23.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 352/50 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2377
tal-14 ta' Ottubru 2016
li jemenda Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tagħha,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament l-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid. |
(2) |
L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar (rimi) permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1394/2014 ta' Delega tal-Kummissjoni (2) jistabbilixxi pjan għall-iskartar (rimi) għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art permezz ta' ċerti mekkaniżmi ta' flessibbiltà. |
(4) |
Skont l-Artikolu 15(5)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, pjan għall-iskartar jista' jkun fih l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni. |
(5) |
Il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands u l-Portugall għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fl-ilmijiet tal-Lbiċ. Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Lbiċ u mal-Kunsill Konsultattiv għas-sajd Pelaġiku, dawk l-Istati Membri fit-30 ta' Mejju 2016 issottomettew rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni li tissuġġerixxi li, permezz ta' deroga mill-Anness XII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (3), id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għas-sawrell (Trachurus spp.) fid-Diviżjonijiet VIIIc u s-subżona IX tal-ICES jiġi ffissat għal 12 cm għal 5 % tal-kwoti rispettivi ta' Spanja u tal-Portugall. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li fi ħdan dan il-limitu ta' 5 % tal-kwota ta' sawrell, fis-sajd bit-tartarun artiġjanali “xávega” fid-Diviżjoni IXa tal-ICES, 1 % mill-kwota tal-Portugall jistgħu jinqabdu b'daqs ta' inqas minn 12-il cm. |
(6) |
Il-korpi xjentifiċi rilevanti taw kontribuzzjoni xjentifika li ġiet eżaminata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Il-STECF ikkonkluda li bidla fid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni kif issuġġerita mir-Rakkomandazzjoni Konġunta hija assoċjata ma' riskju baxx ta' bidla fix-xejra tal-isfruttament stabbilita fis-sajd ikkonċernat. Dik ix-xejra ta' sfruttament flimkien ma' rati ta' sfruttament moderati ma tidhirx li hija ta' ħsara għad-dinamika tal-istokkijiet rilevanti. Fl-istess ħin, il-STECF osserva li l-kontroll tal-qbid b'limiti ta' daqs differenti jista' jkun ta' sfida u, jekk ma jiġix ikkontrollat sew, il-mortalità tista' tiżdied. Barra minn hekk, hu importanti li l-limiti perċentwali stabbiliti għad-daqsijiet iżgħar jiġu rispettati. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Membri kkonċernati jimplimentaw miżuri ta' kontroll xierqa rigward is-sajd ikkonċernat. |
(7) |
Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għaldaqstant jistgħu jiġu inklużi fi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ. |
(8) |
Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 għandu jiġi emendat skont dan. |
(9) |
Billi l-miżuri mogħtija f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd u mal-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“B'deroga mill-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għas-sawrell (Trachurus spp.) li jinqabdu fid-Diviżjoni VIIIc tal-ICES u fis-subżona IX tal-ICES għandu jkun ta' 12-il cm għal 5 % tal-kwoti rispettivi ta' Spanja u tal-Portugall f'dawk iż-żoni. Fi ħdan dak il-limitu ta' 5 %, fis-sajd bit-tartarun artiġjanali ‘xávega’ fid-Diviżjoni IXa tal-ICES, 1 % mill-kwota tal-Portugall jistgħu jinqabdu b'daqs ta' inqas minn 12-il cm.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 31).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).