17.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2005

tas-16 ta' Novembru 2016

li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-18 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fetħet investigazzjoni antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mill-Korea t'Isfel (“il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2). Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-4 ta' Jannar 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta Termali (ETPA) (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerta karta termali ħafifa. L-ilment kien jinkludi evidenza ta' dumping u ta' ħsara materjali li tirriżulta minnu li kienet suffiċjenti biżżejjed biex tiġġustifika li tinbeda l-investigazzjoni.

1.2.   Il-partijiet interessati

(3)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet biex jagħmlu kuntatt magħha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet Koreani, lill-importaturi magħrufa, lill-utenti u lill-kummerċjanti dwar il-bidu ta' investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(4)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu għal seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali (“l-Uffiċjal tas-Seduta”).

(5)

Saru żewġ seduti mal-Uffiċjal tas-Seduta fuq talba tal-grupp Hansol, li jappartjenu għalih iż-żewġ produtturi esportaturi relatati li kkooperaw. Matul l-ewwel seduta ta' Marzu 2016, il-partijiet talbu li jkunu eżentati milli jwieġbu għall-kwestjonarju għal diversi konvertituri relatati. Wara s-seduta u żjara ta' verifika lil wieħed mill-konvertituri relatati biex jiġu aċċertati l-argumenti li jirfdu t-talba għal eżenzjoni, il-Kummissjoni dehrilha li l-kwestjonarju kellu jimtela minn wieħed mill-konvertituri relatati u ingħatat eżenzjoni lit-tliet konvertituri relatati l-oħra. Fit-tieni seduta ta' Settembru 2016, iż-żewġ produtturi esportaturi li kienu qed jikkooperaw, għadd ta' importaturi u utenti mhux relatati, u rappreżentanti tal-gvern Korean indikaw għadd ta' asserzjonijiet rigward id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-ilement, il-ħsara, ir-rabta ta' kawżalità u l-interess tal-Unjoni.

(a)   Kampjunar

(6)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kellha mnejn tagħmel kampjunar tal-partijiet interessati b'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(7)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni stqarret li kienet għażlet b'mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-bejgħ filwaqt li żgurat firxa ġeografika. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni f'żewġ Stati Membri differenti. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kienu jirrappreżentaw bejn 75 % u 95 % (4) tal-volumi tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni tal-kumpaniji li ppreżentaw ruħhom fl-eżerċizzju permanenti u tal-volum tal-bejgħ totali stmat lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. L-ebda parti ma kkummentat dwar il-kampjun provviżorju, għaldaqstant il-kampjun provviżorju ġie kkonfermat. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

Kampjunar tal-importaturi

(8)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-notifika ta' bidu.

(9)

Konvertitur mhux relatat b'attivitajiet ta' importazzjoni pprovda l-informazzjoni mitluba u qabel li jiġi inkluż fil-kampjun. Fid-dawl tal-għadd baxx ta' tweġibiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ. Ma sar l-ebda kumment.

(b)   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ produtturi esportaturi mhux relatati, jiġifieri Hansol Paper Co., Ltd (“Hansol Paper”) u Hansol Artone Paper Co., Ltd (“Artone”), li t-tnejn jappartjenu għall-grupp Hansol kif ukoll lill-kummerċjant relatat tagħhom Hansol Europe B.V. (“Hansol Europe”) u l-konvertitur relatat Schades Ltd (“Schades”). Intbagħtu wkoll kwestjonarji lit-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, u lil madwar 50 parti (26 utent, 21 intermedjarju, żewġ assoċjazzjonijiet u importatur mhux relatat) li kienu esprimew interess fl-investigazzjoni.

(11)

Waslu t-tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand iż-żewġ produtturi esportaturi u l-kummerċjant relatat tagħhom, il-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, disa' konvertituri mhux relatati, żewġ kummerċjanti f'livelli differenti, konvertitur mhux relatat b'attivitajiet ta' importazzjoni u assoċjazzjoni waħda. Barra minn hekk, ħdax-il parti wieġbu permezz ta' sottomissjonijiet f'format ħieles.

(c)   Żjarat ta' verifika

(12)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha neċessarja għal determinazzjoni provviżorja ta' dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Il-produtturi tal-Unjoni:

Lecta Group/Torraspapel SA, Barċellona, Spanja

Mitsubishi HiTec Paper Europe GmbH, Bielefeld, il-Ġermanja

Papierfabrik August Koehler SE, Oberkirch, il-Ġermanja

Importatur/Utent:

Papiery Powlekane “PASACO” sp. z o.o., Solec Kujawski, il-Polonja

Produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea:

Hansol Group (Hansol Paper and Artone), Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Produtturi esportaturi tal-grupp Hansol relatati ma' kummerċjant:

Hansol Europe, Hoofddorp, in-Netherlands

Konvertitur relatat ma' produtturi esportaturi tal-grupp Hansol:

Schades, Ripley, ir-Renju Unit

(d)   Preżentazzjoni tad-data

(13)

Minħabba n-numru limitat ta' partijiet li ppreżentaw xi data, uħud miċ-ċifri ppreżentati hawn taħt huma fil-forma ta' meded.

1.3.   Il-perjodu ta' investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(14)

L-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet relevanti għall-ivvalutar tal-sara kien ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa karta termali ħafifa (LWTP — Light Weight Thermal Paper) li tiżen 65 gr/m2 jew inqas; f'rombli ta' wisgħa ta' 20 ċm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 40 ċm jew aktar (“rombli jumbo”); b'kisja ta' taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b'sustanza termosensittiva (jiġifieri taħlita ta' (jiġifieri taħlita taż-żebgħa u l-iżviluppatur li jirreaġixxu u jifformaw immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b'kisja ta' fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li bħalissa taqa' fil-kodiċijiet tan-NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (“il-prodott ikkonċernat”).

(16)

LWTP tista' tiġi prodotta b'diversi tipi ta' żviluppaturi: bi żviluppaturi li fihom il-bisfenol A u l-bisfenol S (LWTP li fih il-fenol), jew bi żviluppaturi li la fihom ebda fenol (LWTP ħielsa mill-fenol) Din l-investigazzjoni tikkonċerna ż-żewġ tipi ta' LWTP.

(17)

Karta termali ħafifa tintuża fl-applikazzjonijiet tal-punt tal-bejgħ (point of sale — POS) bħar-riċevuti li jagħtu l-ħwienet.

2.2.   Prodott simili

(18)

L-investigazzjoni uriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat;

il-prodott maħdum u mibjugħ fis-suq domestiku tar-Repubblika tal-Korea; kif ukoll

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(19)

Il-Kummissjoni ddeċidiet f'dan l-istadju li dawk il-prodotti għaldaqstant huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Talbiet rigward l-ambitu tal-prodott

(20)

Il-produttur esportatur li kkoopera talab l-esklużjoni tal-LWTP ħielsa mill-fenol mill-iskop mill-ambitu tal-prodott fuq il-bażi li l-LWTP ħielsa mill-fenol la hija maħduma u lanqas esportata mir-Repubblika tal-Korea u li hija differenti mil-LWTP li fiha l-fenol, minħabba l-istruttura kimika, il-perċezzjoni tal-konsumaturi, il-proċessi tal-produzzjoni, l-utenti aħħarin u l-prezz tas-suq. L-istess parti talbet ukoll l-esklużjoni tal-LWTP li jiżen inqas minn 44 gr/m2.

(21)

F'dan ir-rigward, l-investigazzjoni uriet li hemm diversi tipi ta' LWTP — inklużi dawk bil-fenol jew mingħajru u dawk inqas minn 44 gr/m2 — u li kollha jiffurmaw prodott wieħed, minħabba li kollha għandhom karatteristiċi bażiċi simili, proċessi ta' produzzjoni simili, utenti aħħarin identiċi u huma interkambjabbli mill-perspettiva tal-utenti u tal-konsumaturi. Tabilħaqq, l-investigazzjoni uriet li t-tipi tal-prodotti kollha jikkonsistu f'karta bażi b'kisja sensittiva għas-sħana u li essenzjalment il-prodotti kollha huma r-riżultat ta' proċessi simili. Barra minn hekk, it-tipi kollha ta' LWTP għandhom proprjetajiet simili u jintużaw għall-istampar b'karta termali. Għalhekk, mill-perspettiva tal-utent u tal-konsumatur, kollha għandhom riżultati aħħarin simili.

(22)

Aktar minn dan, wieħed għandu jinnota li t-talba għall-esklużjoni tal-LWTP li tiżen inqas minn 44 gr/m2 kienet fi kwalunkwe każ mhux sustanzjata mill-evidenza.

(23)

Minkejja li l-produttur esportatur iddikjara li jista' jkun hemm perċezzjoni differenti bejn l-LWTP li jinkludi l-fenol jew le, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenta sostanzjata biex tiġġustifika dik it-talba u l-investigazzjoni kkonfermat li l-maġġoranza kbira tal-konsumaturi mhux konxja mill-għamla partikolari tal-LWTP u għaldaqstant ma jagħmlux differenza bejn LWTP li fija l-fenol u dik li ma fihiex. Barra minn hekk, il-prezzijiet tas-suq ma jvarjawx ħafna bejn l-LWTP li fiha l-fenol u dik li ma fihiex. Għalhekk, hija kkonkludiet proviżjonalment li t-tipi kollha tal-LWTP jikkompetu ma' xulxin, minkejja b'xi varjazzjoni fil-prezz. Il-kompetizzjoni fil-prezz fost it-tipi ta' prodotti hija żviluppata aktar fit-taqsima 5.2.4.

(24)

Għar-raġunijiet ta' hawn fuq, il-prodotti li jiżnu inqas minn 44 gr/m2 u l-LWTP ħielsa mill-fenol ma jistgħux jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott simili f'dan l-istadju. Għalhekk iż-żewġ talbiet ma ntlaqgħux.

3.   DUMPING

3.1.   Kumment preliminari

(25)

Fil-perjodu ta' investigazzjoni, il-grupp Hansol biegħ 15–25 % tal-volum ta' bejgħ totali tal-prodott ikkonċernat tiegħu tal-Unjoni jew direttament lil partijiet mhux relatati jew indirettament għal bejgħ mill-ġdid permezz ta' partijiet relatati; il-parti l-kbira tal-bejgħ tal-Unjoni (bejn 75 % u 85 %) kienet bejgħ lil partijiet relatati biex jiġi kkonvertit f'rombli żgħar. Il-meded jingħataw għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità. Sabiex isir kalkolu rappreżentattiv tad-dumping, iż-żewġ kanali tal-bejgħ ġew inklużi f'dak il-kalkolu u ingħataw il-piż xieraq.

3.2.   Valur normali

(26)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku għall-produtturi esportaturi li kkooperaw kienx rappreżentattiv, b'konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur li jesporta jkun mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali mill-produtturi esportaturi tal-prodott simili fis-suq dometstiku kienu rappreżentattivi.

(27)

Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat it-tipi tal-prodott mibjugħa domestikament li kienu identiċi jew jixbħu sew lit-tipi tal-prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Unjoni għall-produtturi esportaturi mal-bejgħ domestiku rappreżentattiv.

(28)

Il-Kummissjoni imbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku mill-produtturi esportaturi fis-suq domestiku tagħha għal kull tip ta' prodott li huwa identiku jew komparabbli mat-tip ta' prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni kienx rappreżentattiv, b'konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta' dak it-tip ta' prodott lil konsumaturi indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni tal-prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li tliet prodotti inbiegħu f'volumi inqas minn 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Dawn it-tipi ta' prodotti ġew ikkunsidrati li huma tipi ta' prodotti komparabbli ma' dawk mibjugħa fis-suq domestiku, bl-unika differenza fil-piż tal-karta u f'każ wieħed, it-tip ta' fenol użat. Għal dawn it-tipi ta' prodotti, il-valur normal ġie kkostruwit.

(29)

Il-Kummissjoni imbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall kalkolu tal-valur normali, b'konformità mal-Artikoli 2(4) tar-Regolament bażiku.

(30)

Il-valur normali huwa bbażat fu il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ kien profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew aktar mill-kost ikkalkulat tal-produzzjoni, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta' dan it-tip ta' prodott; kif ukoll

(b)

il-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta' dak it-tip ta' prodott huwa daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni ta' unità.

(31)

F'dan il-każ, il-valur normali huwa medju ponderat tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollha ta' dak it-tip ta' prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(32)

Il-valur normali huwa l-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tipi ta' prodotti matul il-perjodu ta' investigazzjoni, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ profittabbli tat-tip ta' prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum tal-bejgħ totali ta' dan it-tip: jew

(b)

il-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta' dak it-tip ta' prodott huwa inqas mill-kost tal-produzzjoni ta' unità.

(33)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku uriet li l-parti l-kbira tal-bejgħ domestiku kien profittabbli u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali kien ikkalkulat bħala medju ponderat tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(34)

Għal dawk it-tip ta' prodotti li ma kellhom ebda bejgħ jew li kellhom bejgħ insuffiċjenti tal-prodott simili fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni kkostruwiet il-valur normali b'konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(35)

Il-valur normali ġie kkostruwit billi ingħadd dan li ġej mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produtturi esportaturi matul il-perjodu ta' investigazzjoni:

(a)

il-bejgħ medju ponderat, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi ('SG&A) li għamlu l-produtturi esportaturi li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament kummerċjali normali tagħhom, matul il-perjodu ta' investigazzjoni; kif ukoll

(b)

il-profitt medju ponderat li għamlu l-produtturi esportaturi li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament kummerċjali normali tagħhom, matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(36)

Għat-tipi ta' prodotti li ma nbigħux fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, ingħaddu l-ispejjeż u l-profitt medji tal-SG&A tat-tranżazzjonijiet li saru fl-andament normali kummerċjali fis-suq domestiku għal dawk it-tipi. Għat-tipi ta' prodotti li ma nbiegħu xejn fis-suq domestiku, ingħaddu l-ispejjeż u l-profitt medji tal-SG&A tat-tranżazzjonijiet kollha li saru fl-andament normali kummerċjali fis-suq domestiku.

3.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(37)

Kif spjegat fil-premessa 25, il-bejgħ tal-Unjoni tal-grupp Hansol matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien jikkonsisti f'rombli jumbo mibjugħa lil partijiet relatati għal bejgħ mill-ġdid, iżda l-maġġoranza kbira tal-bejgħ lill-Unjoni kienet il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lil kumpaniji relatati għall konverżjoni f'rombli żgħar li sussegwentement inbiegħu mill-ġdid lil konsumaturi mhux relatati.

(38)

Rigward il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat dirett lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jiġi mħallas għall-prodott ikkonċernat meta jkun mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, b'konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(39)

Għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta' kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importatur/kummerċjant u/jew bħala konvertitur, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat jew importat u kkonvertit kien mibjugħ mill-ġdid għall-ewwel darba lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, b'konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-prezz tal-bejgħ tal-parti relatata lil konsumaturi mhux relatati ġie aġġustat lura għal prezz tal-fabbrika billi tnaqqas l-SG&A tal-parti relatata, ammont raġonevoli tal-profitt u tal-allowances oħra kull meta applikabbli. Jekk il-bejgħ kien jikkonċerna rombli żgħir, il-kostijiet tal-konverżjoni rrappurtati u vverifikati tnaqqsu mis-somma.

(40)

Rigward il-marġini tal-profitt użat, skont il-każistika stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma użatx il-marġini tal-profitt tal-kumpaniji relatati minħabba li dawn mhumiex ikkunsidrati affidabbli. Importatur mhux relatat ikkoopera iżda il-profittabbiltà tiegħu kienet kunfidenzjali u ma tistax tiġi żvelata. Għalhekk, fin-nuqqas ta' kull informazzjoni oħra, intuża marġini ta' profitt raġonevoli li kien intuża fi proċediment preċedenti rigward prodott ieħor ta' karta (karta fina miksija) maħdum minn industrija simili (5). Minħabba li ż-żewġ prodotti u industriji huma simili ħafna (it-tnejn huma industriji intensivi fil-kapital u barra minn hekk xi produtturi tal-LWTP jipproduċu wkoll karta fina miksija), dan il-metodu biex jiġi ddeterminat marġini ta' profitt raġonevoli instab li kien raġonevoli. Il-marġini tal-profitt użat, fin-nuqqas ta' kull informazzjoni oħra disponibbli, huwa ta' 4,5 %.

3.4.   Tqabbil

(41)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.

(42)

Meta kienet iġġustifikata bil-ħtieġa ta' tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezz, b'konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(43)

Minħabba li l-oriġini tar-rombli jumbo użati għall-produzzjoni u l-bejgħ tar-rombli żgħar ma kinitx traċċabbli, il-prezz tal-esportazzjoni tar-rombli jumbo mibjugħa lill-partijiet relatati biex jiġu kkonvertiti f'rombli żgħar ġie mqabbel ma' valur normali stabbilit f'livell aggregat, jiġifieri għal kull tip ta' prodott, ibbażat fuq prezz tal-bejgħ u kost tal-produzzjoni domestiku medju kemm għal Hansol Paper kif ukoll għal Artone.

(44)

Il-marġini tad-dumping għall -prezzijiet tal-esportazzjoni għall-bejgħ dirett tar-rombli jumbo lil partijiet mhux relatati u l-bejgħ tar-rombli jumbo permezz ta' partijiet relatati ġie stabbilit billi tqabbel il-prezz ta' esportazzjoni ta' Hansol Paper għal kull tip ta' prodott mal-valur normali ta' Hansol Paper għal kull tip ta' prodott u l-prezz ta' esportazzjoni ta' Artone għal kull tip ta' prodott mal-valur normali ta' Artone għal kull tip ta' prodott.

3.5.   Il-marġini tad-dumping

(45)

Għalhekk il-marġini tad-dumping ikkalkulat huwa ta' 10 %–15 % tal-bejgħ tar-rombli jumbo li sussegwentement jiġu kkonvertiti f'rombli żgħar għall-bejgħ lil partijiet mhux relatati u 0,5–5 % għall-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet mhux relatati u lil partijiet relatati.

(46)

Kif ġie spjegat fil-premessa 25, 15 %–25 % tal-esportazzjonijiet tal-grupp Hansol lejn l-Unjoni kienu bejgħ (dirett jew indirett) ta' rombli jumbo matul il-perjodu ta' investigazzjoni, filwaqt li l-bejgħ rimanenti kien bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati li ġew ikkonvertiti jew mibjugħa mill-ġdid bħala rombli żgħar. Il-marġini tad-dumping ta' hawn fuq ġew ponderati skont dan. Dan sar billi ġie applikat il-proporzjon tal-bejgħ tar-rombli jumbo għal bejgħ dirett jew indirett lil partijiet mhux relatati (jiġifieri 15 %–25 %) mal-marġini tad-dumping ikkalkulat għar-rombli jumbo (0,5 %–5 %) u billi ġie applikat il-proporzjon tal-bejgħ tar-rombli jumbo lil partijiet relatati għall-konveżjoni f'rombli żgħar u l-bejgħ sussegwenti tagħhom lil partijiet mhux relatati (jiġifieri 75 %–85 %) mal-marġini tad-dumping ikkalkulat għar-rombli jumbo ikkonvertiti f'rombli żgħar (10 %–15 %).

(47)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat għal kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, b'konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(48)

Fuq din il-bażi, il-marġini tad-dumping medju ponderati provviżorji espressi bħala perċentwal tal-prezz fil-fruntiera CIF tal-Unjoni, ħieles mid-dazju, huma kif ġej:

Il-kumpanija

Il-marġini provviżorju tad-dumping

Hansol group (Hansol Paper Co., Ltd u Hansol Artone Paper Co., Ltd) (%)

12,1

Il-kumpaniji l-oħra kollha (%)

12,1

(49)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fir-Repubblika tal-Korea, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġini tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta' kooperazzjoni huwa l-volum ta' esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-volum totali ta' esportazzjoni — kif irrapportat fl-istatistika tal-importazzjonijiet tal-Eurostat — mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(50)

Il-livell tal-kooperazzjoni f'dan il-każ huwa għoli minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu l-esportazzjonijiet kollha lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-marġini residwu tad-dumping fil-livell tal-kumpanija li kkooperat.

4.   DANNU

4.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(51)

Il-prodott simili kien immanifatturat minn ħames produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(52)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni kienet stabbilita għal madwar 372 645 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tat-tweġiba għall-kwestjonarju li ppreżenta l-ilmentatur, u vverifikata mat-tweġibiet tal-kwestjonarju individwali tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Kif indikat fil-premessa 7, tliet produtturi tal-Unjoni intgħażlu fil-kampjun li jirrappreżentaw bejn 75 u 95 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(53)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-bejgħ lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni (sors: it-tweġiba għall-kwestjonarju li ppreżenta l-ilmentatur u tweġibiet individwali vverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun), l-istimi tal-ilmentatur tal-importazzjonijiet tal-LWTP mill-Istati Uniti tal-Amerika (USA) u mir-Repubblika tal-poplu taċ-Ċina (RPĊ) u l-bejgħ fl-Unjoni tal-produttur esportatur (sors: il-kwestjonarju dwar id-dumping).

(54)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Konsum totali tal-Unjoni

163 000 - 168 000

178 000 - 183 000

178 000 - 183 000

189 000 - 194 000

Indiċi

100

109

108

115

Sors: kwestjonarji dwar id-dumping u d-dannu.

(55)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-konsum tal-Unjoni żdied bi 15 %, l-aktar fil-perjodu 2012–2013 u mbagħad fil-perjodu 2014–2015.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(56)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tat-tweġiba għall-kwestjonarju li ssottometta l-produttur esportatur. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tal-konsum tal-Unjoni (ara l-premessa 53).

(57)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Il-volum tal-importazzjoni (tunnellati) u s-sehem mis-suq

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Volum ta' importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (tunnellati)

1 000 - 2 000

12 000 – 17 000

19 000 – 25 000

23 000 – 28 000

Indiċi

100

1 268

1 949

2 279

Is-sehem mis-suq (%)

0,7

8,0

12,4

13,6

Indiċi

100

1 169

1 801

1 975

Sors: kwestjonarji dwar dumping u ħsara.

(58)

Fl-2015 l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea kienu 22,8 darba akbar minn dawk tal-2012. Is-sehem tagħhom mis-suq żdied minn 0,7 % fl-2012 għal 13,6 % fil-perjodu ta' investigazzjoni.

4.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

(59)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tat-tweġiba għall-kwestjonarju li ssottometta l-produttur esportatur.

(60)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellati)

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Prezz medju tal-importazzjonijiet Koreani

1 400 -1 500

1 450 – 1 550

1 300 – 1 400

1 200 – 1 300

Indiċi

100

103

92

85

Sors: kwestjonarju dwar id-dumping.

(61)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat naqas ġeneralment bi 15 %. Huwa nnutat li l-prezz fl-2012 huwa bbażat fuq livell baxx ħafna ta' importazzjonijiet. Hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn iż-żieda fl-ishma mis-suq u t-tnaqqis fil-prezz.

(62)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta' investigazzjoni billi qabblet:

(a)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun li ħallsu l-konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-prezz tal-fabbrika; u

(b)

l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' prodott tal-importazzjonijiet mill-produttur li kkooperat lill-ewwel konsumatur indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq il-bażi ta' Kost, Assigurazzjoni, Freight (CIF), b'aġġustamenti xierqa għal kosti ta' wara l-importazzjoni.

(63)

B'konformità mal-metodoloġija spjegata fil-premessa 25, il-Kummissjoni qieset il-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat jew direttament lil partijiet mhux relatati u l-bejgħ lil partijiet relatati fl-Unjoni iddestinat għall-konverżjoni f'rombli żgħar.

(64)

It-tqabbil tal-prezz sar fuq bażi ta' tip ma' tip. Fejn kien meħtieġ it-tranżazzjonijiet ġew dovutament aġġustati. Tnaqqsu r-roħs u l-iskontar. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-industrija tal-Unjoni fil-kampjun matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan wera marġini ta' tnaqqis medju ponderat ta' 8,1 % mill-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. Instab li madwar 84 % tal-volumi tal-importazzjoni kienu qed iroħħsu l-prezz.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(65)

B'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt li għandhom l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(66)

Għad-determinazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni ddistingwiet bejn l-indikaturi tal-ħsara makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi ta' data inkluża fit-tweġiba tal-kwestjonarju u sottomissjonijiet sussegwenti mill-ilmentatur. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi ta' data inkluża fit-tweġiba tal-kwestjonarju u sottomissjonijiet sussegwenti mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Irriżulta li ż-żewġ settijiet ta' dejta jirrappreżentaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(67)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività u l-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat.

(68)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta' kull unità, il-kost ta' kull unità, il-kosti lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(69)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati)

376 150

344 525

349 601

372 645

Indiċi

100

92

93

99

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

393 333

404 080

401 142

402 997

Indiċi

100

103

102

102

Użu tal-kapaċità (%)

96

85

87

92

Indiċi

100

89

91

97

Sors: kwestjonarji u informazzjoni dwar il-ħsara ppreżentati mill-ilmentatur

(70)

Il-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat hija impriża b'kost fiss għoli. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'wieħed fil-mija. Wieħed josserva tnaqqis fil-livell tal-produzzjoni fl-2013 u fl-2014, meta produttur tal-Unjoni fil-kampjun għadda minn ċerti diffikultajiet.

(71)

Kollox ma' kollox il-kapaċità tal-produzzjoni kienet relattivament stabbli. Iċ-ċifra fl-2012 kienet baxxa b'mod anormali u tirrifletti l-fatt li produttur wieħed tal-Unjoni waqqaf il-produzzjoni ta' dan il-prodott għal ċertu żmien minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. Dan il-produttur opera b'mod normali fl-2013. Wieħed jinnota wkoll li produttur ieħor tal-Unjoni, l-iċken wieħed, ilu gradwalment inaqqas il-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(72)

It-tnaqqis ġenerali tar-rata tal-użu tal-kapaċità huwa marbut mat-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni. Kif spjegat fil-premessa 125 hawn taħt, ir-rata għolja tal-kapaċità tal-użu li tidher fit-Tabella 4 ma tfissirx li l-industrija ma tistax tipproduċi aktar.

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(73)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw hekk matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

159 000 –164 000

160 000 –165 000

153 000 – 158 000

160 000 –165 000

Indiċi

100

101

97

101

Is-sehem mis-suq (%)

96,9

90,3

86,7

85,1

Indiċi

100

94

90

88

Sors: kwestjonarji u informazzjoni dwar il-ħsara ppreżentati mill-ilmentatur.

(74)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b'1 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(75)

Matul il-perjodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 96,9 % għal 85,1 % peress li ma setgħetx tibbenefika miż-żieda fil-konsum. Sabiex iżżomm il-livelli tal-bejgħ tagħha u tevita tnaqqis tant ieħor aktar qawwi tas-sehem tagħha mis-suq, l-industrija tal-Unjoni ġiet imġiegħla tbaxxi l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha minħabba pressjoni kontinwa fuq il-prezz li għamlu l-importazzjonijiet ikkonċernati.

4.4.2.3.   Tkabbir

(76)

Il-konsum tal-Unjoni żdied bi 15 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni staġna. Għaldaqstant l-industrija tal-Unjoni tilfet mis-sehem mis-suq, bil-kuntrarju għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, li s-sehem tiegħu mis-suq żdied matul il-perjodu kkunsidrat u assorbixxa ż-żieda kollha fil-konsum.

4.4.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(77)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 6

Impjiegi u produttività

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Għadd ta' impjegati

851

784

797

842

Indiċi

100

92

94

99

Produttività (unità/impjegat)

442

439

439

443

Indiċi

100

99

99

100

Sors: kwestjonarji u informazzjoni dwar il-ħsara ppreżentati mill-ilmentatur.

(78)

Il-livell tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni ma nbidilx ħafna fil-perjodu kkunsidrat. Il-livell tal-impjiegi jsegwi mill-qrib il-produzzjoni. L-industrija tal-Unjoni ppruvat iżżomm l-impjiegi minkejja l-profittabbiltà dejjem tonqos.

(79)

Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala output għal kull persuna impjegata kull sena, ma varjatx ħafna. Il-proċess tal-produzzjoni kien diġà ottimizzat għal livell sinifikanti.

4.4.2.5.   Il-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru mid-dumping passat

(80)

Il-marġini tad-dumping kien ferm ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tal-marġini attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni ma kinitx negliġibbli, meta wieħed iqis il-volum dejjem jiżdied u l-prezzijiet dejjem jonqsu tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

(81)

Din hi l-ewwel investigazzjoni antidumping dwar il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ma kienx hemm dejta disponibbli biex jiġu vvalutati l-effetti ta' dumping possibbli fil-passat.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li għandhom impatt fuq li-prezzijiet

(82)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta' unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Prezz tal-bejgħ medju għal kull unità fl-Unjoni fis-suq (EUR/tunnellati)

1 316

1 297

1 181

1 176

Indiċi

100

98

90

89

Spiża għal kull unità tal-produzzjoni (EUR/tunnellati)

1 177

1 176

1 155

1 215

Indiċi

100

100

98

103

Sors: il-kwestjonarji dwar il-ħsara.

(83)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet tal-bejgħ fuq bażi medja naqsu (– 11 %), mhux bħall-kost korrispondenti (+ 3 %). Fil-perjodu ta' investigazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ kienu fuq bażi medja aktar baxxi mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità.

(84)

Sabiex jillimitaw it-telf tas-sehem mis-suq, il-produtturi tal-Unjoni segwew ix-xejra 'l isfel fil-prezz tal-importazzjonijiet u baxxew il-prezz tal-bejgħ b'mod sinifikanti. Iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni tista' tiġi parzjalment spjegata mill-fatt li l-produzzjoni tal-LWTO hija impriża b'kostijiet fissi għoljin korrelati mat-tnaqqis fil-produzzjoni (– 3 % fost il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun). Il-produtturi tal-Unjoni paċew parzjalment iż-żieda fil-kost tal-materja prima li rriżultat minn rata tal-kambju żvantaġġuża USD/EUR (il-polpa tal-karta hija kkummerċjata f'USD) billi żammew kontroll qawwi fuq kosti oħrajn u billi rrazzjonalizzaw.

4.4.3.2.   Il-prezzijiet lavorattivi

(85)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Kostijiet lavorattivi għal kull impjegat

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Kostijiet lavorattivi medji kull impjegat (EUR)

64 244

63 424

65 919

67 047

Indiċi

100

99

103

104

Sors: il-kwestjonarji dwar il-ħsara.

(86)

Matul il-perjodu kkunsidrat, is-salarju ġenerali medju ta' kull impjegat żdied b'4 %. Dan huwa kongruwenti maż-żieda globali fil-prezzijiet fl-Unjoni minħabba l-inflazzjoni

4.4.3.3.   Inventarji

(87)

Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Inventarji

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

24 000 – 29 000

15 000 – 20 000

23 000 – 28 000

23 000 – 28 000

Indiċi

100

65

94

93

Stokks tal-geluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

7,9

5,9

8,3

7,6

Indiċi

100

74

105

96

Sors: il-kwestjonarji dwar il-ħsara.

(88)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-livell tal-ħażniet tal-għeluq naqas bi 7 %. B'mod ġenerali il-prodott simili huwa maħdum fuq il-bażi ta' ordnijiet speċifiċi mill-utenti. L-istokks mhumiex ikkunsidrati indikatur importanti ta' ħsara għal din it-tip ta' industrija minħabba li ġeneralment dawn isegwu l-produzzjoni u mhumiex akbar mill-produzzjoni ta' xahar. L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni juru perċentwal simili fil-bidu u fl-aħħar tal-perjodu kkunsidrat.

4.4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

(89)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni għal klijenti mhux relatati (% tal-fatturat)

13,0

11,5

5,3

– 0,5

Indiċi

100

89

41

– 4

Fluss tal-flus (EUR)

80 000 000 – 100 000 000

45 000 000 – 65 000 000

10 000 000 – 30 000 000

10 000 000 – 30 000 000

Indiċi

100

64

19

21

Investimenti (EUR)

1 500 000 – 6 500 000

2 000 000 – 7 000 000

6 000 000 – 11 000 000

4 500 000 – 9 000 000

Indiċi

100

116

280

203

Redditu fuq l-investimenti (%)

203,93

132,56

58,28

57,17

Indiċi

100

65

29

28

Sors: il-kwestjonarji dwar il-ħsara.

(90)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ.

(91)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-profittabbiltà żviluppat b'mod negattiv minn sitwazzjoni ta' profitt fl-2012 għal-telf fil-perjodu ta' investigazzjoni (– 0,5 %). Filwaqt li x-xejra hija parzjalment marbuta mar-razzjonalizzazzjoni f'uħud mill-produtturi tal-Unjoni, il-pressjoni konsiderevoli fuq il-prezz u l-volum li saret fuq l-industrija tal-Unjoni miż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat matul il-perjodu 2013–2015 ma ppermettewx li l-industrija tal-Unjoni tibbenefika miż-żieda fil-konsum fl-Unjoni.

(92)

Il-fluss tal-flus nett jirrappreżenta l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw huma stess l-attivitajiet tagħhom. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett segwiet xejra qawwija 'l isfel, l-aktar minħabba t-tnaqqis fil-profittabbiltà.

(93)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur skont il-kotba nett tal-investimenti. Dan naqas (– 72 %), skont il-profittabbiltà. Ħlief għal investiment speċifiku minn produttur tal-Unjoni biex itejjeb l-effiċjenza fil-perjodu 2014–2015, il-produtturi fil-kampjun żammew il-livell ta' investiment tagħhom għall-ammonti assolutament meħtieġa biex ikompli għaddejjin bix-xogħol.

(94)

Il-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital ġie effettwat mit-tnaqqis fil-profittabbiltà, kif jidher mil-livell baxx ta' investimenti għal din it-tip ta' industrija.

4.4.4.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(95)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-ħsara lill-industrija tal-Unjoni hija materjali u evidenti f'termini ta' indikaturi ta' ħsara relatati mal-prezz bħal tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ (– 11 %), tnaqqis fil-profittabbiltà (minn + 13 % għal – 0,5 %), il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-assi nett. Minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ, l-azzjonijiet konkreti biex tiżdied l-effiċjenza u l-kontroll qawwi fuq il-kosti ma setgħux jipproteġu lill-produtturi tal-Unjoni milli jagħmlu telf matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda indikaturi ta' ħsara relatati mal-volum, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika miż-żieda fil-konsum tal-Unjoni. Tabilħaqq, is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni naqas bi 12-il punt perċentwali mal-il-perjodu kkunsidrat.

(96)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' din it-tip ta' industrija (intensiva fil-kapital u b'ħidma bażikament bla waqfien), l-indikaturi relatati mal-volum bħall-volum tal-produzzjoni jew tal-bejgħ urew xejra pjuttost stabbli f'termini assoluti. Madankollu, wieħed irid jara dan f'kuntest ta' domanda dejjem tiżdied, għalhekk f'termini relattivi is-sitwazzjoni ddeterjorat.

(97)

Minkejja azzjonijiet konkreti (bħal fid-dawl ta' aktar perfezzjonament tal-proċessi interni) mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat biex titjieb il-prestazzjoni ġenerali tagħha, il-qagħda tagħha ddeterjorat b'mod sinifikanti jiġifieri fir-rigward tal-profittabbiltà u t-telf tas-sehem mis-suq. Id-diffikultajiet biex jiġi ġġenerat il-kapital ipposponew ċerti investimenti.

(98)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f'dan l-istadju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   RABTA TA' KAWŻALITÀ

(99)

F'konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. B'konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi oħra magħrufin setgħux fl-istess ħin jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kull dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn barra l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Dawn il-fatturi huma: importazzjonijiet oħra, l-effetti tal-prezzijiet tal-LWTP ħielsa mill-fenol, il-prezzijiet antidumping fl-USA, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, iż-żieda fil-kompetizzjoni fosthom, sensiela ta' kwistjonijiet dwar kosti, Internet globali u żieda fid-diġitalizzazzjoni (jiġifieri żieda fil-ħlasijiet mhux karataċeji), pressjoni fuq il-prezz minn katini kbar tal-bejgħ bl-imnut u r-razzjonalizzazzjoni fl-industrija tal-Unjoni.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(100)

Il-prezzijiet tal-produtturi esportaturi naqsu b'medja ta' 15 % matul il-perjodu kkunsidrat. Bit-tnaqqis kontinwu tal-prezz tal-bejgħ ta' kull unità fil-livell ta' dumping matul il-perjodu kkunsidrat, il-produtturi mill-pajjiżi kkonċernati setgħu ikabbru s-sehem tagħhom mis-suq b'mod sinifikanti mill-2012 (0,7 %) sal-perjodu ta' investigazzjoni (13,6 %).

(101)

Iż-żieda kontinwa fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea wara l-espansjoni fil-kapaċità tal-produttur esportatur bi prezzijiet imnaqqsa kellha impatt negattiv ċar fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Importazzjonijiet oġġett ta' dumping sfurzaw lill-industrija tal-Unjoni biex tbaxxi l-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni sabiex tillimita t-telf tas-sehem mis-suq, li rriżultaw f'telf fil-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni baqa' stabbli, għalhekk ma setgħetx tibbenefika miż-żieda fil-konsum fl-Unjoni u għaldaqstant tilfet kważi 12 % tas-sehem mis-suq.

(102)

Fid-dawl tal-koinċidenza stabbilita b'mod ċar fiż-żmien bejn, minn naħa waħda, il-livell dejjem jiżdied ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet dejjem jonqsu — li nstab li kienu wkoll qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni — u, min-naħa l-oħra, l-istaġnar tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, it-telf tas-sehem mis-suq u t-tnaqqis fil-prezz li rriżultaw f'qagħda ta' telf fost il-produtturi fil-kampjun, il-konklużjoni hija li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping kienu responsabbli għall-qagħda ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.2.   Effetti ta' fatturi oħra

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(103)

Il-volum ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppa matul il-perjodu kunsidrat kif ġej:

Tabella 11

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

 

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra l-pajjiż ikkonċernat

Volum (tunnellati)

3 500 -5 000

2 000 -3 500

1 500 -3 000

2 000 -3 500

Indiċi

100

75

44

63

Is-sehem mis-suq (%)

2,4

1,7

1,0

1,3

Prezz medju (EUR)

799

631

677

1 147

Indiċi

100

79

85

143

Sors: kwestjoarju dwar id-dumping u l-estimi tal-ETPA.

(104)

L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat huma kważi kollha importazzjonijiet lejn l-Unjoni. Importazzjonijiet oħra (mill-USA u mir-RPĊ) naqsu b'37 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Is-sehem mis-suq ta' tali importazzjonijiet kien ta' 1,3 % fil-perjodu ta' investigazzjoni, għalhekk inqas mid-de minimis u x'aktarx li ma kinux il-kawża ta' xi ħsara lill-produtturi tal-Unjoni u ksur tar-rabta ta' kawżalità.

5.2.2.   Il-prestazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(105)

Il-volum tal-bejgħ (bejgħ mhux relatat) tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 12

Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun

 

2012

2013

2014

Perjodu ta' investigazzjoni

Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati)

70 000 – 90 000

90 000 – 110 000

100 000 – 120 000

95 000 – 115 000

Indiċi

100

125

135

127

Prezz medju (EUR/tunnellati)

1 234

1 177

1 127

1 211

Indiċi

100

95

91

98

Sors: il-kwestjonarji dwar il-ħsara.

(106)

Il-volum tal-esportazzjonijiet lil konsumaturi mhux relatati żdied f'27 % matul il-perjodu kkunsidrat. Rigward il-prezzijiet, dawn naqsu matul il-perjodu ta' investigazzjoni (– 2 %), iżda inqas mill-prezz fis-suq tal-Unjoni (– 11 %). Fid-dawl tal-fatt li l-profittabbiltà fis-swieq tal-esportazzjoni, anke jekk kienet qed tonqos, kienet aħjar milli fl-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni ħatfu ċerti opportunitajiet tal-esportazzjoni sabiex jimmassimizzaw il-kapaċità tal-użu u jtaffu l-kosti fissi.

(107)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx li ma kinitx il-kawża ta' xi ħsara lill-produtturi tal-Unjoni u tikser ir-rabta ta' kawżalità.

5.2.3.   Dazji antidumping fl-USA

(108)

Il-produttur esportatur iddikjara li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara peress li produttur wieħed fil-kampjun ma setax ibiegħ LWTP fl-USA minħabba d-dazji għoljin antidumping li jaffettwaw dan il-prodott.

(109)

Dawn iċ-ċirkostanzi kellhom xi impatt fuq produttur wieħed tal-Unjoni fir-rigward tal-volum tal-produzzjoni (ara l-premessa 70 hawn fuq). Madankollu, dawk iċ-ċirkostanzi ma kienx ikollhom effett fuq ħafna mid-data li tirrigwarda lil dak il-produttur tal-Unjoni, bħall-profittabbiltà fuq il-bejgħ fl-Unjoni u l-fluss tal-flus.

(110)

Fi kwalunkwe każ l-impatt huwa limitat fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni inġenerali. Ir-raġunijiet huma ħafna. I-ewwel nett, il-kwistjoni tirrigwarda wieħed biss mill-produtturi tal-Unjoni — wieħed għandu jinnota li ż-żewġ produtturi l-oħra fil-kampjun, li ma kinux soġġetti għall-miżuri, żiedu l-bejgħ tagħhom lejn l-USA. It-tieni, il-produttur fil-kwistjoni irnexxielu jikkumpensa parzjalment billi żied l-esportazzjonijiet lejn swieq oħra. L-aħħar nett, l-Istati Uniti neħħiet id-dazji antidumping inkwistjoni fi Frar tal-2015. L-impatt globali fil-perjodu ta' investigazzjoni huwa għaldaqstant kważi ineżistenti.

(111)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, l-impatt tad-dazji antidumping fl-USA mhuwiex ikkunsidrat sinifikanti għall-industrija globali fl-Unjoni sabiex jikser ir-rabta ta' kawżalità.

5.2.4.   It-tnaqqis fil-prezz tal-LWTP ħielsa mill-fenol

(112)

Il-produttur esportatur iddikjara li t-tnaqqis fil-prezz tal-Unjoni ma kiex ikkawżat mill-importazzjonijiet Koreani iżda pjuttost minn tnaqqis fil-prezz tal-LWTP ħielsa mill-fenol, prodott maħdum u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni, iżda mhux esportat mir-Repubblika tal-Korea. Din l-allegazzjoni hija bbażata fuq il-prezz tax-xiri ta' ċerti kumpaniji relatati mal-produttur esportatur (xiri minn żewġ produtturi fl-Unjoni).

(113)

F'dan ir-rigward wieħed għandu jinnota li, kif spjegat hawn fuq (ara l-premessa 20 u wara), l-LWTP ħielsa mill-fenol hija interkambjabbli u tikkompeti mal-LWTP li fiha l-fenol, għaldaqstant il-prezzijiet tagħha jistgħu jiġu wkoll influwenzati mill-importazzjonijiet Koreani u mis-suq ġenerali, fejn l-LWTP li fiha l-fenol hija predominanti (84 % tal-konsum fl-Unjoni). Barra minn hekk, id-dejta tal-industrija tal-Unjoni uriet li matul il-perjodu kkunsidrat il-prezzijiet tal-bejgħ ta' kull unità tal-LWTP ħielsa mill-fenol naqsu inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ ta' kull unità tal-LWTP li fiha l-fenol. Mela fil-fatt it-tnaqqis fil-prezz huwa iktar importanti meta jiġi injorat l-impatt tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ta' LWTP ħielsa mill-fenol. Barra minn hekk, instab li l-kalkolu tat-twaqqigħ fil-prezz ibbażat fuq tqabbil bejn prodotti simili, jiġifieri esklużi t-tipi ħielsa mill-fenol li ma kinux importati, kien sinifikanti.

5.2.5.   Raġunijiet oħra

(114)

Skont ċerti partijiet, il-produtturi tal-Unjoni ġarrbu ħsara minħabba l-kompetizzjoni dejjem tiżdied fosthom (għall-użu tal-kapaċità). kosti għoljin (minħabba żieda madwar id-dinja fil-prezzijiet tal-materja prima marbuta mar-rata tal-kambju USD/EUR u żieda fil-kosti lavorattivi u tal-enerġija), Internet globali u żieda fid-diġitalizzazzjoni (jiġifieri żieda fil-ħlasijiet mhux karataċeji) u pressjoni fuq il-prezz minn katini kbar tal-bejgħ bl-imnut (bħal pompi tal-petrol u supermarkets). Madankollu, ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma nstab li kien jikser ir-rabta ta' kawżalità bejn il-ħsara materjali u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-Repubblika tal-Korea.

(115)

Ma hemm l-ebda evidenza ta' prattiki antikompetittivi. Xejn fil-fajl ma wera li l-kompetizzjoni fost il-produtturi tal-Unjoni (għall-użu tal-kapaċità) ma kinitx ġusta.

(116)

Fir-rigward tal-allegazzjoni ta' kosti għoljin, wieħed jinnota li l-produtturi tal-Unjoni żammew kontroll qawwi fuq il-kosti matul il-perjodu kkunsidrat, biż-żieda tkun żgħira (+ 3 %). Tali żieda tinkludi kwalunkwe tibdil fil-prezzijiet tal-polpa tal-karta (li tirrappreżenta madwar terz tal-kosti totali tal-LWTP), il-kosti tal-enerġija u l-kosti lavorattivi, b'dawn tal-aħħar eżaminati aktar fid-dettal fil-premessi 85–86.

(117)

L-investigazzjoni ma setgħetx tikkonferma li l-Internet globali u ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni (jiġifieri aktar ħlasijiet mhux karatċeji) setgħu jkunu sors ta' ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, instab li l-konsum fl-Unjoni tal-LWTP żdied b'mod stabbli.

(118)

Rigward l-allegazzjoni li jkun hemm xi pressjoni fuq il-prezz minn katini kbar tal-bejgħ bl-imnut (bħal pompi tal-petrol u supermarkets), il-aprtijiet interessati ma pprovdew ebda evidenza sostanzjata u l-investigazzjoni ma setgħetx tikkonfermaha.

(119)

Wieħed ikompli jinnota li l-investigazzjoni wriet li xi produtturi tal-Unjoni għaddew minn proċessi ta' ristrutturar u riorganizzazzjoni fil-passat qrib bl-għan li jtejbu l-kompetittività tagħhom. Uħud minn dawn il-proċessi għadhom għaddejjin u uħud mill-azzjonijiet konkreti previsti, bħal investimenti speċifiċi, ġew imfixkla mill-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq il-profittabbiltà ta' dawk il-produtturi, u għalhekk kellhom impatt fuq il-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw kapital. Għalhekk dan il-fattur ma nstabx li kien jikser ir-rabta ta' kawżalità bejn il-ħsara materjali u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-Repubblika tal-Korea.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(120)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f'dan l-istadju li l-ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni kienet ikkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat u l-fatturi l-oħra, meta kkunsidrati separatament jew flimkien, ma kinux jiksru r-rabta ta' kawżalità.

(121)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufin dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti ta' ħsara tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Instab li l-fatturi l-oħra identifikati bħall-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, id-dazji antidumping fl-USA, il-kosti ogħla u sensiela ta' proċessi ta' razzjonalizzazzjoni proviżjonalment ma kinux jiksru r-rabta ta' kawżalità, anke jekk wieħed iqis l-effett possibbli kkombinat tagħhom.

6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(122)

B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx b'mod ċar tikkonkludi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f'dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta' dumping ta' ħsara. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, il-kummerċjanti fil-livelli differenti u l-utenti.

6.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(123)

L-industrija tal-Unjoni tikkonsisti f'ħames produtturi li jinsabu fi tliet Stati Membri (il-Ġermanja, Spanja u l-Finlandja). Ħadd minnhom ma oppona l-bidu tal-investigazzjoni.

(124)

Il-produtturi kollha tal-Unjoni ipparteċipaw attivament fl-investigazzjoni u argumentaw li l-impożizzjoni ta' miżuri tista' tissalvagwardja l-impjiegi, tippromwovi investimenti aktar u tikkontribwixxi biex titreġġa' lura x-xejra ta' tnaqqis fil-profittabbiltà li ġiet osservata minn meta l-esportatur Korean daħal fis-suq tal-Unjoni.

(125)

L-industrija tal-Unjoni diġà għaddiet minn ristrutturar sinifikanti fil-passat u hija kostantement attenta sabiex ittejjeb l-effiċjenza tagħha fil-proċess tal-produzzjoni. It-tqabbil taċ-ċifri tal-volum tal-produzzjoni fit-Tabella 4 hawn fuq mal konsum tal-Unjoni deskritt fil-premessi 53 sa 55 juri li, kuntrarju għal dak li ddikjarat parti waħda, l-industrija tal-Unjoni tista' tlaħħaq mad-domanda fl-Unjoni. Ir-rata għolja tal-kapaċità tal-użu li tidher fit-Tabella 4 hawn fuq ma tfissirx li l-industrija tal-unjoni ma tistax tipproduċi aktar. Minn naħa waħda, il-produtturi tal-Unjoni għandhom apparat li jservi skopi diversi bi “swing capacity”, jiġifieri il-kapaċità ddawwar il-produzzjoni lejn prodott differenti. Min-naħa l-oħra, il-produttur iżgħar tal-Unjoni li qiegħed gradwalment inaqqas il-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni jista' jikkunsidra mill-ġdid din l-għażla jekk ikun hemm kompetizzjoni ġusta.

(126)

Wieħed jistenna li l-impożizzjoni ta' miżuri se tistabbilixxi mill-ġdid kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u livell ġust tal-prezz fis-suq tal-Unjoni, u se ttejjeb il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni għal livelli kkunsidrati normali għal din l-industrija intensiva fil-kapital. Li kieku ma kienx hemm dazji, uħud mill-produtturi tal-Unjoni forsi kienu jnaqqsu l-attivitajiet LWTP tagħhom, u anke jwaqqfuhom, u jnaqqsu l-impjiegi. Dan jista' jirriżulta f'suq inqas kompetittiv u utenti b'sorsi ta' forniment aktar limitati.

(127)

Fin-nuqqas ta' miżuri, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx li tkompli tiddeterjora. X'aktarx ikun hemm aktar telf fil-profitt u fis-sehem mis-suq minħabba li ma hemmx raġunijiet biex jiġi stabbilit li t-tnaqqis fil-prezz se jonqos fl-assenza tal-miżuri.

(128)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet f'dan l-istadju li l-impożizzjoni ta' dazji antidumping tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.2.   L-interess ta' partijiet interessati oħra

(129)

Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu kwestjonarji lil 50 parti interessata. Madankollu, mhux kollha wieġbu għall-kwestjonarji. Saru rappreżentazzjonijiet minn 25 konvertitur, kummerċjanti f'kull livell u minn assoċjazzjoni waħda (il-Konfederazzjoni tal-Industriji tal-Karta Ewropej, “CEPI”) iżda 14-il parti biss attwalment wieġbet għall-kwestjonarju. Dawn it-tweġibiet madankollu ma kinux dejjem eżawrjenti, b'uħud minnhom biss allegazzjonijiet mhux ikkonfermati minn evidenza verifikabbli.

(130)

Tlieta mill-konvertituri li ma wieġbux għall-kwestjonarju, esprimew li huma favur il-miżuri, l-aktar minħabba li l-miżuri jistabbilixxu mill-ġdid kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni fis-suq tal-UE. Għal dak li jirrigwarda l-volum tax-xiri ta' LWTP, dawn il-konvertituri għandhom aktar piż minn dawk li ma esprimewx opinjoni jew li kienu kontra l-miżuri. Barra minn hekk CEPI kienet favur il-miżuri, u ddikjarat li l-industriji ġenerali upstream, il-konvertituri mhux relatati u l-konsumaturi finali ikunu effettwati b'mod negattiv mill-importazzjonijiet Koreani oġġett ta' dumping.

(131)

Il-partijiet li huma kontra l-impożizzjoni tal-miżuri jibżgħu minn skarsezza ta' karta u żidiet fil-prezz, nuqqas ta' sorsi alternattivi ta' forniment, prattiki antikompetittivi mill-produtturi tal-Unjoni, u fl-aħħar nett, it-tmiem ta' xi attivitajiet tal-konvertiment u/jew tal-konvertituri. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li hemm ħafna sorsi ta' forniment disponibbli fl-Unjoni Ewropea, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' prattiki antikompetittivi mill-produtturi tal-Unjoni u li l-impożizzjoni ta' miżuri mhux se tirrikjedi żidiet sinifikanti fil-prezzijiet, meta wieħed jikkunsidra wkoll il-livell tal-marġini tad-dumping.

(132)

Fl-aħħar nett, kemm il-produttur esportatur kif ukoll il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea ddikjaraw li l-analiżi ta' interess tal-Unjoni jeħtieġ tqis l-investimenti li għamel il-grupp Hansol fl-Unjoni fil-perjodu 2013–2016 u l-għadd ta' impjiegi li jappartjenu għall-konvertituri relatati. Madankollu, dawn ma pprovdewx evidenza speċifika għall-produzzjoni tal-LWTP.

(133)

Barra minn hekk, peress li l-miżura tistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni ġusta biss fis-suq tal-Unjoni, qed jiġi kkunsidrat li l-miżuri antidumping se jirrikjedu li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat se jidħlu fl-Unjoni bi prezzijiet li jagħmlux ħsara. Dan għandhom jibbenefikaw minnu l-konvertituri indipendenti.

(134)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet f'dan l-istadju li l-impatt tad-dazji antidumping fuq il-partijiet li huma kontra l-miżuri mhuwiex akbar mill-effett pożittiv tal-miżuri għall-industrija tal-Unjoni. Rigward il-partijiet li għamlu rappreżentazzjonijiet mhux sostanzjati, l-investigazzjoni ma setgħetx turi li l-impożizzjoni tal-miżuri kien se jkollha impatt sinifikanti fuqhom, jekk xejn.

6.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(135)

Abbażi ta' dak ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet serji li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq importazzjonijiet ta' LWTP li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea f'dan l-istadju tal-investigazzjoni.

7.   MIŻURI PROVVIŻORJI ANTIDUMPING

(136)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar dumping, ħsara, kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji sabiex ma tkomplix issir ħsara li qed tiġi kkawżata lill-industrija tal-Unjoni minn importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara (Marġini tal-ħsara)

(137)

Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta' dazju neċessarju biex tiġi eliminata l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(138)

Il-ħsara tiġi eliminata kieku l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tkopri l-kosti tal-produzzjoni u tikseb profitt qabel it-taxxa fuq il-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni li jista' jinkiseb raġonevolment f'kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(139)

Fl-ilment tal-ilmentatur talab biex il-Kummissjoni tuża “madwar 10 %” tal-fatturat bħala marġini ta' profitt raġonevoli mhux ta' ħsara. L-investigazzjoni wriet li l-profittabbiltà attwali tal-industrija tal-Unjoni qabel iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet Koreani kellhom impatt kbir kienet ta' 13 % fl-2012 u 11,5 % fl-2013. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-marġini tal-profitt miksub mill-industrija fis-sena l-aktar rappreżentattiva, jiġifieri s-sena 2013, huwa bażi xierqa għal profitt fil-mira.

(140)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni kkalkulat prezz mhux ta' ħsara ta' prodott simili għall-industrija tal-Unjoni billi żiedet il-marġini tal-profitt imsemmi hawn fuq ta' 11,5 % mal-kost tal-produzzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

(141)

Il-Kummissjoni imbagħad iddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara fuq il-bażi ta' tqabbil tal-medja ponderata tal-prezz tal-importazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera fil-pajjiż ikkonċernat, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, mal-medja ponderata tal-prezz mingħajr ħsara tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ingħatat bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni. Il-marġini ta' ħsara ġie stabbilit b'mod provviżorju għal 35,8 %.

7.2.   Miżuri provviżorji

(142)

Miżuri antidumping provviżorji jeħtieġ li jiġu imposti fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, b'konformità mar-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tal-ħsara u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazji jeħtieġ jiġi stabbilit fil-livell li hu l-inqas bejn l-marġini tad-dumping u dak tal-ħsara, jiġifieri fil-livell tal-marġini tad-dumping.

(143)

Abbażi ta' dak ta' hawn fuq, ir-rati provviżorji antidumping, espressi fil-prezz CIF tal-Unjoni fil-fruntiera, ħieles mid-dazju doganali, għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġini tad-dumping

Marġini tal-ħsara

Dazju provviżorju antidumping

Ir-Repubblika tal-Korea

Il-grupp Hansol (Hansol Paper Co., Ltd u Hansol Artone Paper Co. Ltd) (%)

12,1

35,8

12,1

Il-kumpaniji l-oħra kollha (%)

12,1

35,8

12,1

(144)

Kif spjegat fil-premessa 50, il-livell tal-kooperazzjoni f'dan il-każ huwa għoli minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu l-esportazzjonijiet kollha lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Għalhekk, id-dazju residwu antidumping huwa bbażat fil-livell tal-kumpanija li kkooperat.

(145)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (6). It-talba trid tkun tinkludi l-informazzjoni kollha relevanti li tkun tista' turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, avviż formali li jinforma dwar il-bidla fl-isem se jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(146)

Biex ikun żgurat infurzar xieraq ta' dazji antidumping, ir-rata tad-dazju antidumping għall-“kumpaniji kollha l-oħrajn” għandha tkun applikata mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

8.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(147)

Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati biex jippreżenta kummenti bil-miktub u/jew biex jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali fi żmien skadenza stipulata.

(148)

Il-konklużjonijiet rigward l-impożizzjoni ta' dazji provviżorji huwa provviżorji u jistgħu jiġu emendati fi stadju definittiv tal-investigazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju provviżorju antidumping huwa impost fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li tiżen 65 gr/m2 jew inqas; f'rombli ta' wisgħa ta' 20 ċm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 40 ċm jew aktar (“rombli jumbo”); b'kisja ta' taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajra; miksija b'sustanza termosensittiva fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat u b'kisja ta' fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li bħalissa taqa' fil-kodiċijiet tan-NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (kodiċijiet TARIC 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520).

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandha tkun 12,1 %.

3.   Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għad-dispożizzjoni ta' depożitu ta' sigurtà ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

4.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet doganali fis-seħħ.

Artikolu 2

1.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati jistgħu:

(a)

Jitolbu divulgazzjoni tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament;

(b)

Jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni; kif ukoll

(c)

Jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew l-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali.

2.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jistgħu jikkummentaw fuq l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 japplika għal perjodu ta' sitt xhur.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) tħassar mir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament bażiku”).

(3)  ĠU C 62, 18.2.2016, p. 7.

(4)  Din l-informazzjoni tinsab f'meded minħabba r-risjku li kumpanija f'kampjun twettaq “reverse-engineering” biex tikseb id-data tal-kompetituri.

(5)  Il-premessa 73 tar-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011 (ĠU L 128, 14.5.2011, p. 1).

(6)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Rue de la Loi 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.