10.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1962

tas-7 ta' Novembru 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u partikolarment l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta' oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Bibien tad-doċċa żarmati, iddisinjati biex jiġu mmuntati u jitwaħħlu mal-ħajt, li jikkonsistu mill-komponenti li ġejjin:

żewġ panewijiet, tal-ħġieġ “single-pane-security” (ESG EN 12150), bil-qisien 2 100 × 860 × 6 mm (panew li jimpernja u li jiffunzjona bħala bieb) u 2 100 × 810 × 6 mm (panew fiss/ma jimpernjax),

żewġ profili tal-aluminju li jitwaħħlu fuq naħa waħda ta' kull panew, bil-qisien 2 100  × 25 mm li fihom rails, siġill tal-plastik u erba' toqob bil-kamin,

pumi, travi, pjanċi, ċappetti, klamps u strumenti oħrajn tat-twaħħil magħmulin minn azzar ta' grad għoli,

viti, ċwievet “hex”, tappijiet u ankri,

siġilli (siġill manjetiku, biex jingħalqu il-panewijiet tal-bieb, u siġill minfaħ għall-issiġillar bejn partijiet fissi u mobbli).

Il-ħġieġ għandu protezzjoni, billi li jkun ġie mgħaddas f'likwidu u pproċessat kontra l-ġir, il-ħmieġ u l-ħsara mir-residwi tal-aġenti tat-tindif.

Aara l-istampa tal-oġġett diġà immuntat (*).

7020 00 80

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 2(a), 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 7020 00 u 7020 00 80 .

L-oġġett huwa prodott kompost, ippreżentat żarmat, magħmul minn komponenti differenti. Billi l-profili jinsabu fuq naħa waħda biss ta' kull panew, il-prodott ma jitqiesx li għandu jitqiegħed fi frejm (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għall-Kapitolu 70, Ġenerali, it-tieni paragrafu). Il-profili, il-mezzi ta' rbit, il-viti, it-tappijiet, is-siġilli, eċċ. huma komponenti ta' natura subordinata. Għalhekk, huwa l-ħġieġ li jagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7326 , bħala prodott ieħor magħmul mill-azzar jew taħt l-intestatura 7610 bħala frejms magħmula mill-aluminju hija għalhekk eskluża.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7013 bħala oġġetti tal-ħġieġ ta' tip użat għat-twaletta jew għanijiet simili hija eskluża, minħabba li huma koperti biss oġġetti mobbli żgħar (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 7013 , l-ewwel paragrafu, punt (2)).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7007 bħala ħġieġ ta' sikurezza hija eskluża minħabba li din l-intestatura tkopri ħġieġ ta' sikurezza iżda mhux oġġetti magħmulin minnu.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7020 00 80 , bħala oġġetti oħrajn tal-ħġieġ.

Image

(*)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.