26.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 21/103


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/131

tal-24 ta' Jannar 2017

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/184/UE li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali

(notifikata bid-dokument C(2017) 259)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1) u b'mod partikolari l-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 30 tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Ottubru 2013, Österreichische Post AG (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Posta Awstrijaka”) bagħtet talba lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE. It-talba tikkonċerna ċerti servizzi postali, kif ukoll ċerti servizzi oħrajn li mhumiex postali, u ż-żewġ tipi ta' servizzi huma pprovduti mill-Posta Awstrijaka fit-territorju tal-Awstrija. Is-servizzi kkonċernati huma deskritti fit-talba kif ġej:

(a)

servizzi postali għal ittri indirizzati bejn konsumaturi tan-negozju (minn hawn 'il quddiem imsejħa “B2B”) u bejn konsumaturi ta' negozji u konsumaturi privati (minn hawn 'il quddiem imsejħa “B2C”) fuq livell nazzjonali (“domestiċi” u “għal ġewwa”);

(b)

servizzi postali għal ittri indirizzati bejn klijenti privati (minn hawn 'il quddiem imsejħa “C2C”) u bejn klijenti privati u klijenti kummerċjali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “C2B”) fuq livell nazzjonali (“domestiċi” u “għal ġewwa”);

(c)

servizzi postali għal ittri internazzjonali indirizzati (“għal barra”) B2B u B2C (minn hawn 'il quddiem imsemmija “B2X”) kif ukoll C2B u C2C (minn hawn 'il quddiem imsemmija “C2X”);

(d)

servizzi postali għal reklamar indirizzat fuq livell nazzjonali u internazzjonali;

(e)

servizzi postali għal reklamar mhux indirizzat, fuq livell nazzjonali u internazzjonali;

(f)

servizzi postali għal gazzetti indirizzati u mhux indirizzati;

(g)

servizzi ta' maniġment għall-mailrooms;

(h)

servizzi b'valur miżjud marbuta ma' mezzi elettroniċi u pprovduti għalkollox permezz ta' mezzi bħal dawn;

(i)

il-filatelija — bolol speċjali tal-posta;

(j)

servizzi finanzjarji.

(2)

Fit-2 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/184/UE (2). Permezz ta' din id-Deċiżjoni, dawn is-servizzi postali fl-Awstrija ġew eżentati mir-regoli dwar l-akkwist pubbliku:

(a)

servizzi ta' maniġment għall-mailrooms;

(b)

servizzi b'valur miżjud marbuta ma' mezzi elettroniċi u pprovduti għalkollox permezz ta' mezzi bħal dawn;

(c)

servizzi ta' filatelija u servizzi ta' pagamenti pprovduti f'isimha stess.

(3)

Għall-bqija tas-servizzi speċifikati fit-talba, il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni ma ġewx issodisfati, u għalhekk id-Direttiva 2004/17/KE kompliet tapplika.

(4)

Fl-24 ta' Ġunju 2014, il-Posta Awstrijaka ppreżentat (3) rikors għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/184/UE quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(5)

Fis-27 ta' April 2016, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/184/UE, minħabba li din tiddikjara li dik id-Direttiva tibqa' tapplika għas-suq tas-servizzi postali għall-ittri indirizzati B2B u B2C fil-livell internazzjonali fl-Awstrija. Fir-rigward tal-bqija, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-Posta Awstrijaka.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/184/UE tiġi emendata skont dan,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/184/UE qed jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

is-servizzi postali għal ittri internazzjonali indirizzati B2B u B2C”;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/184/UE tat-2 ta' April 2014 li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (ĠU L 101, 4.4.2014, p. 4).

(3)  Österreichische Post AG v. il-Kummissjoni, T-463/14, EU:T:2016:243