23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/33


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2374

tat-12 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd bit-tkarkir tal-qiegħ fl-ilmijiet tal-Lbiċ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Bir-Regolament (UE) 2015/2439 (2), il-Kummissjoni stabbiliet pjan għall-iskartar għal ċertu sajd bit-tkarkir tal-qiegħ fl-ilmijiet tal-Lbiċ għall-perjodu 2016-2018 wara rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Istati Membri fl-2015.

(4)

Il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands u l-Portugall għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fl-ilmijiet tal-Lbiċ. Fil-31 ta' Mejju 2016, dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Lbiċ. Il-korpi xjentifiċi rilevanti taw kontributi xjentifiċi li kienu eżaminati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u dawn jistgħu jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(5)

Fir-rigward tal-ilmijiet tal-Lbiċ, skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika għal speċijiet li jiddefinixxu s-sajd sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2016.

(6)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2439 stabbilixxa dispożizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd bit-tkarkir tal-qiegħ fl-ilmijiet tal-Lbiċ għall-perjodu 2016-2018.

(7)

Skont ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida ppreżentata mill-Istati Membri fl-2016, il-pjan għall-iskartar għall-2017 għandu jkopri s-sajd tal-lingwata komuni, tal-merluzz, tal-petrika u tal-iskampu (fiż-żoni tad-distribuzzjoni tal-istokkijiet imsemmija bħala “unitajiet funzjonali” biss) fid-Diviżjonijiet VIIIa, b, d, e tal-ICES; tal-iskampu fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES (fl-unitajiet funzjonali biss); tal-lingwata komuni u tal-barbun tat-tbajja' fid-Diviżjoni IXa tal-ICES, tal-merluzz fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES u tal-petrika fid-Diviżjonijiet VIIIa b, c, d, e u IXa tal-ICES.

(8)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li għandha tiġi applikata eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art għall-iskampu maqbud mix-xbieki tat-tkarkir fis-subżoni VIII u IX tal-ICES, u dan billi l-evidenza xjentifika eżistenti tindika rati possibbli ta' sopravivenza għolja, u dan filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-irkapti li jimmiraw għal din l-ispeċi, il-prattiki tas-sajd u l-ekosistema. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd fl-evalwazzjoni tiegħu jikkonkludi li l-esperimenti l-aktar reċenti juru rati ta' sopravivenza fil-medda tar-rata ta' sopravivenza osservata fil-ħidma preċedenti. Aktar studji huma ppjanati u għandhom jipprovdu aktar informazzjoni dwar ir-rati ta' sopravivenza probabbli f'dan is-sajd. Għalhekk, din l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża fir-Regolament għas-sena 2017, b'dispożizzjoni li titlob lill-Istati Membri kkonċernati jagħtu lill-Kummissjoni aktar dejta mill-provi għaddejjin biex il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikun jista' jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni.

(9)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta fiha tliet eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd u sa ċerti livelli. L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri ġiet analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd jikkonkludi li r-rakkomandazzjoni konġunta fiha argumenti motivati b'rabta mad-diffikultà fiż-żieda tas-selettività flimkien mal-ispejjeż sproporzjonati tal-ipproċessar tal-qabdiet mhux mixtieqa. Fid-dawl ta' dan kollu, huwa xieraq li jkunu stabbiliti eżenzjonijiet de minimis skont il-livell perċentwali propost fir-rakkomandazzjoni konġunta u f'livelli li ma jaqbżux dawk permessi skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(10)

L-eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 5 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jistadu għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir bi travu u bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, huwa bbażat fuq il-fatt li ż-żidiet vijabbli fis-selettività jkunu diffiċli ħafna li jinkisbu. L-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija biżżejjed biex tiġġustifika l-eżenzjoni ssuġġerita. Għalhekk, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx inkluża f'dan ir-Regolament.

(11)

L-eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jistadu għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES bil-pariti u bl-għeżula, huwa bbażat fuq il-fatt li ż-żidiet vijabbli fis-selettività jkunu diffiċli ħafna li jinkisbu. L-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija biżżejjed biex tiġġustifika l-eżenzjoni mitluba. Għalhekk, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx inkluża f'dan ir-Regolament.

(12)

L-eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 7 % fl-2017 u 6 % fl-2018 tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jistadu għal din l-ispeċi fis-subżoni VIII u IX tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir, hija bbażata fuq il-fatt li ż-żidiet vijabbli fis-selettività jkunu diffiċli ħafna li jinkisbu. L-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni addizzjonali pprovduta tas-selettività ma kienx fiha provi addizzjonali li juru li s-selettività hija diffiċli ħafna biex tinkiseb għall-mestieri involuti. Għalhekk, għandha ssir aktar ħidma sabiex tissaħħaħ il-ġustifikazzjoni għal din l-eżenzjoni. Għalhekk, din l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament għall-2017, jiġifieri għal sena waħda biss, u bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni mtejba li tiġġustifika din l-eżenzjoni li għandha' tiġi vvalutata mill-STECF.

(13)

Għaldaqstant, jeħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/2439 jitħassar u jiġi sostitwit b'Regolament ġdid.

(14)

Billi l-miżuri mogħtija f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd u mal-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art

L-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika f'sub-żoni VIII, IX, X tal-ICES u ż-żoni CECAF 34.1.1, 34.1.2, 34.2.0 għas-sajd stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Eżenzjoni ta' sopravivenza

1.   L-eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal speċijiet li fil-każ tagħhom l-evidenza xjentifika turi rati ta' sopravivenza għolja għandha tapplika għall-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud fis-subżoni VIII u IX tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir (kodiċijiet tal-irkaptu (3): OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT u TX).

2.   L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett fl-Ilmijiet tal-Lbiċ għandhom sal-1 ta' Mejju 2017 biex jippreżentaw l-informazzjoni xjentifika addizzjonali li tġġustifika l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Settembru 2017.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet de minimis

1.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin:

(a)

għall-merluzz (Merluccius merluccius), sa massimu ta' 7 % fl-2017 u sa 6 % fl-2018 tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir (kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, SDN, SX u SV) li jimmiraw għal din l-ispeċi fis-subżoni VIII u IX tal-ICES.

(b)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 5 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (kodiċi tal-irkaptu: TBB) u xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, it-TBB, OT, PT u TX) li jimmiraw għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES;

(c)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw pariti u għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR u GEN) li jimmiraw għal din l-ispeċi fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb tal-ICES;

2.   Qabel l-1 ta' Mejju 2017, l-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett fl-Ilmijiet tal-Lbiċ għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni dejta addizzjonali dwar l-iskartar u kull informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tiġġustifika l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a). Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Settembru 2017.

Artikolu 4

Bastimenti soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-bastimenti soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art għal kull qasam tas-sajd partikolari.

Bastimenti li kienu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd fl-2016 għandhom jibqgħu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'dak is-sajd.

Sal-31 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri konċernati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' sit web sigur tal-kontroll tal-Unjoni, il-listi ta' bastimenti ddefiniti skont il-paragrafu 1 għal kull qasam tas-sajd partikolari stabbiliti fl-Anness. Huma għandhom iżommu dawn il-listi aġġornati.

Artikolu 5

Tħassir

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2439 huwa mħassar.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018.

L-Artikolu 4 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2439 tat-12 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd bit-tkarkir tal-qiegħ fl-ilmijiet tal-Lbiċ (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 36).

(3)  Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'dan ir-Regolament huma ddefiniti mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.


ANNESS

Sajd soġġett għall-obbligu ta' ħatt l-art

(a)   Is-sajd fid-diviżjonijiet VIIIa, b, d u e tal-ICES

Sajd (speċi)

Kodiċi tal-irkaptu

Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

Daqs tal-malja

Speċi li tinħatt l-art

Lingwata komuni

(Solea solea)

OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa bejn 70 mm u 100 mm

Il-qabdiet kollha tal- lingwata komuni

TBB

Ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa bejn 70 mm u 100 mm

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

Il-pariti u l-għeżula kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa 100 mm jew iktar

Merluzz

(Merluccius merluccius)

OTB, OTT, PTB, SDN, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, SX, SV

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa 100 mm jew iktar

Il-qabdiet kollha tal-merluzz

LL, LLS

Il-konzijiet kollha

Kollha

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GEN

L-għeżula kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa 100 mm jew iktar.

Petrika

(Lophiidae)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GEN

L-għeżula kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa 200 mm jew iktar.

Il-qabdiet kollha tal-petrika

Skampu (Nephrops norvegicus)

ġewwa unitajiet funzjonali biss

OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

Malji tax-xbieki ta' 70 mm jew akbar

Il-qabdiet kollha tal-iskampu

(b)   Is-sajd fid-diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES

Sajd (speċi)

Kodiċi tal-irkaptu

Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

Daqs tal-malja

L-obbligu ta' ħatt l-art

Petrika

(Lophiidae)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GEN

L-għeżula kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa 200 mm jew iktar

Il-qabdiet kollha tal-petrika

Skampu

(Nephrops norvegicus)

ġewwa unitajiet funzjonali biss

OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, OT, PT, TX TB

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha

Malji tax-xbieki ta' 70 mm jew akbar

Il-qabdiet kollha tal-iskampu

Merluzz

(Merluccius merluccius)

OTT, OTB, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, SDN, SX, SV

Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni kollha

Bastimenti li jissodisfaw il-kriterji kumulattivi li ġejjin:

1.

Jużaw malja tax-xbieki ta' 70 mm jew akbar

2.

Il-ħatt l-art totali tal-merluzz fil-perjodu 2014/2015 (1) jikkonsisti minn: aktar minn 5 % ta' dawk l-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art u aktar minn 5 tunnellati metriċi.

Il-qabdiet kollha tal-merluzz

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GEN

L-għeżula kollha

Malja tax-xbieki wiesgħa bejn 80 mm u 99 mm

LL, LLS

Il-konzijiet kollha

Ganċ itwal minn 3,85 cm +/– 1,15 cm u usa' minn 1,6 cm +/– 0,4 cm

(c)   Is-sajd fid-diviżjoni IXa tal-ICES

Sajd (speċi)

Kodiċi tal-irkaptu

Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

Daqs tal-malja

L-obbligu ta' ħatt l-art

Lingwata komuni (Solea solea) u barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

Il-pariti u l-għeżula kollha

Malji tax-xbieki ta' 100 mm jew akbar

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni u tal-barbun tat-tbajja'


(1)  Il-perjodu ta' referenza se jiġi aġġornat fis-snin ta' wara, jiġifieri fl-2018, il-perjodu ta' referenza se jkun l-2015 u l-2016.