|
19.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 313/6 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2021
tat-2 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-aċċess fir-rigward tal-parametri referenzjarji
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 37(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jistipula l-aċċess mhux diskriminatorju għall-ikklerjar u n-negozjar bejn il-kontropartijiet ċentrali (CCPs) u ċ-ċentri tan-negozjar, inkluż l-aċċess għal-liċenzji tal-parametri referenzjarji li jintużaw sabiex jiġi determinat il-valur ta' xi strumenti finanzjarji għal skopijiet ta' negozjar u kklerjar, u informazzjoni dwar dawn il-parametri referenzjarji. Minħabba l-varjetà ta' parametri referenzjarji, l-informazzjoni li s-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar jeħtieġu għall-finijiet tal-ikklerjar jew tan-negozjar tista' tvarja skont numru ta' fatturi, inkluż l-istrument finanzjarju rilevanti li jkun qed jiġi nnegozjat jew ikklerjat u t-tip ta' parametru referenzjarju li l-istrument finanzjarju jkun jirreferi għalih. Għaldaqstant, is-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar għandhom jitħallew jitolbu aċċess għal kull informazzjoni, sakemm din tkun meħtieġa għall-finijiet ta' kklerjar jew negozjar. |
|
(2) |
Minħabba d-diversità ta' parametri referenzjarji u l-użi differenti identifikati, mhumiex xierqa approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” u livell għoli ta' armonizzazzjoni fir-rigward tal-kontenut ta' ftehimiet ta' liċenzjar. Li l-kundizzjonijiet li skonthom jingħata aċċess jiġu limitati fuq termini predeterminati u eżawrjenti jista' għalhekk ikun ta' detriment għall-partijiet kollha. |
|
(3) |
Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tkun tista' tistabbilixxi kundizzjonijiet differenti biex kategoriji differenti ta' CCPs u ċentri tan-negozjar jiksbu aċċess għall-parametru referenzjarju kkonċernat biss meta dan ikun oġġettivament ġustifikat, pereżempju f'termini tal-kwantità, l-ambitu jew il-qasam tal-użu mitlub, u jkun applikat b'mod proporzjonat. Il-kategoriji differenti u l-kriterji li jiddefinixxu d-diversi kategoriji ta' CCPs u ċentri tan-negozjar għandhom ikunu disponibbli pubblikament. |
|
(4) |
Il-mod kif jiġi vvalutat jekk parametru referenzjarju huwiex ġdid jew le jvarja minn każ għal ieħor. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha għaldaqstant turi b'liema mod dak il-parametru referenzjarju jkun ġdid, jekk dan ikun invokat bħala r-raġuni biex ma jingħatax aċċess immedjat. Kull valutazzjoni ta' parametru referenzjarju ddikjarat bħala ġdid għandha tqis kombinazzjoni ta' diversi fatturi u l-ippeżar xieraq tagħhom u ma tkunx tistrieħ fuq fattur uniku biex tivvaluta jekk il-parametru referenzjarju jkunx jissodisfa l-kriterji speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 600/2014. |
|
(5) |
Minkejja li l-valuri ta' żewġ parametri referenzjarji jistgħu jkunu kkorrelatati ħafna, b'mod speċjali fuq perjodu ta' żmien qasir, il-kompożizzjoni jew il-metodoloġija tagħhom jistgħu jkunu fundamentalment differenti. Il-korrelazzjoni fuq tul ta' żmien u x-xebħ fil-kompożizzjoni u l-metodoloġija ta' kull parametru referenzjarju għalhekk għandhom jitqiesu sabiex jiġi vvalutat jekk il-parametru referenzjarju jkunx ġdid. Meta wieħed iqis l-eterogeneità tal-parametri referenzjarji, minbarra l-fatturi stipulati f'dan ir-Regolament, persuna bid-drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tieħu wkoll kont ta' fatturi addizzjonali, filwaqt li tikkunsidra l-istandards fl-użu, li huma speċifiċi għat-tip ta' parametru referenzjarju kkonċernat. Għal parametri referenzjarji tal-komoditajiet, għandhom jiġu vvalutati fatturi oħrajn, inkluż jekk il-parametri referenzjarji rilevanti jkunux ibbażati fuq komoditajiet sottostanti differenti u postijiet differenti ta' eżekuzzjoni. |
|
(6) |
Serje ġdida ta' parametri referenzjarji huma rilaxxati fuq bażi perjodika, bħal parametri referenzjarji ta' swaps ta' inadempjenza ta' kreditu. F'dawk il-każijiet, il-parametru referenzjarju li jkun għadu kif ġie rilaxxat ikun kontinwazzjoni tas-serje preċedenti u għalhekk ma għandux jitqies bħala parametru referenzjarju ġdid. |
|
(7) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess data. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni. |
|
(9) |
L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar
1. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha, fuq talba, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kontropartijiet ċentrali (CCPs) u ċ-ċentri tan-negozjar l-informazzjoni li hi neċessarja għalihom sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta' kklerjar jew ta' negozjar, kif xieraq skont it-tip speċifiku ta' parametru referenzjarju li jintalab aċċess għalih kif ukoll skont l-istrument finanzjarju rilevanti li għandu jiġi kkummerċjalizzat jew ikklerjat.
2. CCP jew ċentru tan-negozjar għandu fit-talba tiegħu jispjega għaliex din l-informazzjoni tkun meħtieġa għall-finijiet ta' kklerjar jew negozjar.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-funzjonijiet rilevanti ta' negozjar u ta' kklerjar għandhom mill-inqas jinkludu dan li ġej:
|
(a) |
għal ċentru tan-negozjar:
|
|
(b) |
għal CCP:
|
4. Informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-flussi tal-prezzijiet u tad-dejta msemmija fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandha tinkludi mill-inqas:
|
(a) |
fluss tal-valuri tal-parametru referenzjarju; |
|
(b) |
in-notifika fil-pront ta' kull ineżattezza fil-kalkolu tal-valuri tal-parametru referenzjarju u tal-valuri korretti u aġġornati tal-parametru referenzjarju; |
|
(c) |
il-valuri storiċi tal-parametru referenzjarju meta l-persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq il-parametru referenzjarju jkollha din l-informazzjoni. |
5. Rigward il-kompożizzjoni, il-metodoloġija u l-ipprezzar, l-informazzjoni pprovduta għandha tippermetti lis-CCPs u liċ-ċentri tan-negozjar sabiex jifhmu kif jinħoloq il-valur ta' kull parametru referenzjarju, u l-metodoloġija reali użata biex jiġu kkalkulati l-valuri tal-parametri referenzjarji. Informazzjoni rilevanti rigward il-kompożizzjoni, il-metodoloġija u l-ipprezzar għandha mill-inqas tinkludi:
|
(a) |
id-definizzjonijiet tat-termini ewlenin kollha użati fir-rigward tal-parametru referenzjarju; |
|
(b) |
għaliex ġiet adottata l-metodoloġija u l-proċeduri għar-rieżami u l-approvazzjoni tagħha; |
|
(c) |
il-kriterji u l-proċeduri użati għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju, inkluża deskrizzjoni tad-dejta tal-input, il-prijorità mogħtija għal tipi differenti ta' dejta tal-input, l-użu ta' kull mudell jew metodu ta' estrapolazzjoni u kull proċedura għal tibdil fil-bilanċ tal-komponenti tal-parametru referenzjarju; |
|
(d) |
il-kontrolli u r-regoli li jirregolaw kull eżerċizzju ta' diskrezzjoni jew ġudizzju sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-użu ta' dawn id-diskrezjoni jew ġudizzju; |
|
(e) |
il-proċeduri li jirregolaw id-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju f'perjodi ta' stress, jew f'perjodi meta s-sorsi tad-dejta tat-tranżazzjonijiet jistgħu jkunu insuffiċjenti, mhux preċiżi jew mhux kredibbli u l-limitazzjonijiet potenzjali tal-parametru referenzjarju f'perjodi bħal dawn; |
|
(f) |
is-sigħat li matulhom il-parametru referenzjarju jiġi kkalkulat; |
|
(g) |
il-proċeduri li jirregolaw il-metodoloġija ta' tibdil fil-bilanċ tal-parametru referenzjarju u l-piżijiet li jirriżultaw tal-komponenti tal-parametru referenzjarju; |
|
(h) |
il-proċeduri biex jiġu indirizzati żbalji fid-dejta tal-input, jew fid-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju, inkluż meta tista' tkun meħtieġa determinazzjoni mill-ġdid tal-parametru referenzjarju; |
|
(i) |
informazzjoni dwar il-frekwenza ta' kull rieżami u approvazzjoni interni tal-kompożizzjoni u l-metodoloġija u, fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-proċeduri u l-frekwenza ta' rieżami estern tal-kompożizzjoni u l-metodoloġija. |
Artikolu 2
Kundizzjonijiet ġenerali għall-informazzjoni permezz ta' liċenzjar li għandha tiġi pprovduta lis-CCPs u liċ-ċentri tan-negozjar
1. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 1 mitluba mis-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar permezz tal-liċenzjar mingħajr dewmien żejjed, jew fuq bażi ta' darba, inklużi emendi għal informazzjoni mogħtija qabel, jew fuq bażi kontinwa jew perjodika, skont it-tip ta' informazzjoni kkonċernata.
2. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 1 lis-CCPs u liċ-ċentri ta' negozjar kollha permezz ta' liċenzjar fuq l-istess skali taż-żmien u bl-istess kundizzjonijiet, sakemm ma jkunux jistgħu jiġu ġġustifikati b'mod oġġettiv kundizzjonijiet differenti.
3. Ir-rekwiżiti fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx jekk u sakemm persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju tkun tista' turi li ċerta informazzjoni hija disponibbli pubblikament jew b'mezzi oħra kummerċjali għas-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar, jekk tali informazzjoni tkun affidabbli u f'waqtha.
Artikolu 3
Differenzjazzjoni u non-diskriminazzjoni
1. Meta persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju tistabbilixxi, skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, kundizzjonijiet differenti, inklużi t-tariffi u l-kundizzjonijiet tal-ħlas tagħhom, dawk il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw b'mod speċifiku għal kull kategorija tad-detenturi tal-liċenzji.
2. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tistabbilixxi l-istess drittijiet u obbligi għad-detenturi tal-liċenzji fl-istess kategorija.
3. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tagħmel il-kriterji li jiddefinixxu l-kategoriji differenti ta' detenturi tal-liċenzja disponibbli pubblikament.
4. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha, fuq talba, tipprovdi b'xejn lil kull CCP jew ċentru tan-negozjar il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-kategorija li għaliha jappartjenu din is-CCP jew ċentru tan-negozjar.
5. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tad-detenturi kollha tal-liċenzja fl-istess kategorija kull żieda jew modifika tal-kundizzjonijiet għal ftehimiet ta' liċenzjar maqbula ma' detentur tal-liċenzja, f'dik il-kategorija bl-istess kundizzjonijiet.
Artikolu 4
Kundizzjonijiet oħra li bihom jingħata l-aċċess
1. Persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal ftehimiet ta' liċenzjar u tagħmilhom disponibbli għas-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar fuq talba mingħajr ħlas. L-applikazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:
|
(a) |
l-ambitu tal-użu u l-kontenut tal-informazzjoni għal kull użu skont il-ftehimiet ta' liċenzjar, fejn tiġi identifikata b'mod ċar f'kull każ l-informazzjoni kunfidenzjali; |
|
(b) |
il-kundizzjonijiet għar-ridistribuzzjoni, jekk tkun permessa, ta' informazzjoni minn CCPs u ċentri tan-negozjar; |
|
(c) |
ir-rekwiżiti tekniċi għall-forniment tas-servizz; |
|
(d) |
it-tariffi u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom; |
|
(e) |
il-kundizzjonijiet biex il-ftehim jiskadi fejn jitqies it-tul tal-ħajja tal-istrumenti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju; |
|
(f) |
iċ-ċirkostanzi ta' kontinġenza u l-miżuri rilevanti li jirregolaw it-tkomplija, il-perjodi ta' tranżizzjoni u l-interruzzjoni tas-servizz matul perjodu ta' kontinġenza, li:
|
|
(g) |
il-liġi applikabbli u l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet. |
2. Il-ftehim ta' liċenzjar għandu jirrikjedi lis-CCPs, liċ-ċentri tan-negozjar u lill-persuni bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju sabiex jistabbilixxu politiki, proċeduri u sistemi adegwati sabiex jiżguraw dan li ġej:
|
(a) |
implimentazzjoni tas-servizz mingħajr dewmien żejjed skont skeda miftiehma minn qabel; |
|
(b) |
aġġornar tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-partijiet tul il-perjodu tal-arranġament tal-aċċess, inkluża informazzjoni li jista' jkollha impatt fuq ir-reputazzjoni; |
|
(c) |
kanal ta' komunikazzjoni bejn il-partijiet li jkun tempestiv, affidabbli u sikur matul il-ħajja tal-kuntratt tal-liċenzja; |
|
(d) |
konsultazzjoni fejn xi bidla fl-operazzjonijiet ta' xi waħda mill-entitajiet x'aktarx ikollha impatt materjali fuq il-ftehim ta' liċenzjar jew fuq ir-riskji li l-entità l-oħra tkun esposta għalihom u notifika fi żmien perjodu raġonevoli ta' avviż qabel l-implimentazzjoni ta' kull bidla għall-operazzjoni ta' xi waħda mill-entitajiet; |
|
(e) |
il-forniment tal-informazzjoni u l-istruzzjonijiet rilevanti biex din tiġi trażmessa u użata permezz tal-mezzi tekniċi miftiehma; |
|
(f) |
l-għoti ta' informazzjoni aġġornata lil persuni bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju dwar ir-ridistribuzzjoni, jekk tkun permessa, ta' informazzjoni lill-membri tal-ikklerjar ta' CCPs u lill-membri jew il-parteċipanti ta' ċentri tan-negozjar; |
|
(g) |
is-soluzzjoni tat-tilwim u t-terminazzjoni tal-ftehim iseħħu b'mod ordnat skont iċ-ċirkostanzi identifikati. |
Artikolu 5
Standards li jiggwidaw kif parametru referenzjarju jista' jiġi ppruvat li jkun ġdid
1. Meta tkun qed tistabbilixxi jekk parametru referenzjarju ġdid ikunx jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tqis l-istandards li ġejjin:
|
(a) |
li CCP ma tkunx tista' tpaċi jew sostanzjalment tinnewtralizza kuntratti bbażati fuq l-aktar parametru referenzjarju riċenti b'kuntratti bbażati fuq il-parametru referenzjarju eżistenti rilevanti; |
|
(b) |
li r-reġjuni u s-setturi tal-industrija koperti mill-parametri referenzjarji rilevanti ma jkunu la identiċi u lanqas simili; |
|
(c) |
li l-valuri tal-parametri referenzjarji rilevanti ma jkunux korrelatati ħafna; |
|
(d) |
li l-kompożizzjoni tal-parametri referenzjarji rilevanti, fir-rigward tan-numru ta' komponenti, il-komponenti attwali tagħhom, il-valuri u l-ippeżar tagħhom ma jkunu la identiċi u lanqas simili; |
|
(e) |
li l-metodoloġiji ta' kull parametru referenzjarju rilevanti ma jkunu la identiċi u lanqas simili. |
2. Għall-parametri referenzjarji tal-komoditajiet, minbarra l-istandards speċifikati fil-paragrafu 1, għandhom jiġu kkunsidrati l-istandards addizzjonali li ġejjin:
|
(a) |
li l-parametri referenzjarji rilevanti ma jkunux ibbażati fuq l-istess komoditajiet sottostanti; |
|
(b) |
li l-postijiet tal-kunsinna tal-komoditajiet sottostanti ma jkunux l-istess. |
3. Flimkien mal-istandards speċifikati fil-paragrafi 1 u 2, persuna bi drittijiet ta' proprjetà fuq parametru referenzjarju għandha tqis standards ulterjuri fl-użu speċifiċi għat-tipi ta' parametri referenzjarji li jkunu qed jiġu vvalutati, kif xieraq.
4. Serje li għadha kemm ħarġet ta' parametru referenzjarju ma tikkostitwixxix parametru referenzjarju ġdid.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mid-data msemmija fir-raba' paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).