29.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-24 ta’ Marzu 2016

li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

(BERS/2016/3)

(2016/C 153/01)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 458(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(3)(e) u l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività u l-konsistenza tal-politika makroprudenzjali, huwa meħtieġ li dawk li jfasslu l-politika makroprudenzjali jqisu kif meħtieġ l-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali adottati minn Stati Membri individwali u, meta dan ikun iġġustifikat, jadottaw miżuri tal-politika makroprudenzjali xierqa biex jadattawhom.

(2)

Il-qafas dwar reċiprokazzjoni volontarja għal miżuri tal-politika makroprudenzjali stipulat fir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4) għandu jiżgura li l-miżuri ta’ politika makroprudenzjali kollha bbażati fuq skopertura attivati fi Stat Membru wieħed huma rreċiprokati fl-Istati Membri l-oħrajn.

(3)

Fid-dawl ta’ żviluppi leġiżlattivi reċenti fil-Belġju fir-rigward tal-implimentazzjoni taż-żieda tal-piż tar-riskju b’5 punti perċentwali applikata taħt l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal skoperturi għal selfiet b’ipoteki Belġjani ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (IRB), il-Bord Ġenerali tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku ddeċieda li jinkludi l-miżura Belġjana fil-lista ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali li huma rrakkomandati li jkunu rreċiprokati taħt ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

EMENDI

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 hija emendata skont kif ġej:

1.

It-Taqsima 1, subrakkomandazzjoni C(1) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“1.

L-awtoritajiet relevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżuri tal-politika makroprudenzjali adottati minn awtoritajiet relevanti oħrajn u rrakkomandati għal reċiprokazzjoni mill-BERS. Huwa rrakkomandat li l-miżuri li ġejjin jiġu rreċiprokati:

Il-Belġju:

żieda tal-piż tar-riskju b’5 punti perċentwali applikata taħt l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal skoperturi għal self b’ipoteki Belġjani ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni kif deskritt ulterjorment fl-anness.”;

2.

Qed jiżdied it-test li jidher fl-Anness bħala anness għar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-BERS

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(3)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(4)  Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-valutazzjoni ta’ effetti transkonfinali ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 9).


ANNESS

“ANNESS

Il-Belġju

Żieda tal-piż tar-riskju b’5 punti perċentwali applikata taħt l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal skoperturi għal selfiet b’ipoteki Belġjani ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB)

I.   Deskrizzjoni tal-miżura

1.

Il-miżura Belġjana tikkostitwixxi żieda tal-piżijiet tar-riskju b’ ħames punti perċentwali applikata minn istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB għall-valur tal-iskopertura ta’ selfiet b’ipoteki Belġjani. Speċifikament, l-ippeżar tar-riskju, ikkalkulat skont l-Artikolu 154(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għal skoperturi bl-imnut iggarantiti bi proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju huwa miżjud b’5 punti perċentwali. Pereżempju, l-ippeżar tar-riskju ta’ 10 fil-mija applikat minn istituzzjonijiet tal-kreditu IRB għal selfiet b’ipoteki Belġjani huwa miżjud għal 15 fil-mija.

II.   Reċiprokazzjoni

2.

Skont l-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet relevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana għall-valur tal-iskopertura ta’ selfiet b’ipoteki Belġjani maħruġa minn friegħi awtorizzati domestikament, li jinsabu fil-Belġju, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

3.

Fejn ma jkun hemm ebda istituzzjoni ta’ kreditu IRB li tinsab fi Stati Membri oħrajn bi friegħi stabbiliti fil-Belġju li jkollhom skoperturi materjali għas-suq tal-ipoteki Belġjan, l-awtoritajiet relevanti jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Meta tkun ġiet adottata deċiżjoni ġdida taħt l-Artikolu 458(9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura Belġjana, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet relevanti jirrevedu s-sitwazzjoni u, jekk jitqies li huwa meħtieġ, li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana.

4.

Huwa rrakkomandat ukoll li l-awtoritajiet relevanti jirreċiprokaw il-miżura Belġjana għall-valur ta’ skopertura ta’ selfiet b’ipoteki Belġjani pprovduti direttament minn naħa għall-oħra tal-fruntieri minn istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom. Skont is-subrakkomandazzjoni C(2) huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet relevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, il-miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollha l-effett l-aktar ekwivalenti għar-reċiprokazzjoni msemmija hawn fuq, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet relevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien sitt xhur.

5.

Fejn ma jkun hemm ebda istituzzjoni ta’ kreditu IRB li tinsab fi Stati Membri oħrajn bi skoperturi transkonfinali materjali diretti għas-suq tal-ipoteki Belġjan, l-awtoritajiet relevanti jistgħu jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx. Meta tkun ġiet adottata deċiżjoni ġdida taħt l-Artikolu 458(9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura Belġjana, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet relevanti jirrevedu s-sitwazzjoni u, jekk jitqies li huwa meħtieġ, li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana.”