3.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/70


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2120

tat-2 ta' Diċembru 2016

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabbiltà tax-Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament tal-interoperabbiltà) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(2)(16) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 (2) jirreferi għad-definizzjonijiet stabbiliti fil-Volum 1 tal-Proċeduri tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru — l-Operazzjonijiet tal-Inġenji tal-Ajru (PANS-OPS, id-Dok. 8168), u b'mod aktar speċifiku għar-raba' edizzjoni tiegħu tal-1993 li tinkludi l-Emenda 13. Wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006, l-ICAO emendat dak id-dokument u adottat il-ħames edizzjoni tiegħu tal-2006 li tinkludi l-Emenda 6.

(2)

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 jirreferi għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 2 tal-ICAO — ir-Regoli tal-Ajru u b'mod aktar speċifiku għall-għaxar edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2005 li tinkludi kull emenda sal-Emenda 42. Wara l-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2013 (3), ir-regoli komuni tal-ajru, kif adottati permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (4), saru applikabbli u dan l-aħħar komplew jiġu aġġornati permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1185 (5). Fit-Taqsima 4 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012, dawk ir-regoli komuni tal-ajru jindirizzaw b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-pjanijiet tat-titjiriet, u b'hekk jieħdu post ir-referenzi preċedenti tal-Anness 2 tal-ICAO.

(3)

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 jirreferi għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Proċeduri tal-ICAO għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru — il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (PANS-ATM, id-Dok. 4444), u b'mod aktar speċifiku għall-ħmistax-il edizzjoni tiegħu tal-2007 li tinkludi l-Emenda 4. Wara l-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2013, l-ICAO emendat dak id-dokument, u l-aktar dokument riċenti jinkludi l-Emenda 6. L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 jirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Proċeduri Supplimentari Reġjonali tal-ICAO (id-Dok. 7030), u b'mod aktar speċifiku għall-ħames edizzjoni tiegħu tal-2008 li tinkludi l-Emenda 7. Wara l-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2013, l-ICAO emendat dak id-dokument, u l-aktar dokument riċenti jinkludi l-Emenda 9.

(4)

Ir-referenzi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 għall-Anness 2 tal-ICAO, għad-Dok. 8168, għad-Dok. 4444 u għad-Dok. 7030 għandhom jiġu aġġornati biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi legali internazzjonali tagħhom u biex tkun żgurata l-konsistenza mal-qafas regolatorju internazzjonali tal-ICAO.

(5)

Għaldaqstant ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 hu emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(2), il-punt (16) jinbidel b'dan li ġej:

“16.

“proċeduri taż-żona tat-terminal” tfisser it-tluq bl-istrument standard u l-wasliet bl-istrument standard kif definiti fil-Proċeduri tal-ICAO għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru — l-Operazzjonijiet tal-Inġenji tal-Ajru (PANS-OPS, id-Dok. 8168 — il-Volum 1 — il-ħames edizzjoni — tal-2006, li tinkludi kull emenda sal-Emenda 6).”;

(2)

l-Anness jinbidel bit-test mogħti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 tal-4 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar proċeduri għall-pjanijiet tat-titjiriet fil-fażi ta' qabel it-titjira għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 186, 7.7.2006, p. 46).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2013 tat-8 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1033/2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fl-Artikolu 3(1) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 929/2010 (ĠU L 127, 9.5.2013, p. 23).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1185 tal-20 ta' Lulju 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 rigward l-aġġornament u l-ikkompletar tar-regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru (SERA Parti C) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 730/2006 (ĠU L 196, 21.7.2016, p. 3).


ANNESS

“ANNESS

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)

1.

It-Taqsima 4 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (1).

2.

It-Taqsima 4.4 tal-Kapitolu 4 (Il-pjanijiet tat-titjiriet) u l-paragrafu 11.4.2.2 tal-Kapitolu 11 (Il-messaġġi dwar il-movimenti) tad-Dok. 4444 tal-PANS-ATM tal-ICAO (il-ħmistax-il edizzjoni tal-2007, li tinkludi kull emenda sal-Emenda 6).

3.

Il-Kapitolu 2 (Il-pjanijiet tat-titjiriet) u l-paragrafu 6.12.3 tal-Kapitolu 6 (L-istimi tal-konfini) tal-Proċeduri Supplimentari Reġjonali, id-Dok. 7030, il-Proċeduri Supplimentari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-ħames edizzjoni tal-2008, li tinkludi kull emenda sal-Emenda 9).


(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).”