|
5.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 413/1 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-4 ta’ Diċembru 2017
b’rabta mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tar-reatturi 1 u 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Oskarshamm, li jinsab fl-Iżvezja
(it-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)
(2017/C 413/01)
Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li għandha titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja (1).
Fit-13 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Żvediż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali rigward il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li jirriżulta miż-żarmar tar-reatturi 1 u 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Oskarshamm.
Abbażi ta’ din id-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni talbet fl-10 ta’ Lulju 2017 u li l-awtoritajiet Żvediżi pprovdewlha fl-4 ta’ Settembru 2017, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja.
|
1. |
Id-distanza bejn is-sit u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ id-Danimarka, hija ta’ 260 km. |
|
2. |
Matul l-operati normali ta’ żarmar, l-iskariku ta’ effluwenti gassużi u likwidi radjuattivi mhux qed jitqies li jista’ jikkawża esponiment sinifikanti għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor mil-lat ta’ saħħa, fir-rigward tal-limiti tad-doża stabbiliti fid-Direttivi tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (3). |
|
3. |
L-iskart solidu radjuattiv jinħażen b’mod temporanju fuq il-post qabel ma jintbagħat f’faċilitajiet illiċenzjati tat-trattament jew tar-rimi fl-Iżvezja. L-iskart solidu u l-fdalijiet materjali mhux radjuattivi li jkunu konformi mal-livelli ta’ approvazzjoni se jiġu rrilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali, għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. Dan se jsir b’konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttivi tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza. |
|
4. |
F’każ li jkun hemm skariki mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor mhux se jkunu sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fid-Direttivi tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza. |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li joriġina miż-żarmar tar-reatturi 1 u 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Oskarshamm li jinsab fl-Iżvezja, kemm waqt l-operat normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x’aktarx li mhux se tirriżulta f’kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Miguel ARIAS CAÑETE
Membru tal-Kummissjoni
(1) Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; għad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll għad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u għad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
(2) Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1), u d-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti; u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1) b’effett mis-6 ta’ Frar 2018.