8.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/30


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2147

tas-7 ta' Diċembru 2016

li jawtorizza żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2016 f'ċerti reġjuni ta' vitikultura tal-Ġermanja u fir-reġjuni ta' vitikultura kollha tal-Ungerija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt A.3 tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-limiti għaż-żieda tal-qawwa alkoħolika (arrikkiment) tal-inbid skont il-volum jiżdiedu b'mhux aktar minn 0,5 % fis-snin li fihom il-kundizzjonijiet klimatiċi jkunu eċċezzjonalment ħżiena.

(2)

Il-Ġermanja u l-Ungerija talbu dawn iż-żidiet tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fis-sena 2016, peress li l-kundizzjonijiet klimatiċi matul l-istaġun tat-tkabbir kienu eċċezzjonalment ħżiena. Din it-talba saret mill-Ungerija għar-reġjuni ta' vitikultura kollha tagħha. Il-Ġermanja talbet iż-żieda tal-arrikkiment għall-inbid magħmul biss mill-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid aħmar għar-reġjuni ta' Baden Ahr, Mittelrhein, Mosel, Nahe, Pfalz, Rheinhessen u Württemberg.

(3)

Minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp eċċezzjonalment ħżiena fl-2016, il-limiti fuq iż-żidiet tal-qawwa alkoħolika naturali stabbiliti fil-punt A.2 tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jippermettux il-produzzjoni ta' nbid b'qawwa alkoħolika totali xierqa mill-varjetajiet kollha tal-għeneb jew xi wħud minnhom f'ċerti reġjuni ta' vitikultura li għalihom normalment ikun hemm talba fis-suq.

(4)

Għaldaqstant ikun xieraq li tiġi awtorizzata żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-varjetajiet kollha tal-għeneb tal-inbid jew xi wħud minnhom maħsuda fl-2016 f'reġjuni ta' vitikultura fl-Ungerija u fil-Ġermanja.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-punt A.3 tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fir-reġjuni ta' vitikultura jew f'parti minnhom imniżżla fl-Anness ta' dan ir-Regolament u għall-varjetajiet kollha tal-għeneb tal-inbid jew xi wħud minnhom kif speċifikati f'dak l-Anness, iż-żieda fil-qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta' għeneb frisk maħsud fis-sena 2016, il-most tal-għeneb, il-most tal-għeneb li jkun qed jiffermenta, l-inbid ġdid li jkun għadu qed jiffermenta u l-inbid li jkun ġie prodott mill-għeneb maħsud fis-sena 2016, ma għandhiex taqbeż il-limiti li ġejjin:

(a)

3,5 % volum fiż-żona ta' vitikultura A msemmija fl-appendiċi I tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)

2,5 % volum fiż-żona ta' vitikultura B imsemmija fl-appendiċi I tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(c)

2,0 % volum fiż-żona ta' vitikultura C imsemmija fl-appendiċi I tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ANNESS

Varjetajiet tal-għeneb tal-inbid u reġjuni ta' vitikultura, jew parti minnhom fejn żieda fil-limitu tal-arrikkiment hija awtorizzata skont l-Artikolu 1

Stat Membru

Reġjuni ta' vitikultura jew parti minnhom (żona ta' vitikultura)

Varjetajiet

Il-Ġermanja

Ir-reġjun ta' vitikultura f'Baden (żona B)

Il-varjetajiet awtorizzati kollha tal-għeneb tal-inbid aħmar

Ir-reġjun ta' vitikultura f'Ahr (żona A)

Ir-reġjun ta' vitikultura f'Mittelrhein (żona A)

Ir-reġjun ta' vitikultura f'Mosel (żona A)

Ir-reġjun ta' vitikultura f'Nahe (żona A)

Ir-reġjun ta' vitikultura fi Pfalz (żona A)

Ir-reġjun ta' vitikultura f'Rheinhessen (żona A)

Ir-reġjun ta' vitikultura f'Württemberg (żona A)

L-Ungerija

Ir-reġjuni ta' vitikultura kollha (żona C)

Il-varjetajiet awtorizzati kollha tal-għeneb