29.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/48


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2081

tat-28 ta' Novembru 2016

li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodott minn Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fit-18 ta' April 2012, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 325/2012 (2) (“ir-Regolament ikkontestat”), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ta' bejn 14,6 % u 52,2 % wara investigazzjoni dwar antidumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (3).

(2)

Permezz tas-sentenza tal-20 ta' Mejju 2015 (4), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat, f'dak li jikkonċerna Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd, produttur esportatur kooperanti Ċiniż. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-raġunament tal-Kunsill rigward żewġ kwistjonijiet dwar l-iddeterminar tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu ma kienx jikkonforma mal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż li fih għarrfet li kienet iddeċidiet li tissokta l-investigazzjoni antidumping dwar l-aċidu ossaliku għall-finijiet tal-implimentazzjoni tas-sentenza fir-rigward ta' Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd.

B.   L-IMPLIMENTAZZJONI

1.   Dazju doganali għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu (marġni tad-dannu)

(4)

Kif iddikjarat fil-premessi (66) u (83) tar-Regolament ikkontestat, Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd kienet sostniet li l-Kummissjoni kienet naqset milli tinkludi kompletament kwota ta' 6,5 % li tikkorrispondi għad-dazju doganali normali fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu.

(5)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kien irriżultalha li l-affermazzjoni kienet iġġustifikata u kienet irrevediet il-kalkoli fir-rigward tal-marġni tad-dannu b'dan il mod: il-prezz finali medju pponderat tal-importazzjonijiet ġie kkalkulat billi mal-prezz tal-esportazzjonijiet medju pponderat CIF fil-fruntiera tal-Unjoni ta' Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd, għaż-żewġ tipi ta' aċidu ossaliku (raffinat u mhux raffinat), ġew miżjuda, l-ewwel, 6,5 % għad-dazji doganali u mbagħad, ammont fiss ta' EUR 10 għal kull tunnellata għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni.

(6)

Ir-riżultat kien tnaqqis tal-marġni tad-dannu ta' Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd ta' 18,7 %. Madankollu, kif diġà indikat fil-premessi (83) u (87) tar-Regolament ikkontestat, il-marġni tad-dannu ridott baqa' aktar mill-marġni tad-dumping stabbilit għal Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd (14,6 %), li huwa l-bażi tad-dazju antidumping impost.

2.   Marġni tal-profitt għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu (marġni tad-dannu)

(7)

Kif iddikjarat fil-premessi 142 u 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1043/2011 (5) li jimponi miżuri proviżorji f'dan il-każ partikolari, u kif ikkonfermat mir-Regolament ikkontestat, il-profitt li ntuża għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu kien ta' 8 % tal-fatturat, li kien ikkunsidrat bħala l-profitt li l-industrija tal-Unjoni setgħet raġonevolment tistenna li tagħmel taħt kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni fin-nuqqas ta' dumping dannuż. Il-kunsiderazzjonijiet għall-użu ta' din iċ-ċifra huma diskussi skont kif ġej.

(8)

Fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament ikkontestat ġie stabbilit li matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda jew f'sitwazzjoni ta' telf jew inkella tagħmel profitt tassew limitat. Dak il-livell ta' profitti ma kienx biżżejjed biex tinżamm il-produzzjoni fuq terminu medju. Barra minn hekk, matul il-perjodu kkunsidrat fl-investigazzjoni oriġinali kien hemm ammonti sinifikanti ta' importazzjonijiet, f'livelli ta' prezzijiet li bħala medja kienu anqas mill-prezzijiet li rriżulta li kienu oġġett ta' dumping fil-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali. Dawn l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi kellhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-livelli ta' profitt li fil-verità għamlet l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala profitt li l-industrija tal-Unjoni setgħet raġonevolment tistenna li tagħmel taħt kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni.

(9)

Apparti minn hekk, matul l-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni ma ġabret l-ebda data fir-rigward tal-profitt tal-industrija tal-Unjoni għal perjodu qabel il-perjodu kkunsidrat. Minħabba f'hekk, l-ebda data dwar il-profitt f'rabta mal-industrija tal-Unjoni għal perjodu eżatt qabel il-perjodu kkunsidrat, li setgħet tintuża bħala marġni ta' profitt raġonevoli għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu, ma kienet disponibbli. Wara d-divulgazzjoni, Yuanping argumentat li s-servizzi tal-Kummissjoni kien imisshom użaw informazzjoni li taqa' barra mill-perjodu kkunsidrat sabiex jagħmlu valutazzjoni kif suppost biex jistabbilixxu l-profitt fil-mira.

(10)

Din it-talba ma ntlaqgħetx. Il-Qrati tal-UE rrikonoxxew diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni fir-rigward tal-perjodu li għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-iddeterminar tad-dannu (6). Fil-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni stabbilixxiet perjodu biex tiġbor data għall-valutazzjoni tad-dannu, jiġifieri l-perjodu kkunsidrat, (l-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2010), u ma ġabritx data li ma kinitx taqa' f'dak il-perjodu. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa 23 hawn taħt, fl-ambitu ta' dan l-issoktar tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni trid tiddependi biss fuq l-informazzjoni li kienet disponibbli matul l-investigazzjoni oriġinali.

(11)

Għaldaqstant il-Kummissjoni analizzat il-profitt fil-mira propost mill-ilmentatur fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament ikkontestat. Fl-ilment, ġie propost marġni tal-profitt fil-mira ta' 10 % għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li l-marġni tal-profitt użat mill-Kunsill f'investigazzjoni preċedenti dwar l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1991 kienet 10 % (7). L-ilmentatur iġġustifika ċ-ċifra billi argumenta li tali livell ta' profittabbiltà jista' jinkiseb jekk huwa jipproduċi billi juża l-kapaċità b'mod sħiħ. Madankollu, il-marġni tal-profitt propost mill-ilmentatur ma għandux x'jaqsam mad-data reali dwar il-profitt miksub fin-nuqqas tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping taħt kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, iżda ma' sitwazzjoni teoretika ta' użu b'mod sħiħ tal-kapaċità. Ġaladarba ma ntweriex mill-ilmentatur li l-użu b'mod sħiħ li fuqu bbaża l-profitt propost fil-mira kien miksub jew seta' jinkiseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping, il-profitt fil-mira affermat ma setax jintuża għal din ir-raġuni.

(12)

F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni eżaminat il-marġni tal-profitt stabbilit f'investigazzjonijiet oħra li jikkonċernaw is-settur tal-kimika, li huma wkoll industriji intensivi fil-kapital bħall-industrija tal-aċidu ossaliku u li għandhom proċess tal-produzzjoni simili.

(13)

Fir-rigward tal-marġnijiet tal-profitt użati f'investigazzjonijiet preċedenti fis-settur tal-kimika (8) (inkluż il-marġni tal-profitt użat fl-investigazzjoni preċedenti dwar l-aċidu ossaliku) irriżulta li, bħala medja, marġni tal-profitt ta' madwar 8 % kien ġie kkunsidrat li jikkostitwixxi profitt raġonevoli li l-industrija tal-Unjoni tista' tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq fin-nuqqas ta' dumping dannuż.

(14)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat il-marġni tal-profitt użat f'investigazzjonijiet li jikkonċernaw setturi oħra li, bħas-settur tal-kimika, huma intensivi fil-kapital. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li l-marġni tal-profitt użat f'dawk l-investigazzjonijiet (9), kienu konsistenti mal-marġni medju tal-profitt ikkonstatat għas-settur tal-kimika inkluż l-aċidu ossaliku.

(15)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, u l-assenza tad-data reali dwar il-livelli ta' profittabbiltà li jistgħu jinkisbu mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni taħt kundizzjonijiet normali, u fin-nuqqas ta' dumping dannuż, il-Kummissjoni kkonstatat bħala xieraq li tistabbilixxi tali marġni raġonevoli tal-profitt fuq il-bażi tal-marġni medju tal-profitt stabbilit f'investigazzjonijiet tal-antidumping għal industriji oħra tal-kimika, u industriji oħra b'karatteristiċi simili, bħal li jkunu intensivi fil-kapital. Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li 8 % kien marġni tal-profitt li l-industrija tal-Unjoni setgħet raġonevolment tistenna li tagħmel f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping, u dan il-marġni tal-profitt jinħtieġ li għaldaqstant jintuża għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu.

C.   ID-DIVULGAZZJONI

(16)

Il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq fid-29 ta' Ġunju 2016. Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd u l-industrija tal-Unjoni ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwarhom.

(17)

Il-kummenti ġew riċevuti fl-iskadenza preskritta u ġew ikkunsidrati kif dovut. Barra minn hekk, fil-11 ta' Awwissu 2016, sar smigħ bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u Yuanping.

(18)

B'riżultat tal-kummenti riċevuti mill-partijiet interessati, saru xi bidliet fir-rigward tad-dokument tad-divulgazzjoni oriġinali tad-29 ta' Ġunju 2016. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddivulgat għal darb'oħra l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq lill-partijiet interessati fl-24 ta' Awwissu 2016.

(19)

Wara d-divulgazzjoni, Oxaquim sostniet li ma kienx ċar jekk l-affermazzjoni ta' Yuanping imsemmija fil-premessa (4) ta' hawn fuq kinitx ġustifikata kompletament jew parzjalment. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat li l-affermazzjoni kienet iggarantita kompletament. Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (5) u (6) aktar 'il fuq, il-kalkolu rrevedut imwettaq mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni oriġinali rrifletta kompletament il-kummenti li saru minn Yuanping fil-waqt tal-investigazzjoni oriġinali.

(20)

Min-naħa tagħha, Yuanping allegat li l-Kummissjoni, meta implimentat is-sentenza tal-Kunsill, wettqet analiżi post hoc sabiex tiġġustifika l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni oriġinali. Skont Yuanping dan kien ippruvat permezz tal-fatt li l-Kummissjoni serrħet fuq ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011 (10), li ġie ppubblikat wara l-valutazzjoni tal-profitt fil-mira fil-proċediment attwali. Yuanping sostniet li analiżi post hoc bħal din ma setgħetx tintuża biex tiġġustifika l-konklużjonijiet oriġinali. Din l-affermazzjoni ma kinitx korretta u ma ntlaqgħetx għar-raġunijiet segwenti.

(21)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-każijiet li fuq il-bażi tagħhom saret il-valutazzjoni tal-profitt fil-mira (li għal ftit minnhom biss saret referenza fir-Regolament), l-affermazzjoni ta' Yuanping hija fattwalment żbaljata. Il-profitt fil-mira f'dawn il-każijiet kollha, inkluż ir-Regolament imsemmi aktar 'il fuq minn Yuanping, kien ġie jew proviżorjament jew inkella definittivament stabbilit qabel ma ġie ddeterminat il-profitt fil-mira fl-investigazzjoni oriġinali.

(22)

It-tieni nett, il-Kummissjoni sabiex timplimenta s-sentenza tal-Qorti f'konformità mal-Artikolu 266 TFUE, trid tipprovdi dikjarazzjoni tar-raġunijiet f'konformità mal-Artikolu 296 TFUE, għal dawk il-konklużjonijiet li saru fl-investigazzjoni oriġinali u li fir-rigward tagħhom il-Qorti kkonstatat li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma kinitx biżżejjed. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni trid isserraħ fuq l-informazzjoni li kienet disponibbli fil-waqt tal-investigazzjoni oriġinali.

(23)

Għalhekk, il-Kummissjoni mmotivat dawk il-konklużjonijiet, pereżempju l-użu tat-8 % bħala profitt fil-mira, billi użat biss l-informazzjoni li kienet serrħet fuqha preċedentement matul l-investigazzjoni oriġinali.

(24)

Apparti dan, l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-Kummissjoni f'dan ir-Regolament diġà kienet fil-fajl tal-każ tal-investigazzjoni oriġinali u/jew kienet disponibbli pubblikament dak iż-żmien. Tali informazzjoni ġiet ipprovduta lil Yuanping għal darb'oħra fil-kuntest ta' din l-investigazzjoni, li jindika li l-Kummissjoni ma użat l-ebda evidenza ġdida fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imtejba tagħha.

(25)

Yuanping argumentat ulterjorment li proċedura amministrattiva mhijiex biżżejjed sabiex tikkoreġi l-iżbalji misjuba mill-Qorti.

(26)

Dan l-argument ma ntlaqax. Il-Qorti ma stabbilixxietx li s-sejbiet tal-Kummissjoni kienu fattwalment jew sostanzjalment żbaljati. Minflok, il-Qorti stabbilixxiet li f'ċerti istanzi, ir-Regolament ikkontestat ma kellux biżżejjed raġunament. L-għoti ta' dikjarazzjoni tar-raġunijiet imtejba f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 296 TFUE, huwa l-mezz xieraq sabiex ikun hemm konformità mas-sentenza tal-Qorti.

(27)

Fl-aħħar nett, Yuanping sostniet li ċ-ċifra użata mill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni, jiġifieri EUR 10 għal kull tunnellata, kienet baxxa wisq. Sabiex issostni din l-affermazzjoni, Yuanping provdiet evidenza lill-Kummissjoni f'għamla ta' diversi fatturi mill-2016, li fihom l-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni kienu allegatament ogħla.

(28)

Din it-talba ma ntlaqgħetx. Iċ-ċifri għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni użati mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni oriġinali kienu r-riżultat ta' informazzjoni vverifikata minn importaturi mhux relatati kooperanti. F'dan ir-rigward, Yuanping naqset milli tissostanzja għaliex jinħtieġ li l-Kummissjoni tikkalkula mill-ġdid din iċ-ċifra billi tuża data mhux ivverifikata minn perjodu li ma jaqax fil-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

(29)

Dan ir-Regolament huwa f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dazju antidumping definittiv ta' 14,6 % huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ossaliku, kemm jekk f'forma diidrata (in-numru CUS 0028635-1 u n-numru CAS 6153-56-6) jew anidra (in-numru CUS 0021238-4 u n-numru CAS 144-62-7) u kemm jekk ikunx f'soluzzjoni akwuża jew le, li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2917 11 00 (il-kodiċi TARIC 2917110091) u prodott minn Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd (il-kodiċi TARIC addizzjonali B232).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 325/2012 tat-12 ta' April 2012 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 106, 18.4.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51). Mill-20 ta' Lulju 2016: Ir-Regolament (UE) 2016/1036.

(4)  Il-Kawża T-310/12 Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1043/2011 tad-19 ta' Ottubru 2011 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta' aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1).

(6)  Epicheiriseon Metalleftikon Viomichanikon kai Naftiliaekon AE et. vs Il-Kunsill (il-Kawża C-121/86, [1989], Ġabra 3919)

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1472/91 tad-29 ta' Mejju 1991 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta' aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jġib fi tmiemu l-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina miċ-Ċekoslovakkja (ĠU L 138, 1.6.1991, p. 62) (il-premessa 45); ikkonfermat mir-Regolament definittiv: ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3434/91 tal-25 ta' Novembru 1991 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta' aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja jew mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 326, 28.11.1991, p. 6) (il-premessa 26).

(8)  Ara fost l-oħrajn, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 130/2006 tat-23 ta' Jannar 2006 li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 334M, 12.12.2008, p. 755); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1193/2008 tal-1 ta' Diċembru 2008 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazji proviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1); ir-Regolament ta' Implimentazzjoni Tat-Kunsill (UE) Nru 1138/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (ĠU L 293, 11.11.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011 tas-6 ta' Mejju 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' karta fina miksija li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, 14.5.2011, p. 1); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2093/2002 tas-26 ta' Novembru 2002 li jimponi dazju definittiv ta' antidumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ħjut tas-suf tal-filament minsuġa bil-poliester (PTY), li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 323, 28.11.2002, p. 1).

(10)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.