fl-Istati Uniti, li hija fil-pussess taċ-ċertifikat tat-tip approvat tal-EASA, EASA.E.092. Air REPAIR tipprovdi l-magni tagħha lil WACO Classic Aircraft Corporation għall-istallazzjoni. Madankollu, AIR REPAIR mhix fil-pussess la ta' approvazzjoni tal-produzzjoni, u lanqas ta' approvazzjoni ta' stazzjon tat-tiswija FAA 145 u allura ma tistax tforni magni b'formoli tar-rilaxx għas-servizz lil klijenti oħrajn. L-informazzjoni li waslet għand l-EASA tindika li AIR REPAIR ma tixtieqx li tikseb la approvazzjoni tal-produzzjoni u lanqas approvazzjoni Parti 145 tal-EASA.

(4)

Peress li l-magni ġodda prodotti minn AIR REPAIR ma jistgħux jiġu fornuti lil klijenti bil-Formola 1 tal-EASA jew ekwivalenti, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li deroga mir-rekwiżit tal-punt M.A.501 hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li sid ta' inġenju tal-ajru YMF5C, li jkollu l-ħsieb li jixtri magna ġdida P/N (Mudell) R755B2M, bin-Numru tas-Serje 17819, tkun tista' tiġi installata fuq l-inġenju tal-ajru tiegħu l-magna fi Franza.

(5)

L-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li livell ekwivalenti ta' protezzjoni jista' jinkiseb b'mezzi oħra. Dawk il-mezzi jikkonsistu mir-rekwiżit li l-produttur tal-inġenju tal-ajru jiddikjara li l-magni li se jkunu installati huma simili għal dawk li kieku kienu jiġu stallati fil-linja tal-produzzjoni tiegħu u mill-ħtieġa li dawn il-magni jiġu stallati minn persunal kwalifikat u skont il-manwal tal-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru applikabbli li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa għat-tneħħija u għall-istallazzjoni ta' dawn il-magni.

(6)

Abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-EASA, maħruġa fl-24 ta' Settembru 2015, il-Kummissjoni tikkunsidra li, permezz ta' dawk il-mezzi l-oħra, jista' jintlaħaq livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tal-punt M.A.501 tal-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014. Konsegwentement, Franza għandha tkun intitolata li tagħti d-deroga proposta.

(7)

Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-Istati Membri kollha jridu jiġu nnotifikati b'deċiżjoni tal-Kummissjoni li Stat Membru jista' jagħti deroga proposta, u jkunu intitolati wkoll li japplikaw il-miżura kkonċernata. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lill-Istati Membri kollha. Id-deskrizzjoni tad-deroga, kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta magħha, għandhom ikunu tali li jippermettu lill-Istati Membri l-oħra li japplikaw ukoll dik il-miżura meta jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta' deċiżjoni ulterjuri mill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' din il-miżura fejn japplikawha, b'konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, billi din l-applikazzjoni jista' jkollha effetti 'l barra mill-Istati Membri li jagħtu d-deroga.

(8)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza tista' tagħti approvazzjonijiet li jidderogaw mill-punt M.A.501 tal-Anness I (Parti M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 lill-proprjetarji ta' inġenji tal-ajru YMF5C, prodotti minn WACO Classic Aircraft Corporation, li beħsiebhom jixtru magni R755B2M u jistallawhom fuq l-inġenji tal-ajru tagħhom, sakemm il-manifattur tal-inġenju tal-ajru jkun iddikjara li dawk il-magni huma simili għal dawk li kieku kien jistalla fuq il-linja tal-produzzjoni tiegħu u sakemm dawk il-magni jiġu installati minn persunal ikkwalifikat u skont il-manwal tal-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru applikabbli li fih l-informazzjoni neċessarja dwar it-tneħħija u l-istallazzjoni ta' dawk il-magni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

(3)  Il-KAŻ TAL-EASA 2015/87 — Rakkomandazzjoni Nru FR/18/2015 — EASA ittra 2015(D)54366