31.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 25/2 |
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (“Ftehim Komprensiv”)
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Ftehim Komprensiv ma jikkostitwix bażi ġuridika għat-trasferiment ta' data personali bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu (ara l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim). Minflok, flimkien mal-bażi ġuridika applikabbli għat-trasferiment u suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Ftehim, il-Ftehim għandu l-għan li jipprovdi salvagwardji xierqa fis-sens tal-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2016/680. B'kuntrast ma' dan, il-Ftehim ma jipprovdix awtorizzazzjoni ġenerali għat-trasferimenti. Barra minn hekk, il-Ftehim iżżomm il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data li jeżerċitaw bis-sħiħ is-setgħat superviżorji tagħhom mogħtija mil-liġi tal-UE rigward it-trasferimenti internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.
Il-Kummissjoni tinnota li b'konformità mat-talba mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 (2013/2188(INI)) sabiex tiggarantixxi “rimedji ġudizzjarji effettivi u infurzabbli […] għaċ-ċittadini kollha tal-UE fl-Istati Uniti” u li “tqiegħed id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fuq l-istess livell mad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Istati Uniti”, l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Komprensiv jipprovdi liċ-ċittadini tal-UE bi drittijiet għal rimedju ġudizzjarju. Sabiex ikun konformi ma' din id-dispożizzjoni, il-Kungress tal-Istati Uniti diġà adotta l-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji. Dan huwa pass importanti fil-proċess ta' implimentazzjoni. Abbażi tal-assigurazzjonijiet li rċeviet matul in-negozjati, il-Kummissjoni tistenna li jsiru d-denominazzjonijiet kollha skont dak l-Att, kemm tal-UE bħala “pajjiż kopert” u tal-aġenziji kollha tal-Istati Uniti li jipproċessaw id-data li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim bħala “aġenzija federali nominata jew komponent tagħha”, u li jiġu koperti t-trasferimenti kollha tad-data li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim. Il-Kummissjoni tikkonferma li dawn jinkludu trasferimenti mwettqa fuq il-bażi tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-UE għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) (ara l-Artikolu 3(1), flimkien mar-raba' paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim) u li s-settijiet ta' data rispettivi ma jistgħux jiġu eżentati milli jibbenefikaw mid-dritt ta' rimedju ġudizzjarju mogħti skont l-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan biss jista' jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 19(1) tal-Ftehim kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) u (3) tal-Ftehim.
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Komprensiv jikkostitwixxi dispożizzjoni essenzjali tal-Ftehim li għandu jiġi implimentat b'mod sħiħ, b'mod partikolari permezz tan-nomini meħtieġa. Barra minn hekk, kif previst fl-Artikolu 23(1) tal-Ftehim, il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni partikolari matul ir-reviżjoni konġunta lill-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar ir-rimedju ġudizzjarju.
Filwaqt li d-drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju addizzjonali previsti fl-Artikolu 19(1) tal-Ftehim ma jkoprux lil ċittadini mhux tal-UE, dan huwa mingħajr preġudizzju għal drittijiet eżistenti oħra ta' rimedju ġudizzjarju skont il-liġi tal-Istati Uniti li huma disponibbli għal kull individwu irrispettivament mir-residenza jew miċ-ċittadinanza tiegħu (ara l-Artikolu 19(3) tal-Ftehim), bħal pereżempju skont l-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva, l-Att dwar il-Privatezza tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jew l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.